Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/1056 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), li għandu l-għan li jgħin lin-nies, lill-ekonomiji u l-ambjent ta’ territorji li qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi serji ġejjin mill-bidla għal Unjoni Ewropea (UE) b’impatt newtrali fuq il-klima.

PUNTI EWLENIN

  • Il-JTK għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku waħdieni li jgħin reġjuni u nies jindirizzaw l-impatti soċjali, ekonomiċi, ambjentali u fuq l-impjiegi tat-tranżizzjoni tal-UE lejn il-miri tal-2030 tagħha għal enerġija u klima u ekonomija tal-Unjoni b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050, ibbażata fuq il-Ftehim ta’ Pariġi (ara s-sommarju).
  • Huwa l-ewwel pilastru tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta flimkien mal-iskema InvestEU u l-Faċilità ta’ Self għas-Settur Pubbliku.
  • Huwa element prinċipali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (ara s-sommarju).

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-JTF jgħin investimenti sostenibbli fi:

  • intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inkluż mikrointrapriżi u start-ups;
  • attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż dawk li jsiru minn universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka;
  • enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija;
  • mobilità lokali intelliġenti u sostenibbli, inkluż dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport lokali u l-infrastruttura tiegħu;
  • modernizzazzjoni tan-netwerks ta’ tisħin tad-distrett;
  • innovazzjoni diġitali u konnettività;
  • riabilitazzjoni ta’ siti abbandunati u infrastruttura ekoloġika;
  • taħriġ mill-ġdid ta’ ħaddiema u nies li qed ifittxu xogħol;
  • edukazzjoni u inklużjoni soċjali, inkluż investimenti fl-infrastruttura għal ċentri ta’ taħriġ u faċilitajiet ta’ kura għat-tfal u għall-anzjani.

Il-finanzjament ta’ dawn li ġejjin huwa eskluż:

  • it-tħaddim għall-ewwel darba jew il-bini ta’ stazzjonijiet ta’ enerġija nukleari;
  • attivitajiet relatati ma’ prodotti tat-tabakk;
  • investimenti relatati mal-fjuwils fossili;
  • kumpaniji f’diffikultà, sakemm ikunu awtorizzati taħt regoli temporanji ta’ sussidji mill-Istat stabbiliti biex jindirizzaw ċirkostanzi eċċezzjonali.

Riżorsi

Aċċess għall-fondi

  • Aċċess għall-fondi tal-JTF jiddependi fuq l-Istati Membri tal-UE li jimpenjaw ruħhom li jiksbu n-newtralità għall-klima sal-2050.
  • 50 % tal-allokazzjoni nazzjonali biss ser tkun disponibbli għal dawk l-Istati Membri li għadhom ma kkommettewx ruħhom għall-mira.

Mekkaniżmu ta’ kumpens ekoloġiku

  • Jekk ir-riżorsi tal-JTF jiżdiedu wara l-31 ta’ Diċembru 2024, ir-riżorsi addizzjonali ser jingħataw lill-Istati Membri skont mekkaniżmu ta’ “kumpens ekoloġiku”.
  • Dan ifisser li Stati Membri li jnaqqsu l-emmissjonijiet tal-gassijiet serra b’rata iktar mgħaġġla ser jirċievu allokazzjonijiet addizzjonali.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal-Tranżazzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 1–20).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/1056 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Politika tal-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 159–706).

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, pp. 17–75).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kummissjoni 2021/1129 li tistabbilixxi t-tqassim annwali tal-allokazzjonijiet disponibbli taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għal kull Stat Membru (ĠU L 244, 9.7.2021, pp. 4–9).

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 23–27).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewoprew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli — Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2020) 21 final, 14.1.2020).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final, 11.12.2019).

Il-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, pp. 4-18).

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32–46).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.10.2021

Top