Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programm tal-UE tal-Erasmus+ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport

Programm tal-UE tal-Erasmus+ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 2021/817 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jistabbilixxi l-programm Erasmus+ bil-għan li jappoġġa, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, l-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali tan-nies fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, fl-Ewropa u lil hinn minnha, u b’hekk jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli, impjiegi ta’ kwalità u l-koeżjoni soċjali, ħalli jixpruna l-innovazzjoni u jgħin biex tissaħħaħ l-identità Ewropea u ċ-ċittadinanza attiva.

PUNTI EWLENIN

Għanijiet u azzjonijiet ewlenin

L-għan ġenerali tal-programm huwa li jappoġġa t-tagħlim tul il-ħajja, permezz tal-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali ta’ nies fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, fl-Ewropa u lil hinn. Il-programm se jkun strument ewlieni għall-bini ta’ żona Ewropea tal-edukazzjoni, li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strateġika Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-aġendi settorjali sottostanti, li javvanza l-kooperazzjoni fuq il-politika taż-żgħażagħ fl-ambitu tal-istrateġija tal-UE taż-żgħażagħ għall-2019–2027 u jiżviluppa d-dimensjoni Ewropea fl-isport.

L-għanijiet speċifiċi tal-programm Erasmus+ huma li jippromwovi:

  • il-mobilità tat-tagħlim ta’ individwi u gruppi, u l-kooperazzjoni, il-kwalità, l-inklużjoni u l-ekwità, l-eċċellenza, il-kreattività u l-innovazzjoni fil-livell ta’ organizzazzjonijiet u politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • il-mobilità tat-tagħlim mhux formali u informali u l-parteċipazzjoni attiva fost iż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni, il-kwalità, l-inklużjoni, il-kreattività u l-innovazzjoni fil-livell tal-organizzazzjonijiet u l-politiki fil-qasam taż-żgħażagħ;
  • il-mobilità tat-tagħlim tal-persunal tal-isport, u l-kooperazzjoni, il-kwalità, l-inklużjoni, il-kreattività u l-innovazzjoni fil-livell tal-organizzazzjonijiet tal-isport u politiki tal-isport.

Dawn l-għanijiet se jiġu segwiti minn tliet azzjonijiet ewlenin:

  • 1.

    il-mobilità tat-tagħlim;

  • 2.

    il-kooperazzjoni fost organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet;

  • 3.

    l-appoġġ għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni tal-politika.

Eliġibbiltà

Lil hinn mill-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tal-UE, il-programm huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea flimkien ma’ pajjiżi oħra mhux tal-UE, inklużi l-pajjiżi kandidati tal-UE, taħt ċerti termini u kundizzjonijiet. Ċerti azzjonijiet tal-programm jistgħu wkoll ikunu miftuħin għal entitajiet minn pajjiżi mhux tal-UE mhux assoċjati mal-programm.

Baġit

  • Il-programm jdum għaddej mill-1 ta ’Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, it-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali.
  • Huwa għandu baġit ta’ EUR 24.574 biljun fi prezzijiet kurrenti, b’EUR 1.7 biljun addizzjoniali fi prezzijiet kostanti tal-2018.
  • 83 % tal-baġit huwa allokat għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u 10.3 % għall-qasam taż-żgħażagħ, u 1.9 % huwa allokat għal attivitajiet relatati mal-isport.
  • Ir-regolament jinkludi l-forom ta’ finanzjament tal-UE disponibbli u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ir-regolament finanzjarju (ara s-sommarju).

Miżuri ta’ inklużjoni

Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat att ta’ implimentazzjoni mmirat lejn parteċipazzjoni aktar inklużiva u varjata fil-programm Erasmus+ għall-perjodu 2021–2027. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1877 se tippermetti lil aktar persuni jaċċessaw l-opportunitajiet offruti mill-programm billi jintlaħqu aħjar il-persuni b’inqas opportunitajiet, u b’hekk jittejbu l-ekwità u l-inklużjoni fiż-żona Ewropea tal-edukazzjoni. Il-miżuri stabbiliti b’dan il-għan jinkludu:

  • appoġġ finanzjarju akbar għal persuni b’inqas opportunitajiet, bil-għan li jkopru kwalunkwe spiża jew ħtieġa addizzjonali;
  • appoġġ imfassal apposta għall-parteċipanti (bħal appoġġ lingwistiku, żjarat preparatorji jew konsulenza msaħħa) matul il-fażijiet kollha tal-proġett tagħhom;
  • għajnuna addizzjonali għall-organizzazzjonijiet involuti fi proġetti inklużivi;
  • firxa usa’ ta’ opportunitajiet ta’ proġetti u mobbiltà ta’ durata u formati differenti biex il-parteċipanti jkunu jistgħu jsibu liema huma dawk li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom l-aħjar;
  • mekkaniżmi li jagħtu prijorità lil proġetti ta’ kwalità li jinvolvu parteċipanti b’inqas opportunitajiet u li jindirizzaw it-temi tal-inklużjoni u d-diversità; u
  • id-disponibbiltà ta’ dokumenti u materjali aktar faċli għall-utent, aċċessibbli u multilingwi.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, pp. 1–33).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1877 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni tal-Programm Erasmus+ u tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021–2027 (ĠU L 378, 26.10.2021, pp. 15–21).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2020) 625 final, 30.9.2020).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni dwar l-edukazzjoni diġitali 2021-2027 – Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali (COM(2016) 624 final, 30.09.2020).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020) 274 final, 1.7.2020).

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1–222).

L-Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 15.03.2022

Top