EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija

Drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 2021/782 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jipprovdi protezzjoni mtejba b’mod sinifikanti lill-passiġġieri tal-ferroviji f’każ ta’ tfixkil fl-ivjaġġar.
  • Għandu wkoll l-għan li jirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità jew mobilità mnaqqsa.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament japplika għal vjaġġi tal-ferrovija internazzjonali jew domestiċi pprovduti minn kumpanija/kumpaniji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea (UE). Dan jinkludi numru ta’ karatteristiċi ġodda u importanti.

  • Biljetti globali. Obbligu ġdid għat-trasportaturi li jikkwalifikaw bħala “impriża ferrovjarja unika”* sabiex joffru is-servizzi ferrovjarji reġjonali ta’ distanzi twal (internazzjonali u domestiċi) tagħhom bħala biljett globali.
  • Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiddistribwixxu data dwar it-traffiku f’ħin reali lil impriżi ferrovjarji, bejjiegħa tal-biljetti, operaturi turistiċi u amministraturi tal-istazzjon. Il-kumpaniji ferrovjarji għandhom jipprovdu informazzjoni dinamika dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali lil kumpaniji ferrovjarji oħrajn li jbigħulhom il-biljetti, kif ukoll lil bejjiegħa tal-biljetti u operaturi turistiċi.
  • Dritt li tagħżel ir-rotta tiegħek inti stess. Meta l-passiġġieri ma jkunux ġew offruti soluzzjoni f’waqtha (f’100 minuta) f’każ ta’ vjaġġ imfixkel, dawn jistgħu jorganizzaw trasport pubbliku bil-ferrovija jew bix-xarabank huma stess, u jiġu rimborżati mit-trasportatur għall-kost “neċessarju, xieraq u raġonevoli” tal-biljett addizzjonali.
  • Trasportazzjoni ta’ roti. Spazji ddedikati għal roti assemblati (mhux li jintlewew biss) se jkunu rekwiżit fuq ferroviji ġodda u fuq dawk li sarulhom aġġornamenti kbar.
  • Persuni b’diżabilità u b’mobbiltà mnaqqsa. Jnaqqas il-perjodu ta’ pre-notifika għat-talbiet għal assistenza għal 24 siegħa flimkien ma’ għadd ta’ miżuri oħra.
  • L-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri. Jintroduċi qafas tal-infurzar imtejjeb li jinkludi:
    • mekkaniżmu tal-ittrattar tal-ilmenti emendat;
    • obbligu rinforzat għal kooperazzjoni bejn il-korpi tal-infurzar nazzjonali;
    • formula standardizzata għal madwar l-Ewropa kollha li tippermetti lill-passiġġieri jitolbu rimborż jew kumpens.
  • Klawżola ta’ force majeure. L-impriżi ferrovjarji ma għandhomx għalfejn iħallsu kumpens għal dewmien jew kanċellazzjoni f’każ ta’ ċirkostanzi straordinarji bħal pandemija jew kundizzjonijiet tat-temp estremi.
  • Trattament ugwali. Hija pprojbita diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità tal-passiġġier jew il-post tal-istabbiliment tat-trasportatur jew il-bejjiegħ tal-biljetti u l-operatur turistiku ġewwa l-UE.
  • Tfixkil kbir. F’koordinazzjoni mal-maniġers tal-infrastruttura u tal-istazzjon, l-impriżi ferrovjarji għandhom jippreparaw pjanijiet ta’ kontinġenza (inkluż sistemi aċċessibbli ta’ twissija u ta’ informazzjoni) sabiex jippreparaw għall-possibbiltà ta’ tfixkil kbir u dewmien twil li jwasslu biex numru konsiderevoli ta’ passiġġieri jeħlu fi stazzjon.
  • Eżenzjonijiet. L-eżenzjonijiet li kienu diġà jeżistu ġew imqassra u l-ebda servizz tal-ferrovija mhu per se eżentat. L-Istati Membri tal-UE xorta waħda jistgħu jagħtu ċerti eżenzjonijiet, bħal għal servizzi tal-passiġġier urbani, sottourbani u reġjonali, li magħhom numru akbar ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji jibqgħu applikabbli.

MINN META SE JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan se jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2021 u se jibda japplika mis-7 ta’ Ġunju 2023.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Impriża unika: l-“impriża ferrovjarja unika” tista’ tinkludi impriżi ferrovjarji differenti li huma interkonnessi ħafna abbażi ta’ kriterju ta’ sjieda sħiħa (Artikolu 12(1)).

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (riformulazzjoni) (ĠU L 172, 17.5.2021, pp. 1-52)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, pp. 70-115)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà relatati mal-aċċessibbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (ĠU L 356, 12.12.2014, pp. 110-178)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1300/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, pp. 32-77)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, pp. 14-41)

l-aħħar aġġornament 19.07.2021

Top