Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kontrolli tax-xiri u l-pussess ta’ armi tan-nar

Kontrolli tax-xiri u l-pussess ta’ armi tan-nar

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2021/555 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi standards minimi komuni dwar l-akkwist, il-pussess u l-iskambju ta’ armi tan-nar ċivili (eż. armi tan-nar użati għall-isparar sportiv u l-kaċċa) fl-Unjoni Ewropea (UE). Dan jgħin jibbilanċja l-għanijiet tas-suq intern (jiġifieri l-moviment transfruntiera tal-armi tan-nar) u l-għanijiet tal-politika tas-sigurtà (jiġifieri l-livell għoli ta’ sigurtà u protezzjoni kontra atti kriminali u t-traffikar illeċitu) fl-UE.
  • Id-direttiva tikkodifika u tissostitwixxi d-Direttiva 91/477/KEE (u l-emendi sussegwenti tagħha).

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tistabbilixxi l-kategoriji tal-armi li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn individwi privati ser ikollu jkun jew:

  • ipprojbit (kategorija A); jew
  • suġġett għal awtorizzazzjoni (kategorija B); jew
  • suġġett għal dikjarazzjoni (kategorija C).

Meta l-armi tan-nar ikunu nkisbu u posseduti skont id-direttiva, għandhom japplikaw ir-regoli nazzjonali dwar il-ġarr, il-kaċċa jew l-isparar.

Immarkar u reġistrazzjoni

L-Istati Membri tal-UE għandhom:

  • jiżguraw li l-armi tan-nar kollha manifatturati jew importati fl-UE fi jew wara l-14 ta’ Settembru 2018 ikollhom marka ċara, permanenti u unika u jkunu reġistrati fis-sistemi tal-iffajljar tad-data tal-Istati Membri;
  • iwettqu verifiki stretti dwar l-attivitajiet tan-negozjanti u s-sensara;
  • jistabbilixxu sistema ta’ ffajljar kompjuterizzata, ċentralizzata jew deċentralizzata, li tiggarantixxi aċċess awtorizzat għas-sistemi tal-iffajljar tad-data;
  • jiżguraw li data relatata mal-armi tan-nar, inkluż data personali relatata (irregolata mir-Regolament (UE) 2016/679 — ara s-sommarju), tinżamm mill-awtoritajiet kompetenti fis-sistemi tal-iffajljar tad-data għal perjodu ta’ 30 sena wara l-qerda tal-armi tan-nar jew il-komponenti essenzjali in kwistjoni.
  • Id-Direttiva ta’ implimentazzjoni (UE) 2019/68, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali tagħhom taħt id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/ŻEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi.

Intraċċar

Negozjanti u sensara tal-armi għandhom iżommu reġistru li jinkludi:

  • rekord tal-entrati u l-ħruġ kollu rigward kull arma tn-nar;
  • data li tippermetti l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-armi tan-nar.

Negozjanti u sensara tal-armi bbażati fi Stat Membru għandhom jirrapportaw tranżazzjonijiet li jinvolvu l-armi tan-nar lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien.

Akkwist u pussess ta’ armi

  • L-Istati Membri jistgħu jippermettu biss l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar minn persuni li nħarġitilhom liċenzja jew, għall-armi tal-kategorija C, minn persuni li huma speċifikament permessi jiksbu jew ikollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar skont il-liġi nazzjonali.
  • L-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar huwa permess biss għal persuni li:
    • għandhom raġuni valida u li laħqu l-età ta’ 18-il sena (għajr għall-kaċċa u l-isparar sportiv fejn hija meħtieġa l-awtorità tal-ġenituri); jew
    • jew x’aktarx ma jippreżentawx periklu għalihom infushom jew għal oħrajn, l-ordni pubblika jew is-sigurtà pubblika.
  • L-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet tal-kategorija A lil tiraturi u sportivi għal xi armi tan-nar semiawtomatiċi pprojbiti, kif ukoll lil mużewijiet rikonoxxuti u, f’każijiet eċċezzjonali u sostanzjati kif dovut, lill-kollezzjonisti, skont miżuri stretti ta’ sigurtà.
  • L-awtorizzazzjoni għandha tiġi riveduta kull ħames snin.

Diżattivazzjoni

  • Id-direttiva tinkludi armi tan-nar diżattivati minħabba r-riskju għoli ta’ riattivazzjoni ta’ dawk l-armi tan-nar li huma diżattivati b’mod ħażin. Armi tan-nar diżattivati huma klassifikati f’kategorija C.
  • Id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar għandha tiġi ċċekkjata minn awtorità kompetenti.
  • Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2015/2403 jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u tekniki ta’ diżattivazzjoni biex jiġi żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jsiru inoperabbli b’mod irriversibbli.

Armi konvertiti

Minħabba r-riskju għoli ta’ konverżjoni f’armi tan-nar letali, id-direttiva tapplika wkoll għal:

  • armi akustiċi u tas-salut (armi tan-nar speċifikament ikkonvertiti għall-użu waħdieni tal-isparar inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew rounds pirotekniċi);
  • armi tal-allarm u tas-sinjal (armi ddisinjati biex jisparaw inbjank,sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew rounds pirotekniċi tas-sinjali, imma li jistgħu jiġu kkonvertiti f’armi tan-nar proprja).

Id-Direttiva ta’ implimentazzjoni (UE) 2019/69 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal.

Armi semiawtomatiċi

Armi tan-nar maħsuba għall-użu militari, bħall-AK47 u l-M16, li jistgħu jiġu aġġustati manwalment bejn modalitajiet ta’ sparar awtomatiċi u semiawtomatiċi, huma klassifikati bħala armi tan-nar tal-kategorija-A u b’hekk ipprojbiti għall-użu ċivili.

Ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi issa wkoll huma klassifikati fil-kategorija A:

  • armi tan-nar qosra semiawtomatiċi li jistgħu jieħdu aktar minn 20 round;
  • armi tan-nar twal semiawtomatiċi li jistgħu jieħdu aktar minn 10 rounds;
  • armi tan-nar twal semiawtomatiċi li jistgħu jitnaqqsu għal tul ta’ inqas minn 60 ċm mingħajr ma jitilfu l-funzjonalità permezz ta’ ċipp li jista’ jiġi mitwi jew jingħalaq teleskopikament.

Skambju ta’ informazzjoni

  • Id-direttiva tal-armi tan-nar teħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tadotta l-atti delegati dwar l-istabiliment ta’ sistema elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/686 jistabbilixxi l-arranġamenti ddettaljati għall-iskambju sistematiku, b’mezzi elettroniċi, tal-informazzjoni dwar it-trasferiment tal-armi tan-nar fl-UE.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1423 jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju sistematiku, b’mezzi elettroniċi, ta’ informazzjoni dwar ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-akkwist jew il-pussess ta’ ċerti armi tan-nar.

Trasferiment transfruntiera

  • Persuna li tixtieq tittrasferixxi arma tan-nar minn Stat Membru wieħed għal ieħor tista’ tingħata liċenzja mill-pajjiż li fih tinsab l-arma.
  • Tiraturi fsportivi u persuni oħra awtorizzati li jkollhom arma tan-nar jistgħu jitolbu pass Ewropew tal-armi tan-nar meta jivvjaġġaw bl-armi tagħhom lejn Stat Membru ieħor.
  • Il-pass Ewropew tal-armi tan-nar għandu jkun validu għal massimu ta’ ħames snin, li jistgħu jiġui estiżi.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-26 ta’ April 2012.

SFOND

Il-protokoll kontra l-Manifattura Illeċita u t-Traffikar ta’ Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Ammunizzjoni tagħhom huwa mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill2014/164/UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (kodifikazzjoni) (ĠU L 115, 6.4.2021, pp. 1-25)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1-88)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/679 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE tal-11 ta’ Frar 2014 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll kontra l-Iffabrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (ĠU L 89, 25.3.2014, pp. 7-9)

l-aħħar aġġornament 23.09.2021

Top