Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex

Marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2002/55/KE dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi regoli għar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żrieragħ u għall-produzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ żerriegħa ta’ diversi speċijiet ewlenin (speċijiet regolati tal-UE) qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu fl-UE. Il-kriterju ta’ eliġibbiltà għaċ-ċertifikazzjoni jew għall-produzzjoni ta’ żrieragħ standard huwa li l-varjetajiet jiġu rreġistrati fil-katalgu komuni tal-UE tal-ispeċijiet ta’ ħxejjex.

PUNTI EWLENIN

Katalgu tal-ispeċijiet nazzjonali u madwar l-UE kollha

Kull pajjiż tal-UE jikkataloga varjetajiet ta’ żrieragħ li jkunu ġew aċċettati uffiċjalment għall-marketing fit-territorju tiegħu. Il-Katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ ħxejjex madwar l-UE kollha huwa kkompilat mill-katalgi nazzjonali kollha. Varjetà ta’ żerriegħa tiġi aċċettata għall-marketing fl-UE biss jekk iż-żerriegħa tkun ġiet uffiċjalment iċċertifikata bħala żerriegħa bażika* jew żerriegħa ċertifikata*, jew tkun ġiet ivverifikata bħala żerriegħa standard* (b’xi eċċezzjonijiet).

Regoli addizzjonali tal-katalgu:

  • fejn il-manutenzjoni tat-trobbija tal-varjetà hija meħtieġa, l-isem tal-persuna jew persuni responsabbli għal dan fil-pajjiżi tagħhom irid jiġi indikat fil-katalgu;
  • il-varjetajiet għandhom ikunu magħrufa mill-istess isem fil-pajjiżi kollha tal-UE kemm jista’ jkun;
  • jekk iż-żrieragħ jinbiegħu f’pajjiż ieħor taħt isem differenti, dak l-isem irid jiġi indikat ukoll fil-katalgu.

Regoli ta’ aċċettazzjoni għall-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex

Il-kriterju ta’ eliġibbiltà għaċ-ċertifikazzjoni u l-verifika ta’ żrieragħ standard huwa li l-varjetà tal-ħxejjex trid tiġi rreġistrata fil-katalgu tal-varjetajiet ta’ uċuħ tal-ħxejjex madwar l-UE kollha. Il-varjetà trid tiġi ttestjata fil-qasam biex jiġi stabbilit jekk tissodisfax il-kriterji li ġejjin.

  • Distinta: il-ħxejjex jintgħarfu b’mod ċar minn kwalunkwe varjetà oħra magħrufa fl-UE u kapaċi jiġu rikonoxxuti u definiti b’mod preċiż.
  • Stabbli: wara l-propagazzjonijiet suċċessivi, il-pjanta tibqa’ vera għad-deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tagħha.
  • Uniformi: ħlief għal xi ftit abberazzjonijiet, il-pjanti huma simili jew ġenetikament identiċi.

Ir-reġistrazzjoni tal-varjetà hija valida għal 10 snin iżda tista’ tiġi revokata jekk, wara eżami, il-varjetà ma tibqax tissodisfa dawn il-kriterji. Il-varjetajiet li ġejjin minn pajjiżi oħra tal-UE huma soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk li japplikaw għall-varjetajiet domestiċi.

Il-varjetajiet ġenetikament modifikati jiġu aċċettati biss jekk l-organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM) ikun ġie aċċettat skont id-Direttiva 2001/18/KE (ara s-sommarju), regola introdotta b'emenda għad-Direttiva 2002/55/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (ara s-sommarju).

Abbażi ta’ spezzjoni fl-għalqa, il-wiċċ irid:

  • ikollu biżżejjed identità varjetali u purità varjetali;
  • ikun prattikament ħieles minn kwalunkwe pesti li jnaqqsu l-utilità u l-kwalità tal-materjal ta’ propagazzjoni;
  • jikkonforma mar-rekwiżiti dwar il-pesti ta’ kwarantina tal-UE, il-pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u l-pesti regolati mhux ta’ kwarantina;
  • jikkonforma mar-regoli dwar it-tkabbir preċedenti tal-għelejjel u d-distanzi minimi minn sorsi tal-viċin tat-trab tad-dakra.

Abbażi tal-kampjunar u tal-ittestjar, iż-żerriegħa trid tikkonforma ma’ standards oħra skont it-tip ta’ żerriegħa.

L-ippakkjar u t-tikkettar

Il-pajjiżi tal-UE jridu jirrikjedu li, sakemm ma jkunux żgħar, il-pakketti ta’ żrieragħ bażiċi u żrieragħ ċertifikati għandhom jinbiegħu biss f’pakketti li jipprevjenu t-tbagħbis, issiġillati uffiċjalment jew taħt superviżjoni uffiċjali, filwaqt li jikkonformaw mad-direttivi. Żrieragħ standard u pakketti żgħar ta’ żrieragħ ċertifikati ma jirrikjedux din is-sorveljanza uffiċjali (u japplikaw regoli inqas stretti għal kunsinni żgħar diretti lejn il-konsumaturi finali).

It-tikketta trid tindika:

  • id-dikjarazzjoni “Regoli KE u Standards”;
  • l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni u l-pajjiż tal-UE;
  • in-numru tas-serje assenjat uffiċjalment (regola miżjuda bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/317);
  • ix-xahar u s-sena tas-siġillar jew tal-aħħar kampjunar uffiċjali għaċ-ċertifikazzjoni uffiċjali;
  • in-numru ta’ referenza tal-lott;
  • l-ispeċijiet indikati mill-inqas f’karattri rumani, taħt l-isem botaniku tagħhom;
  • il-varjetà, indikata mill-inqas f’karattri rumani;
  • il-kategorija;
  • il-pajjiż ta’ produzzjoni;
  • il-piż jew in-numru ta’ żrieragħ;
  • fil-każ ta’ varjetajiet ibridi, il-kelma “ibrida”;
  • informazzjoni oħra skont it-tip ta’ żerriegħa.

It-tikketti huma kkodifikati bil-kulur kif ġej.

  • Żerriegħa bażika: bajda.
  • Żerriegħa prebażika*: bajda b’linja vjola dijagonali.
  • Żerriegħa ċertifikata: blu.
  • Żerriegħa standard: isfar skur.
  • Żerriegħa li għadha ma ġietx iċċertifikata, u maħsuda f’pajjiż ieħor tal-UE: griża.
  • Żerriegħa oħra: kannella.

Iż-żrieragħ ġenetikament modifikati jridu jkunu ttikkettati b’mod ċar bħala tali. Kwalunkwe trattament kimiku jrid jiġi nnotat fuq it-tikketta.

L-ippakkjar irid ikun fih ukoll dokument uffiċjali separat bl-istess kulur bħat-tikketta, li jagħti informazzjoni simili. Il-pakketti ta’ żrieragħ standard u pakketti żgħar ta’ żrieragħ ċertifikati jrid ikollhom tikketta tal-fornitur jew avviż stampat jew ittimbrat.

Ittestjar komparattiv

It-testijiet u l-provi komparattivi jitwettqu fl-UE għall-eżami ta’ wara l-kontroll ta’ kampjuni ta’ żrieragħ tal-ħxejjex mqiegħda fis-suq. Dawn jistgħu jinkludu:

  • żrieragħ maħsuda f’pajjiżi mhux tal-UE;
  • żrieragħ adattati għall-biedja organika;
  • żrieragħ jinbiegħu fir-rigward tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.

Ekwivalenza

Il-pajjiżi mhux tal-UE li qed ifittxu li jesportaw lejn l-UE jridu jissodisfaw l-istess kriterji għall-karatteristiċi taż-żrieragħ, l-eżami, l-identifikazzjoni, l-immarkar, il-kontroll u l-ippakkjar bħaż-żrieragħ maħsuda u kkontrollati fl-UE.

Emendi

Id-direttiva ġiet emendata diversi drabi b’din li ġejja:

  • Id-Direttiva 2003/61/KE, li tintroduċi regoli riveduti dwar l-ittestjar u l-provi komparattivi;
  • Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li jintroduċi regoli riveduti dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament;
  • Id-Direttiva 2004/117/KE, li tintroduċi regoli dwar l-eżaminazzjonijiet uffiċjali u l-ekwivalenza taż-żrieragħ prodotti f’pajjiżi mhux tal-UE;
  • Id-Direttiva 2006/124/KE, li tirrevedi l-lista ta’ speċijiet ta’ ħxejjex koperti mid-Direttiva;
  • Id-Direttiva 2009/74/KE, li tintroduċi regoli riveduti għall-qamħ ħelu, il-fażola, il-fażola ta’ Spanja, il-ful; u
  • l-atti ta’ implimentazzjoni id-Direttivi ta’ Implimentazzjoni 2013/45/UE, (UE) 2016/317, (UE) 2019/990 u (UE) 2020/177.

Kodifikazzjoni

Id-direttiva tikkodifika d-Direttiva 70/458/KEE.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mid-9 ta’ Awwissu 2002.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Żerriegħa bażika: żerriegħa prodotta skont prattiċi aċċettati għaż-żamma tal-varjetà u maħsuba għall-produzzjoni ta’ żrieragħ ċertifikati u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi tad-direttiva wara eżami uffiċjali.
Żerriegħa ċertifikata: żerriegħa prodotta direttament minn żerriegħa bażika, jew minn żerriegħa ta’ ġenerazzjoni qabel iż-żrieragħ bażiċi, maħsuba prinċipalment għall-produzzjoni tal-ħxejjex u li tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi tad-direttiva wara eżami uffiċjali.
Żerriegħa standard: żerriegħa li għandha biżżejjed identità varjetali u purità varjetali kif definit fil-leġiżlazzjoni, u hija maħsuba prinċipalment għall-produzzjoni tal-ħxejjex.
Żerriegħa prebażika: żerriegħa mrobbija ta’ ġenerazzjonijiet qabel iż-żrieragħ bażiċi, uffiċjalment spezzjonati f’konformità mal-istess dispożizzjonijiet bħaż-żrieragħ bażiċi.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 33-59)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/55/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 1-23)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, pp. 1-39)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 18.02.2021

Top