EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili u kummerċjali

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili u kummerċjali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2020/1783 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-pajjiżi tal-UE fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jtejjeb l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera f’każijiet ċivili u kummerċjali billi jissimplifika u jirrazzjonalizza l-proċeduri għall-kumpilazzjoni tax-xhieda.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament japplika f’materji ċivili u kummerċjali meta qorti* (“il-qorti rikjedenti”) jew titlob lil qorti f’pajjiż ieħor tal-UE (“il-qorti rikjesta”) biex tikkumpila xhieda jew tkun tixtieq tagħmel dan direttament hija stess.

It-talbiet biex tinkiseb xhieda:

  • jintużaw biss fi proċedimenti ġudizzjarji li jkunu diġà bdew jew li jkunu qed jiġu kkunsidrati;
  • jitressqu, f’lingwa uffiċjali tal-UE, fuq formola standard li jkun fiha d-dettalji kollha meħtieġa;
  • jiġu trażmessi permezz ta’ sistema tal-IT deċentralizzata sigura u affidabbli li tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;
  • jiġu rikonoxxuti li waslu fi żmien 7 ijiem mill-qorti;
  • jiġu pproċessati bi skadenzi differenti jekk it-talba ma tkunx kompluta jew il-qorti rikjesta ma jkollhiex il-ġurisdizzjoni meħtieġa.

Qorti mitluba biex tikkumpila xhieda:

  • taġixxi mingħajr dewmien u, sa mhux aktar tard minn 90 jum;
  • tista’ tuża vidjokonferenzi jew telekonferenzi jekk tintalab tagħmel dan mill-qorti rikjedenti u jekk il-liġi nazzjonali tagħha tippermetti dan;
  • tippermetti lill-partijiet u lir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk tal-qorti rikjedenti, li jattendu meta tiġi kkumpilata xhieda jekk dak id-dritt jeżisti fil-pajjiż tal-qorti rikjedenti;
  • tista’ tirrifjuta t-talba jekk:
    • il-persuna li għandha tiġi eżaminata tinvoka d-dritt li tirrifjuta li tagħti xhieda jew hija pprojbita bil-liġi milli tagħmel dan,
    • l-applikazzjoni ma tikkonformax mar-regolament jew ma tkunx fil-kompetenza tal-qorti,
    • il-qorti rikjedenti ma tipprovdi l-ebda informazzjoni addizzjonali meħtieġa jew depożitu fl-iskadenzi meħtieġa.

Qorti li tfittex li tikkumpila xhieda hija stess direttament f’pajjiż ieħor tal-UE:

  • tikkuntattja lill-korp ċentrali tal-pajjiż jew lill-awtorità kompetenti li fi żmien 30 jum taċċetta jew tirrifjuta t-talba u tista’ tehmeż kundizzjonijiet u tassenja qorti partikolari;
  • tista’ tuża mezzi ta’ vidjokonferenza jew xi forma oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod sabiex tagħmel mistoqsijiet lill-persuna kkonċernata.

B’mod ġenerali, qorti li tintalab tikkumpila xhieda ma tistax titlob rimborż mill-qorti rikjedenti għal taxxi jew spejjeż, iżda tista’ tagħmel dan biex tkopri:

  • ħlasijiet għal esperti u interpreti, inkluż depożitu jew ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż probabbli ta’ dawk tal-ewwel;
  • l-ispejjeż tal-vidjokonferenzi jew tat-telekonferenzi.

Pajjiżi tal-UE:

  • jaħtru korp ċentrali biex:
    • jipprovdi informazzjoni lill-qrati,
    • isolvi kwalunkwe diffikultà li tista’ tinqala’,
    • iressaq, f’każijiet eċċezzjonali, talbiet lill-qorti kompetenti;
  • jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea b’informazzjoni prattika, bħad-dettalji tal-korpi ċentrali u l-awtoritajiet kompetenti;
  • ikopri l-ispejjeż tal-installazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-IT nazzjonali użati.

Il-Kummissjoni:

  • tfassal u taġġorna manwal elettroniku ta’ informazzjoni prattika li tirċievi mill-awtoritajiet nazzjonali;
  • tista’ tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni dwar aspetti tekniċi tal-leġiżlazzjoni;
  • hija responsabbli għall-ħolqien, iż-żamma, l-iżvilupp u l-finanzjament ta’ software li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jużaw minflok is-sistema tal-IT nazzjonali tagħhom;
  • tistabbilixxi, sat-2 ta’ Lulju 2023, programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-output, tar-riżultati u tal-impatt tar-regolament;
  • tissottometti rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewoprew.

Ir-regolament ma japplikax fid-Danimarka.

Revoka

Ir-Regolament (UE) 2020/1783 jirrevoka u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1206/2001 (ara s-sommarju).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-1 ta’ Lulju 2022.

Ir-Regolament (UE) 2020/1783 jirrevedi u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1206/2001 (u l-emendi sussegwenti tiegħu), b’mod partikolari permezz tal-użu tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġija moderna biex jitħaffu l-proċessi u jitnaqqsu l-ispejjeż u d-dewmien għall-individwi u n-negozji.

SFOND

  • Il-proċeduri ċivili ġudizzjarji jkopru kwistjonijiet bħal kuntratti, proprjetà, suċċessjoni u liġi tal-familja u tal-kumpaniji. Sal-2018, madwar 3.4 miljun każ tal-qorti ċivili u kummerċjali kienu jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed tal-UE.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Qorti: kull awtorità nazzjonali li tista’ tikkumpila xhieda (jiġifieri mhux biss korpi ġudizzjarji).

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda) (riformulazzjoni) (ĠU L 405, 2.12.2020, pp. 1-39)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, pp. 1-24)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 26.01.2021

Top