Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

 

SOMMARJU TA’:

Il-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

Id-Deċiżjoni 88/540/KEE dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu u l-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu

X’INHU L-GĦAN TAL-PROTOKOLL U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Protokoll ta’ Montreal (għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu) huwa ftehim globali biex iħares is-saff tal-ożonu stratosferiku tad-dinja billi jiġu eliminati s-sustanzi kimiċi li jnaqqsuh. Din l-eliminazzjoni gradwali tinkludi kemm il-produzzjoni kif ukoll il-konsum ta’ sustanzi li jnaqqsu l-ożonu (ODSs).
  • Minħabba li l-ODSs huma wkoll gassijiet serra qawwija, l-eliminazzjoni gradwali hija wkoll essenzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li l-idrofluworokarburi (HFCs) ma jnaqqsux l-ożonu, il-protokoll ifittex li jelimina bil-mod il-produzzjoni u l-konsum tagħhom sabiex jevita li l-ODSs jiġu ssostitwiti mill-HFCs li jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għat-tibdil fil-klima.
  • Fl-1987 intlaħaq ftehim dwar il-Protokoll ta’ Montreal u dan daħal fis-seħħ fl-1989. Dan ġie emendat diversi drabi. L-aktar emenda reċenti tiegħu, l-Emenda ta’ Kigali titlob l-eliminazzjoni gradwali tal-HFCs.
  • L-emissjonijiet mill-HFCs huma koperti mill-Ftehim ta’ Pariġi, li huwa approvat mid-Deċiżjoni (UE) 2016/1841. B’hekk il-Protokoll ta’ Montreal jgħin biex jiġi ssodisfat l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u biex isiru sforzi sabiex iż-żieda fit-temperatura tiġi llimitata saħansitra sa 1.5 C ’il fuq mil-livelli preindustrijali.
  • Id-Deċiżjoni 88/540/KEE tagħti l-approvazzjoni legali tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu u l-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu, kif adottat mill-Partijiet tiegħu fil-15 ta’ Settembru 1987.

PUNTI EWLENIN

  • L-UE u l-pajjiżi tal-UE huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna u l-Protokoll ta’ Montreal tagħha.
  • Il-Protokoll jinkludi dispożizzjonijiet relatati ma’:
    • il-miżuri ta’ kontroll (l-Artikolu 2)
    • il-kalkoku ta’ livelli ta’ kontroll (l-Artikolu 3)
    • il-kontroll tal-kummerċ ma’ Partijiet mhux inklużi (l-Artikolu 4)
    • is-sitwazzjoni speċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (l-Artikolu 5)
    • ir-rapportar tad-data (l-Artikolu 7)
    • in-nuqqas ta’ konformità (l-Artikolu 8)
    • il-mekkaniżmu finanzjarju
    • l-assistenza teknika (l-Artikolu 10), kif ukoll suġġetti oħra.
  • Is-sustanzi kkontrollati huma elenkati fl-Annessi: A (Klorofluworokarburi — CFCs, aloni), B (CFCs oħra kompletament aloġenati, tetraklorur tal-karbonju, metilkloroform), C (idroklorofluworokarburi — HCFCs, idrobromofluworokarburi — HBFCs u bromoklorometan), E (bromur tal-metil) u F (HFCs).
  • Il-Protokoll ta’ Montreal jipprevedi eliminazzjoni gradwali tal-konsum u l-produzzjoni tas-sustanzi li jnaqqsu l-ożonu u eliminazzjoni tal-HFCs pass pass. Hemm skedi ta’ żmien differenti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw (imsejħa l-Partijiet tal-Artikolu 5) u l-pajjiżi żviluppati (imsejħa l-Partijiet mhux inklużi fl-Artikolu 5) għal kull grupp ta’ sustanzi.
  • L-iskeda ta’ żmien tinkludi:
    • CFCs sal-1 ta’ Jannar 1996 għal Partijiet mhux inklużi fl-Artikolu 5 u sal-1 ta’ Jannar 2010 għall-Partijiet tal-Artikolu 5 (b’eżenzjonijiet possibbli);
    • Aloni sal-1 ta’ Jannar 1994 għal Partijiet mhux inklużi fl-Artikolu 5 u sal-1 ta’ Jannar 2010 għall-Partijiet tal-Artikolu 5 (b’eżenzjonijiet possibbli);
    • HCFCs sal-1 ta’ Jannar 2020 għall-Partijiet mhux inklużi fl-Artikolu 5 u sal-1 ta’ Jannar 2030 għall-Partijiet tal-Artikolu 5 (b’eżenzjonijiet possibbli u perċentwal żgħir jista’ jintuża għas-servis ta’ tagħmir eżistenti ta’ refriġerazzjoni u arja kkundizzjonata (jiġifieri kwota ta’ 0.5 % tal-konsum fil-livell bażi sal-1 ta’ Jannar 2030 għas-service ta’ tagħmir eżistenti ta’ refriġerazzjoni u arja kkundizzjonata fl-1 ta’ Jannar 2020 għall-Partijiet mhux inklużi fl-Artikolu 5, u kwota ta’ 2.5 % tal-konsum fil-livell bażi meta tittieħed medja tul 10 snin 2030-2040 sal-1 ta’ Jannar 2040 għal service ta’ tagħmir eżistenti ta’ refriġerazzjoni u arja kkundizzjonata fl-1 ta’ Jannar 2030 għall-Partijiet tal-Artikolu 5);
    • Għall-HFCs l-ewwel pass tat-tnaqqis għall-Partijiet mhux inklużi fl-Artikolu 5 fl-2019, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Partijiet tal-Artikolu 5 se jibdew l-eliminazzjoni tagħhom fl-2024.
  • L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Montreal jinkludi regoli tal-kummerċ għall-pajjiżi li mhumiex inklużi: Dawn jipprojbixxu jew jillimitaw lill-pajjiżi li huma parti għall-Protokoll milli jinnegozjaw sustanzi kkontrollati f’pajjiżi li mhumiex parti għall-Protokoll. Permezz ta’ dan, dawn jimmiraw biex iżidu l-parteċipazzjoni fil-Protokoll. Id-dispożizzjonijiet kienu applikati oriġinarjament għall-gruppi inizjali ta’ ODSs u ġew estiżi maż-żmien biex jinkludu l-gruppi addizzjonali ta’ sustanzi inklużi fil-Protokoll fl-emendi suċċessivi.
  • Il-Partijiet għall-Protokoll ta’ Montreal:
    • jadottaw proċeduri biex jiddeterminaw il-miżuri ta’ nuqqas ta’ konformità u biex jittrattaw il-Partijiet li jinstabu f’nuqqas ta’ konformità;
    • jivvalutaw kull 4 snin, sa mill-1990, l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll, inkluż il-possibilità li jiżdiedu jew jitneħħew sustanzi mil-listi pprojbiti;
    • ikollhom obbligi ta’ rapportar annwali dwar kull waħda mis-sustanzi kkontrollati. Id-data għandha tiġi pprovduta lis-Segretarjat tal-Protokoll;
    • jikkoperaw biex jippromwovu l-aħjar teknoloġiji rilevanti, strateġiji ta’ kontroll u alternattivi possibbli għas-sustanzi;
    • jippromwovu assistenza teknika biex jgħinu lill-pajjiżi li mhumiex Partijiet jipparteċipaw fil-protokoll u jimplimentawh;
    • jagħmlu laqgħat regolari li jsiru bis-servizz tas-segretarjat;
    • jipprovdu l-fondi għall-operazzjoni tal-Protokoll, inkluż għall-funzjonament tas-segretarjat;
    • jistgħu jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Protokoll taħt il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 19.

MINN META BDEW JAPPLIKAW IL-PROTOKOLL, L-EMENDI TIEGĦU U D-DEĊIŻJONIJIET RELATATI?

  • Il-Protokoll ta’ Montreal oriġinali daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1989
  • Id-Deċiżjoni 88/540/KEE ilha tapplika mill-25 ta’ Ottubru 1988.
  • L-ewwel emenda għall-Protokoll ta’ Montreal, Londra, 1990 daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Awwissu 1992.
  • Id-Deċiżjoni 91/690/KEE ilha tapplika mit-23 ta’ Diċembru 1991.
  • It-tieni emenda għall-Protokoll ta’ Montreal, Copenhagen, 1992 daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Ġunju 1994.
  • Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/68/KE ilha tapplka mill-14 ta’ Frar 1994.
  • It-tielet emenda għall-Protokoll ta’ Montreal, Montreal, 1997 daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Novembru 1999.
  • Id-Deċiżjoni 2000/646/KE ilha tapplika mis-17 ta’ Ottubru 2000.
  • Ir-raba’ emenda għall-Protokoll ta’ Montreal, Beijing, 1999 daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Frar 2002.
  • Id-Deċiżjoni 2002/215/KE ilha tapplika mill-4 ta’ Marzu 2002.
  • Il-ħames emenda għall-Protokoll ta’ Montreal, Kigali, 2016 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019.
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1541 ilha tapplika mit-18 ta’ Lulju 2017.

SFOND

  • S’issa, il-Protokoll ta’ Montreal huwa l-uniku trattat tan-NU li ġie rattifikat mill-pajjiżi kollha tad-dinja — il-197 pajjiż membri kollha tan-NU. Dan jirrappreżenta stadju importanti fl-istorja tan-NU. Dan jevolvi maż-żmien fid-dawl ta’ żviluppi xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi. Issa jkopri kważi 100 sustanza kimika magħmula mill-biedem li jagħmlu ħsara lill-ħila tas-saff tal-ożonu li jipproteġi lill-bnedmin u ħajja oħra mir-radjazzjoni ultravjola ta’ ħsara mix-xemx.
  • L-UE timplimenta l-protokoll tagħha permezz tal-leġiżlazzjoni tagħha stess li tinkludi miżuri aktar stretti u aktar ambizzjużi.
  • Filwaqt li l-protokoll jirregola l-produzzjoni tas-sustanzi u l-kummerċ bl-ingrossa tagħhom, ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożoni, pereżempju, jipprojbixxi l-użu tagħhom fi prodotti u tagħmir u jirregola u jimmonitorja sustanzi li mhumiex koperti mill-Protokoll.
  • Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 dwar it-tnaqqis ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jinkludi eliminazzjoni ambizzjuża tal-HFCs, li diġà bdiet fl-2015 u li tkopri wkoll HFCs li jinsabu f’ċerti prodotti u tagħmir. Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 jinkludi wkoll projbizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti u tagħmir ġdid li fih gassijiet fluworurati u jinkludi diversi miżuri li jipprevjenu l-emissjonijiet.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu — Dikjarazzjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 297, 31.10.1988, pp. 21-28).

Emenda għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu (ĠU L 377, 31.12.1991, pp. 30-40).

Emenda għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu (ĠU L 33, 7.2.1994, pp. 3-10).

Emenda għall-Protokoll ta’ Montreal adottata mid-disa’ laqgħa tal-partijiet (ĠU L 272, 25.10.2000, pp. 27-28).

Emenda għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu (ĠU L 72, 14.3.2002, pp. 20-22).

Emenda għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu (ĠU L 236, 14.9.2017, pp. 3-13).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/540/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1988 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu u l-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu (ĠU L 297, 31.10.1988, pp. 8-9).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/690/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 li tikkonċerna l-finalizzazzjoni tal-emendament għall-Protokoll ta’ Montreal dwar is-sustanzi li qegħdin jeqirdu s-saff tal-ożonu kif adottat f’Ġunju 1990 f’Londra mill-Partijiet għall-Protokoll (ĠU L 377, 31.12.1991, pp. 28-40).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/68/KEtat-2 ta’ Diċembru 1993 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-emendar għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 33, 7.2.1994, pp. 1-2).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/646/KE tas-17 ta’ Ottubru 2000 dwar il-konklużjoni tal-emenda għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 272, 25.10.2000, p. 26).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/215/KE tal-4 ta’ Marzu 2002 rigward il-konklużjoni tar-Raba’ Emenda tal-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jħassru s-saff tal-ożonu (ĠU L 72, 14.3.2002, pp. 18-19).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1541 tas-17 ta’ Lulju 2017 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 236, 14.9.2017, pp. 1-2).

DOKUMENTI RELATATI

Il-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, pp. 4-18).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, pp. 1-3).

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 286, 31.10.2009, pp. 1-30).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 195-230).

l-aħħar aġġornament 12.12.2019

Top