Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Prodotti fertilizzanti sikuri u effettivi fis-suq tal-UE

Prodotti fertilizzanti sikuri u effettivi fis-suq tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 — li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Jiftaħ is-suq uniku tal-Unjoni Ewropea (UE) għal prodotti li qabel ma kinux koperti b’regoli ta’ armonizzazzjoni, bħal fertilizzanti organiċi* u fertilizzanti organominerali*, prodotti li tejbu l-ħamrija*, inibituri*, bijostimulanti tal-pjanti* jew materjal tat-tkabbir*.
  • Jistabbilixxi regoli komuni dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza, tal-kwalità u tat-tikkettar għall-prodotti fertilizzanti.
  • Jintroduċi limiti għall-kontaminanti tossiċi għall-ewwel darba. Dan jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħamrija u jnaqqas ir-riskji relatati mas-saħħa u l-ambjent, filwaqt li jippermetti lill-produtturi jadattaw il-proċess tal-manifattura tagħhom sabiex jikkonformaw mal-limiti ġodda.
  • Jappoġġja armonizzazzjoni fakultattiva, peress li ma jwaqqafx prodotti fertilizzanti mhux armonizzati milli jsiru disponibbli fis-suq intern skont il-liġi nazzjonali u r-regoli ġenerali dwar il-moviment liberu.
  • L-aħħar verżjoni konsolidata tar-regolament tinkorpora ħames emendi adottati mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ atti delegati. Dawn jaġġornaw l-annessi tar-regolament, biex jadattawhom għall-progress tekniku jew biex iżidu l-materjali komponenti.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament ikopri seba’ kategoriji ta’ prodotti fertilizzanti, jiġifieri:

  • fertilizzanti, inklużi:
    • fertilizzanti inorganiċi,
    • fertilizzanti organominerali, u
    • fertilizzanti organiċi;
  • prodotti li tejbu l-ħamrija;
  • materjali għat-trattament bil-ġir;
  • materjal tat-tkabbir;
  • inibituri;
  • bijostimulanti tal-pjanti; u
  • taħlitiet tal-prodotti fertilizzanti.

Dan ma japplikax għal:

Ir-regoli japplikaw għat-tfassil, il-manifattura u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti fertilizzanti tal-UE. Ir-regolament ma japplikax għall-użu jew għall-metodu ta’ applikazzjoni tal-prodotti fertilizzanti tal-UE.

Rekwiżiti

  • Ir-regolament jistabbilixxi regoli għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkollhom il-marka CE inklużi rekwiżiti għal:
    • il-livelli massimi tal-kontaminanti u l-patoġeni (mikroorganiżmi li jikkawżaw il-mard);
    • il-kontenut minimu tan-nutrijenti u ta’ karatteristċi oħra rilevanti skont il-kategorija tal-prodott;
    • it-tikkettar.
  • L-ittestjar tal-konformità tal-prodotti fertilizzanti tal-UE għandu jitwettaq b’mod affidabbli u riproduċibbli.

Moviment liberu

  • L-Istati Membri tal-UE ma jistgħux jirrestrinġu l-moviment liberu tal-prodotti fertilizzanti tal-UE għal raġunijiet relatati mal-kompożizzjoni, it-tikkettar jew aspetti oħra koperti minn dan ir-regolament, jekk dawk il-prodotti jkunu konformi mar-regoli ta’ dan ir-regolament.
  • L-Istati Membri tal-UE jistgħu jżommu jew jadottaw regoli relatati mas-saħħa tal-bniedem u mal-ambjent (li jikkonformaw mat-trattati tal-UE) li jikkonċernaw l-użu tal-prodotti fertilizzanti tal-UE, sakemm dawn ma jkunux jirrikjedu li l-prodotti konformi tal-UE jiġu mmodifikati jew jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet biex dawn isiru disponibbli fis-suq.

Il-Kummissjoni adottat diversi atti delegati biex temenda jew tissupplimenta r-regolament:

  • Ir-Regolament (UE) 2022/1519 li jistabbilixxi r-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom komposti inibituri u l-postproċessar tad-diġestat;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/1171 li jemenda l-Annessi II, III u IV bl-iskop li jiżdiedu l-materjali ta’ purità għolja bħala kategorija ta’ materjali komponenti fil-prodotti fertilizzanti tal-UE;
  • Ir-Regolament (UE) 2022/973 li jistabbilixxi kriterji dwar l-effiċjenza agronomika u s-sikurezza għall-użu ta’ prodotti sekondarji fi prodotti fertilizzanti tal-UE;
  • Ir-Regolament (UE) 2021/2088 li jemenda l-Annessi II, III u IV bl-għan li jiżdiedu l-materjali ta’ piroliżi u ta’ gassifikazzjoni bħala kategorija ta’ materjal komponent fil-prodotti fertilizzanti tal-UE;
  • Ir-Regolament (UE) 2021/2087 li jemenda l-Annessi II, III u IV bl-għan li jiżdiedu l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom bħala kategorija ta’ materjal komponent fil-prodotti fertilizzanti tal-UE;
  • Ir-Regolament (UE) 2021/2086 li jemenda l-Annessi II, III u IV bl-għan li jiżdiedu l-imlieħ tal-fosfat preċipitati u d-derivati tagħhom bħala kategorija ta’ materjal komponent fil-prodotti fertilizzanti tal-UE;
  • Ir-Regolament (UE) 2021/1768 li jemenda l-Annessi I, II, III u IV għall-fini tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku.

Revoka

Mis-16 ta’ Lulju 2022, ir-Regolament (UE) 2019/1009 issostitwixxa u ħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, li kien jikkonċerna, b’mod partikolari, fertilizzanti inorganiċi.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mis-16 ta’ Lulju 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Fertilizzanti organiċi. Materjali ta’ oriġini mill-annimali jew mill-pjanti użati għall-pjanti tal-għalf; dawn jistgħu jsiru mid-demel, gwanu, kompost u residwi tal-produzzjoni tal-bijogass.
Fertilizzanti organominerali. Materjali tal-annimali, tal-pjanti u tal-oriġini minerali użati għall-pjanti tal-għalf.
Prodotti li tejbu l-ħamrija. Materjali li jtejbu l-kwalità u l-karatteristiċi tal-ħamrija.
Inibituri. Materjali miżjuda ma’ fertilizzant biex jitnaqqas ir-rilaxx tan-nitroġenu u b’hekk jiġi evitat it-telf tan-nitroġenu.
Bijostimulanti tal-pjanti. Materjali li jtejbu l-proċessi ta’ nutrizzjoni tal-għelejjel, b’mod partikolari billi jtejbu kif jużaw in-nutrijenti b’mod effiċjenti u r-reżistenza tagħhom għall-kundizzjonijiet ambjentali:
Materjal tat-tkabbir. Materjali għajr il-ħamrija li fihom jikbru l-pjanti.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, pp. 1-114).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/1009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1519 tal-5 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom komposti inibituri u l-postproċessar tad-diġestat (ĠU L 236, 13.9.2022, pp. 5-15).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1171 tat-22 ta’ Marzu 2022 li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-iskop li jiżdiedu l-materjali ta’ purità għolja bħala kategorija ta’ materjali komponenti fil-prodotti fertilizzanti tal-UE (ĠU L 183, 8.7.2022, pp. 2-11).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/973 tal-14 ta’ Marzu 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji dwar l-effiċjenza agronomika u s-sikurezza għall-użu ta’ prodotti sekondarji fi prodotti fertilizzanti tal-UE (ĠU L 167, 24.6.2022, pp. 29-33).

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, pp. 1-50).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 1-33).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.09.2022

Top