Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim bejn l-UE u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1907 tal-20 ta’ Diċembru 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

  • L-għan tagħhom huwa li jilliberaw u jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment u jippromwovu sħubija ekonomika aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Ġappun.
  • Permezz tad-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim ikopri għadd ta’ elementi, inklużi dawn li ġejjin.

  • It-tneħħija tad-dazji doganali — aktar minn 94 % tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun se jkunu mingħajr dazju, inklużi l-prodotti industrijali kollha.
  • Il-prodotti agrikoli u dawk alimentari — jelimina jew inaqqas id-dazji fuq ħafna mill-esportazzjonijiet prinċipali tal-UE, fosthom l-inbid, il-laħam, il-ġobon u l-prodotti pproċessati bħall-għaġin, iċ-ċikkulata u z-zalza tat-tadam.
  • Lokazzjonijiet ġeografiċi — jipproteġi l-istatus speċjali fuq is-suq Ġappuniż ta’ aktar minn 200 prodott agrikolu Ewropej minn oriġini ġeografika Ewropea speċifika magħrufa bħala indikazzjoni ġeografika, eż. Roquefort, Rioja, Aceto Balsamico di Modena u l-Irish Whiskey.
  • Prodotti industrijali — it-tariffi fuq il-biċċa l-kbira tal-prodotti industrijali se jiġu eliminati mad-dħul fis-seħħ; it-tariffi se jitneħħew progressivament f’setturi bħal dak tas-sustanzi kimiċi, tal-plastiks u tal-kożmetiċi, kif ukoll tat-tessuti u tal-ħwejjeġ. Fil-każ tal-ġilda u ż-żraben, is-sistema ta’ kwoti eżistenti se titneħħa mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim.
  • Sajd — il-maġġoranza tat-tariffi se jiġu eliminati kemm mill-UE u mill-Ġappun.
  • Forestrija — it-tariffi fuq il-prodotti kollha tal-injam se jiġu eliminati għalkollox; ħafna minnhom se jitneħħew immedjatament, b’xi linji tariffarji inqas importanti jiġu eliminati wara 10 snin.
  • Ostakli nontariffarji — il-ftehim se jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji tal-UE jaċċessaw is-suq Ġappuniż li huwa suq rregolat ħafna billi jindirizza r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni bħal fir-rigward ta’:
    • vetturi bil-mutur: kemm il-Ġappun u l-UE se jsegwu l-istess standards internazzjonali dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-ħarsien tal-ambjent, li jfisser li l-karozzi tal-UE mhux se jkollhom bżonn jerġgħu jiġu ttestjati u ċċertifikati mill-ġdid meta jiġu esportati lejn il-Ġappun;
    • tikkettar tat-tessuti: f’Marzu 2015, il-Ġappun adotta s-sistema internazzjonali tat-tikkettar tat-tessuti simili għal dik tal-UE, li neħħiet il-ħtieġa għal tibdil fit-tikketti ta’ ħwejjeġ esportati lejn il-Ġappun.
  • Kummerċ fis-servizzi — fih għadd ta’ dispożizzjonijiet li japplikaw għall-kummerċ kollu fis-servizzi u li huma mfassla biex jagħmluha aktar faċli biex kumpaniji ta’ parti waħda jipprovdu servizzi fl-oħra. Il-ftehim jistabbilixxi regoli għal għadd ta’ setturi, fosthom:
    • is-servizzi tal-posta u tal-kurjer
    • it-telekomunikazzjonijiet
    • is-servizzi finanzjarji.
  • Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali — jibni fuq u jsaħħaħ l-impenji li saru miż-żewġ naħat fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), f’konformità mar-regoli proprji tal-UE. Il-ftehim jinkludi regoli dwar il-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali, it-trademarks, il-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur, il-privattivi, ir-regoli komuni minimi għat-test regolatorju dwar il-protezzjoni tad-data għall-prodotti farmaċewtiċi, u d-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar ċivili.
  • Protezzjoni tad-data — jipproteġi d-dritt tal-partijiet li jimplimentaw regoli mmirati lejn il-protezzjoni tad-data personali. Permezz ta’ ftehim separat ta’ “adegwatezza reċiproka”, l-UE u l-Ġappun għarfu l-komparabilità tas-sistemi ta’ protezzjoni tad-data rispettivi tagħhom, u b’hekk inħolqot l-akbar żona fid-dinja ta’ trasferimenti siguri ta’ data bbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni għad-data personali.
  • Żvilupp sostenibbli — il-ftehim jinkludi l-elementi ewlenin kollha tal-approċċ tal-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli u huwa konformi ma’ ftehimiet kummerċjali riċenti oħra tal-UE. L-impenji jinkludu:
  • Kompetizzjoni — iż-żewġ partijiet intrabtu li jżommu regoli tal-kompetizzjoni komprensivi u jimplimentaw dawn ir-regoli b’mod trasparenti u nondiskriminatorju.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019.

SFOND

Il-ftehim ġie nnegozjat b’mod parallel ma’ Ftehim ta’ Sħubija Strateġika usa’ bejn iż-żewġ partijiet.

Għal iktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal sħubija ekonomika (ĠU L 330, 27.12.2018, pp. 3-899)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1907 tal-20 ta’ Diċembru 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (ĠU L 330, 27.12.2018, pp. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

L-avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra (ĠU L 216, 24.8.2018, p. 4-22)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1197 tas-26 ta’ Ġunju 2018 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra (ĠU L 216, 24.8.2018, p. 1-3)

Il-Ftehim dwar għarfien reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġappun — Annessi — Att finali — Dikjarazzjonijiet Konġunti — Skambju ta’ ittri (ĠU L 284, 29.10.2001, pp. 3-32)

Iċ-Ċiklu tal-Urugwaj dwar negozjati kummerċjali multilaterali (1986-1994) — Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (ĠU L 336, 23.12.1994, pp. 3-10)

l-aħħar aġġornament 15.02.2019

Top