Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Filippini

Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Filippini

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Filippini

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/272/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-ftehim

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2414 dwar il-konklużjoni tal-ftehim

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-ftehim jistabbilixxi bażi legali ġdida li tippermetti lill-Unjoni Ewropea (UE) u lill-Filippini biex isaħħu r-relazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fuq kwistjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi, inklużi d-drittijiet tal-bniedem.
  • Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2012/272/UE tapprova l-firma tal-UE tal-ftehim ta’ sħubija.
  • Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2414 tapprova l-ftehim innifsu.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim jorbot lill-partijiet għal djalogu komprensiv u kooperazzjoni f’għadd ta’ kwistjonijiet li jinkludu:

  • kwistjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi f’fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti;
  • il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali;
  • id-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu dwar il-ġlieda kontra kriminalità serja ta’ tħassib internazzjonali;
  • il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, u l-promozzjoni ta’ proċessi ta’ paċi u l-prevenzjoni ta’ konflitt;
  • il-kummerċ kollu u l-oqsma ta’ investiment ta’ interess reċiproku;
  • il-qasam tal-ġustizzja u sigurtà, inkluż
  • l-oqsma tal-migrazzjoni u x-xogħol marittimu;
  • setturi oħra ta’ interess reċiproku inklużi:
  • tisħiħ tal-parteċipazzjoni taż-żewġ partiti fi programmi ta’ kooperazzjoni subreġjonali u reġjonali miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-parti l-oħra;
  • it-titjib tar-rwoli u l-profili tal-Filippini u l-UE;
  • il-promozzjoni tal-fehim bejn il-persuni u djalogu effettiv u interazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata.

Mezzi ta’ kooperazzjoni

  • Kull parti se tagħmel ir-riżorsi xierqa disponibbli, inklużi l-mezzi finanzjarji, sal-punt li r-riżorsi u r-regolamenti rispettivi tagħhom jippermettu, biex tissodisfa l-objettivi ta’ kooperazzjoni.
  • Il-partijiet se jħeġġu lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex ikompli l-operazzjonijiet tiegħu fil-Filippini, skont il-proċeduri u l-kriterji ta’ finanzjament tiegħu.

Kumitat konġunt

Kumitat konġunt magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ partijiet ser:

  • jiżgura l-funzjonament u l-implimentazzjoni tajba tal-ftehim;
  • jistabbilixxi prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet tal-ftehim;
  • jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni tal-objettivi tal-ftehim.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (ĠU L 343, 22.12.2017, pp. 3–32).

Emendi suċċessivi għall-ftehim qafas ġew inkorporati fit-test legali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/272/UE tal-14 ta’ Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (ĠU L 134, 24.5.2012, p. 3).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2414 tal-25 ta’ Settembru 2017 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (ĠU L 343, 22.12.2017, pp. 1–2).

DOKUMENTI RELATATI

Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (ĠU L 78, 21.3.2018, p. 1).

l-aħħar aġġornament 16.01.2023

Top