EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Tax dispute resolution mechanisms
Mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar it-taxxa
Mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar it-taxxa
Id-Direttiva (UE) 2017/1852 — dwar il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar it-taxxa tal-UE
Din għandha l-għan li ttejjeb is-sistema għas-soluzzjoni ta’ tilwim fir-rigward ta’ ftehimiet dwar it-taxxa bejn il-pajjiżi tal-UE, u b’hekk tagħti kemm liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji ċertezza akbar u aktar deċiżjonijiet f’waqthom.
Din tikkonċerna b’mod partikolari tilwim dwar tassazzjoni doppja jew multipla — fejn 2 pajjiżi jew aktar jinvokaw id-dritt li jintaxxaw l-istess introjtu jew profitti.
Din hija msejsa fuq il-konvenzjoni tal-1990 dwar l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja li hija limitata għal tilwim dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment u l-allokazzjoni ta’ profitti lil stabbilimenti permanenti (magħrufa wkoll bħala l-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ — UAC).
Kamp ta’ applikazzjoni
Id-direttiva tapplika għall-kontribwenti kollha soġġetti għal taxxi fuq introjtu u kapital koperti minn trattati bilaterali dwar it-taxxa u l-UAC.
Proċedura ta’ soluzzjoni
Proċedura ta’ ftehim reċiproku
Bħala l-ewwel pass, ir-rikorrent iressaq ilment quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiżi tal-UE kkonċernati. L-awtoritajiet għandhom jippruvaw jilħqu ftehim reċiproku dwar l-ilment fi żmien sentejn wara li l-ilment jiġi aċċettat mill-awtorità tat-taxxa.
Proċedura ta’ arbitraġġ tat-tilwim
Għandha titwaqqaf Kummissjoni Konsultattiva biex issolvi tilwima meta:
Il-Kummissjoni Konsultattiva tista’ tintalab mir-rikorrent jekk wieħed mill-pajjiżi tal-UE relatat mat-tilwima jirrifjuta l-ilment. Il-Kummissjoni Konsultattiva għandha tadotta deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u l-aċċettazzjoni tal-ilment, fi żmien 6 xhur mir-rifjut tal-ilment, li tkun vinkolanti fuq il-pajjiżi kkonċernati.
Għandha titwaqqaf Kummissjoni Konsultattiva jekk l-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiżi tal-UE involuti fit-tilwima ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim biex jeliminaw it-tassazzjoni doppja fi żmien sentejn wara li jkunu aċċettaw l-ilment. Il-Kummissjoni Konsultattiva għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar kif għandha tissolva t-tilwima sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara li din titwaqqaf mill-pajjiżi kkonċernati.
Il-pajjiżi kkonċernati jistgħu jaqblu li jwaqqfu Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim minflok Kummissjoni Konsultattiva, li tista’ tvarja fil-kompożizzjoni u fil-forma mill-Kummissjoni Konsultattiva. Il-pajjiżi inkwistjoni għandhom id-dritt li jieħdu deċiżjoni li ma ssegwix l-opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva jew, jekk xieraq, tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. Madankollu, jekk dawn ma jilħqux ftehim dwar kif għandhom isolvu t-tilwima, dawn huma marbuta b’din l-opinjoni.
Rapport
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tivvaluta l-applikazzjoni tad-direttiva u tirrapporta lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2024.
Id-Direttiva ilha tapplika mit-3 ta’ Novembru 2017. Din għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Ġunju 2019.
It-tassazzjoni doppja transkonfinali tirriżulta meta negozju jiġi ntaxxat minn 2 pajjiżi differenti fuq l-istess introjtu jew kapital. Din ixxekkel b’mod serju t-twettiq tan-negozju bejn il-fruntieri, tirriżulta f’distorsjonijiet ekonomiċi u tħalli impatt negattiv fuq l-investiment transkonfinali.
Għal aktar informazzjoni, ara:
Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/1852 tal-10 ta’ Ottubru 2017 dwar mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 265, 14.10.2017, pp. 1-14)
Il-Konvenzjoni 90/436/KEE dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja in konnessjoni mal-aġġustament tal-qligħ ta’ intrapriżi assoċjati — Att Finali — Dikjarazzjonijiet Konġunti — Dikjarazzjonijiet Unilaterali (ĠU L 225, 20.8.1990, pp. 10-24)
L-emendi suċċessivi għall-Konvenzjoni ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 06.02.2018