Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Georgia
SOMMARJU TA’:
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Euratom u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE — l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra
Deċiżjoni 2014/495/Euratum li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra
X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?
L-għanijiet tal-ftehim huma li:
- jippromwovi l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika inkluż billi jżid il-parteċipazzjoni tal-Georgia fil-politiki, il-programmi u l-aġenziji tal-UE;
- jipprovdi bażi iktar b’saħħitha għad-djalogu politiku filwaqt li jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib bejn il-partijiet;
- jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istabbiltà politika, ekonomika u istituzzjonali fil-Georgia;
- jippromwovi, jippreserva u jsaħħaħ il-paċi u l-istabbiltà kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak internazzjonali;
- jippromwovi kooperazzjoni mmirata lejn ir-riżoluzzjoni tal-konflitti paċifika;
- isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja bil-għan li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
- jappoġġja l-isforzi tal-Georgia sabiex tiżviluppa l-kooperazzjoni ekonomika u internazzjonali tagħha, inkluż permezz tal-allinjament tal-liġijiet tagħha aktar mill-qrib ma’ dawk tal-UE;
- jikseb l-integrazzjoni ekonomika gradwali tal-Georgia fis-suq intern tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u komprensiva;
- jistabbilixxi kundizzjonijiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib f’oqsma oħra ta’ interess reċiproku.
Id-Deċiżjoni 2014/494/UE timmarka l-iffirmar u d-Deċiżjoni 2014/495/Euratom timmarka l-konklużjoni tal-ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Georgia mill-UE, l-Euratom u l-Istati Membri tal-UE.
PUNTI EWLENIN
Il-ftehim ta’ assoċjazzjoni jkopri:
Prinċipji ġenerali
Il-ftehim huwa bbażat fuq għadd ta’ prinċipji bażiċi:
Djalogu politiku
Id-djalogu politiku bejn iż-żewġ partijiet għandu jiġi żviluppat u msaħħaħ aktar. Dan għandu numru ta’ għanijiet li jinkludu:
- l-approfondiment tal-assoċjazzjoni politika u ż-żieda tal-konverġenza u l-effikaċja tal-politika u tas-sigurtà;
- il-promozzjoni tal-prinċipji ta’ integrità territorjali, ir-rispett għal fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment, is-sovranità u l-indipendenza;
- riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti;
- stabbiltà u sigurtà internazzjonali bbażati fuq multilateraliżmu effettiv;
- approfondiment tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża.
Libertà, sigurtà u ġustizzja
Il-kooperazzjoni dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja tkopri numru ta’ kwistjonijiet speċifiċi fosthom:
- il-protezzjoni ta’ data personali;
- il-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri;
- il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, it-terroriżmu u d-drogi illegali.
Kwistjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ
Il-ftehim fih firxa wiesgħa ta’ kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ inklużi:
- trattament nazzjonali u aċċess tas-suq għall-oġġetti:
- it-twaqqif ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-partijiet u t-tneħħija tad-dazji doganali fuq l-oġġetti li joriġinaw mill-parti l-oħra, b’ċerti eċċezzjonijiet (stabbiliti fl-annessi),
- mekkaniżmu antiċirkomvenzjoni, li taħt ċerti ċirkustanzi jissospendi t-trattament preferenzjali ta’ ċerti prodotti agrikoli tal-Georgia li jidħlu fl-UE, ilu fis-seħħ mill-2016;
- allinjament gradwali mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, il-faċilitazzjoni doganali u kummerċjali, u l-akkwist pubbliku;
- dritt ta’ stabbiliment, kummerċ ta’ servizzi u kummerċ elettroniku;
- ħlasijiet kurrenti u l-moviment tal-kapital;
- fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-ftehim iffirmat fl-2012 bejn l-UE u l-Georgia dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ġie integrat fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni. Prijorità tal-ftehim tal-aħħar kienet li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Georgia f’dan il-qasam tkun infurzata b’mod effettiv u li l-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet rilevanti u l-membri tal-ġurija jirċievu taħriġ adegwat. F’dan il-kuntest il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni (ara hawn taħt), l-UE u l-Georgia jiltaqgħu b’mod regolari biex jiddiskutu kwistjonijiet u l-aħjar prattiki f’dan il-qasam.
Kooperazzjoni ekonomika
Il-ftehim jirrikjedi li:
- iż-żewġ partijiet itejbu l-għarfien tagħhom dwar l-ekonomija ta’ xulxin u jintroduċu politiki ekonomiċi biex iġibu riforma ekonomika;
- Il-Georgia taħdem lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona, tallinja gradwalment ir-regoli ekonomiċi u finanzjarji tagħha ma’ dawk tal-UE, u tiżgura politiki makroekonomiċi sodi.
Oqsma oħra ta’ kooperazzjoni
L-UE u l-Georgia jaqblu li jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib dwar firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika biex jgħinu l-iżvilupp u t-tkabbir potenzjali tal-Georgia.
Assistenza finanzjarja, regoli kontra l-frodi u ta’ kontroll
Regoli istituzzjonali u ġenerali
- Il-ftehim iwaqqaf Kunsill ta’ Assoċjazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim.
- Dan huwa megħjun minn Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u minn Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ magħmul minn impjegati għolja taċ-ċivil taż-żewġ partijiet.
DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ
- Il-ftehim huwa ftehim imħallat* li jirrikjedi li jiġi ratifikat minn kull Stat Membru kif ukoll mill-Parlament Ewropew. Dan ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2016.
- Ċerta partijiet tal-ftehim ġew applikati b’mod provviżorju mill-1 ta’ Settembru 2014.
SFOND
TERMINI EWLENIN
Ftehim imħallat: jekk is-suġġett ta’ ftehim ma jaqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE (f’dan il-każ il-ftehim jinvolvi wkoll l-Euratom), il-pajjiżi tal-Istati Membri għandhom ukoll jiffirmaw il-ftehim. Tali ftehimiet huma magħrufa bħala ftehimiet imħallta. Dan ifisser li, minbarra l-UE nnifisha, l-Istati Membri jsiru partijiet kontraenti għal partijiet kontraenti mhux tal-UE. Il-ftehimiet imħallta jistgħu wkoll jeħtieġu li jiġi adottat att intern tal-UE biex jiġu kondiviżi l-obbligi bejn l-Istati Membri tal-UE u l-UE.
DOKUMENTI EWLENIN
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, pp. 4-743)
Emendi suċċessivi fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE tas-16 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, pp. 1-3)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/495/Euratom tas-16 ta’ Ġunju 2014 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, pp. 744-745)
DOKUMENTI RELATATI
Verżjoni konsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 203, 7.6.2016, pp. 1-112)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Regolament (UE) 2016/401 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 62-64)
Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 18.6.2016, p. 1)
Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 259, 30.8.2014, p. 1)
l-aħħar aġġornament 30.04.2021