EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli għall-ġbir ta’ statistika dwar merkanzija trasportata bit-triq

Regoli għall-ġbir ta’ statistika dwar merkanzija trasportata bit-triq

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 70/2012 — statistika dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi r-regoli għall-produzzjoni ta’ statistika komparabbli mal-UE kollha dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq.
  • Jirrevedi u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1172/98, li ġie emendat diversi drabi, u jallinja r-regolament mat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tad-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta leġiżlazzjoni supplimentari.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE għandhom ilkoll jiġbru u jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) data relatata mal-merkanzija trasportata b’vetturi tat-trasport bit-triq irreġistrati fit-territorju tagħhom.

Ir-regolament ma japplikax għall-merkanzija trasportata permezz ta’:

  • vetturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li l-piż jew id-dimensjonijiet awtorizzati tagħhom jaqbżu l-limiti normalment permessi fil-pajjiżi tal-UE kkonċernati;
  • vetturi agrikoli, vetturi militari u vetturi li jappartjenu lil amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali jew lokali, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li jappartjenu lil kumpaniji pubbliċi, u b’mod partikolari lil kumpaniji ferrovjarji.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeskludu l-vetturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li l-kapċità tat-tagħbija jew il-piż massimu permissibbli tagħhom ikunu inqas minn ċertu limitu. Dak il-limitu ma jistax jaqbeż il-kapaċità ta’ tagħbija ta’ 3.5 tunnellati jew piż massimu permissibbli ta’ 6 tunnellati fil-każ ta’ vetturi b’mutur wieħed.

Ir-regolament ma japplikax għal Malta sakemm l-għadd ta’ vetturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq irreġistrati f’Malta li jkollhom liċenzja biex joperaw fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq ma jaqbiżx l-400 vettura.

Il-ġbir u t-trażmissjoni tad-data

Kull tliet xhur, permezz ta’ kampjuni ta’ stħarriġ, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiġbru u jittrażmettu d-data lill-Eurostat fir-rigward ta’ 3 oqsma:

  • il-vetturi (ara l-Annessi I u II tar-Regolament);
  • il-vjaġġi (ara l-Anness III tar-Regolament);
  • il-merkanzija (ara l-Annessi IV u V tar-Regolament).

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jittrażmettu d-data fi żmien 5 xhur mit-tmiem tat-trimestru taħt osservazzjoni.

It-tixrid tar-riżultati

L-Eurostat ixxerred id-data mhux aktar tard minn 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu li din tkun tittratta.

Rapporti

Meta jibagħtu d-data għall-ewwel trimestru, il-pajjiżi tal-UE jibagħtu rapport lill-Eurostat dwar il-metodi użati fil-ġbir tad-data. Għandhom ukoll jinfurmaw lill-Eurostat jekk jagħmlu xi bidliet sostanzjali f’dawn il-metodi. Kull sena, għandhom jipprovdu lill-Eurostat l-informazzjoni dwar daqsijiet tal-kampjuni, rati tan-nuqqas ta’ rispons u, fil-forma ta’ żbalji standard jew ta’ intervalli ta’ kunfidenza, l-affidabbiltà tar-riżultati statistiċi ewlenin.

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tirrapporta għall-ewwel darba sa Diċembru 2014, u wara kull 3 snin, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament.

Il-Kumitat

Il-Kummissjoni tingħata konsulenza u assistenza mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009.

Setgħat iddelegati lill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta atti delegati li r-Regolament ikkonferixxa lilha. F’rapport ippubblikat fl-2016, il-Kummissjoni spjegat li la l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u lanqas il-konklużjonijiet tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kummissjoni dwar l-istatistiċi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li jinvolvu esperti minn pajjiżi tal-UE ma qajmu l-ħtieġa li jintużaw dawn is-setgħat delegati.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan beda japplika mit-23 ta’ Frar 2012.

SFOND

Għal aktar informazzjoni ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq (ĠU L 32, 3.2.2012, pp. 1-18)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 70/2012 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq (COM(2016) 562 final, 12.9.2016)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport tal-merkanzija bit-triq (COM(2015) 17 final, 26.1.2015)

l-aħħar aġġornament 07.11.2017

Top