Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Nindirizzaw l-evitar tat-taxxa korporattiva

Nindirizzaw l-evitar tat-taxxa korporattiva

 

SOMMARJU TA’:

id-Direttiva (UE) 2016/1164 — li tipprevjeni l-evitar tat-taxxa mill-kumpaniji

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tintroduċi regoli għall-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa mill-kumpaniji u għalhekk tindirizza l-kwistjoni tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa fis-suq uniku tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva tapplika għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva f’pajjiż tal-UE jew aktar, inklużi stabbilimenti permanenti f’pajjiż tal-UE jew aktar ta’ entitajiet residenti għall-finijiet tat-taxxa f’pajjiż mhux tal-UE.

Il-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (BEPS)*

Id-direttiva tistabbilixxi regoli kontra l-evitar tat-taxxa f’4 oqsma speċifiċi biex tiġġieled il-BEPS:

  • Regoli tal-limitazzjoni tal-imgħax: meta kumpaniji multinazzjonali jgħawru l-bażi tat-taxxa tagħhom billi jħallsu pagamenti tal-imgħax esaġerati lil kumpaniji affiljati f’ġurisdizzjonijiet b’rata baxxa ta’ taxxa. Id-direttiva timmira li tiddisswadi lill-kumpaniji minn din il-prattika billi tillimita l-ammont ta’ interess li kontribwent għandu d-dritt li jnaqqas f’perjodu tat-taxxa. L-ammont massimu ta’ imgħax li jista’ jitnaqqas huwa stabbilit għal massimu ta’ 30 % tal-qligħ tal-kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-depprezzament (kejl ta’ kemm minn valur ta’ ass intuża f’mument partikolari fiż-żmien) u amortizzament (il-firxa ta’ pagament fuq perjodi multipli).
  • Regoli tat-tassazzjoni tal-ħruġ: meta l-kontribwenti jipprovaw inaqqsu l-obbligazzjoni ta’ taxxa tagħhom billi jittrasferixxu r-residenza tat-taxxa u/jew l-assi tagħhom lejn ġuriżdizzjoni b’rata baxxa ta’ taxxa, għall-finijiet ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa biss. Ir-regoli tat-tassazzjoni tal-ħruġ jimmiraw li jipprevjenu l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fil-pajjiż ta’ oriġini tal-UE meta l-assi ta’ valur għoli jiġu trasferiti mingħajr bdil fis-sjieda, ’il barra mill-ġurisdizzjoni tat-taxxa ta’ dak il-pajjiż. Id-direttiva tagħti lill-kontribwenti l-alternattiva li jiddiferixxi l-pagament tal-ammont ta’ taxxa fuq 5 snin u jissetiljaw permezz ta’ pagamenti f’intervalli differenti, iżda biss jekk it-trasferiment iseħħ fl-UE.
  • Regola ġenerali kontra l-abbuż: din ir-regola timmira li tkopri l-lakuni li jistgħu jkunu jeżistu fir-regoli speċifiċi kontra l-abbuż ta’ pajjiż kontra l-evitar tat-taxxa, u tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa s-setgħa li jċaħħdu lill-kontribwenti l-benefiċċju ta’ arranġamenti tat-taxxa abbużivi. Il-klawżola ġenerali ta’ kontra l-abbuż tad-direttiva tapplika għall-arranġamenti li mhumiex ġenwini meta jitqies li dawn ma jiġux implimentati għal raġunijiet kummerċjali varji li jirriflettu r-realtà ekonomika.
  • Regoli ta’ Korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż (CFC): sabiex inaqqsu l-obbligazzjoni ta’ taxxa globali tagħhom, gruppi korporattivi jistgħu jċaqilqu l-proffitti lejn sussidjarji kkontrollati f’ġurisdizzjonijiet b’rati baxxi ta’ taxxa. Ir-regoli tas-CFCs jattribwixxu mill-ġdid id-dħul ta’ sussidjarja barranija kkontrollata ntaxxata rata baxxa lill-impriża omm tagħha li tkun intaxxata ħafna aktar. B’riżultat ta’ dan, l-impriża omm hija ntaxxata fuq dan id-dħul fil-pajjiż ta’ residenza tagħha.

Id-Direttiva ta’ Emenda (UE) 2017/952

Minħabba li d-Direttiva (UE) 2016/1164 indirizzat biss diskrepanzi ibridi* fl-UE, ġiet adottata Direttiva (UE) 2017/952 ġdida li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni sabiex jiġi żgurat li r-regoli jkopru diskrepanzi ibridi ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Ir-regoli tad-direttiva tal-aħħar jieħdu post ir-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi tad-Direttiva UE 2016/1164.

Regoli dwar diskrepanzi ibridi: meta kontribwenti korporattivi japprofittaw ruħhom mid-disparitajiet bejn sistemi tat-taxxa nazzjonali sabiex inaqqsu l-obbligazzjoni ta’ taxxa globali tagħhom, pereżempju permezz ta’ tnaqqis doppju (jiġifieri tnaqqis fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera) jew tnaqqis tad-dħul fuq naħa waħda tal-fruntiera mingħajr l-inklużjoni tiegħu fuq in-naħa l-oħra. Sabiex tinnewtralizza l-effetti ta’ arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi, id-direttiva tistabbilixxi regoli fejn 1 miż-2 ġurisdizzjonijiet f’diskrepanza jenħtieġ li tiċħad it-tnaqqis ta’ pagament li jwassal għal tali eżitu.

MINN META TIBDA TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva (UE) 2016/1164 ilha tapplika mit-8 ta’ Awwissu 2016 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE mill-31 ta’ Diċembru 2018.

Id-Direttiva ta’ Emenda (UE) 2017/952 ilha tapplika mis-27 ta’ Ġunju 2017 u għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2019 (jew sal-31 ta’ Diċembru 2021 fil-każ ta’ diskrepanzi ibridi).

SFOND

Id-direttiva tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Korporattiva Ġusta u Effiċjenti u hija tweġiba għall-finalizzazzjoni tal-proġett kontra l-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) mill-G20 u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).

TERMINI EWLENIN

L-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (BEPS): l-istrateġiji tal-evitar tat-taxxa li jisfruttaw il-lakuni u d-diskrepanzi fir-regoli tat-taxxa għaċ-ċaqliċ b’mod artifiċjali ta’ profitti lejn lokazzjonijiet b’rata baxxa ta’ taxxa jew mingħajr taxxa.
Diskrepanza ibrida: arranġament li jisfrutta d-differenzi fit-trattament tat-taxxa ta’ strumenti, kumpaniji jew trasferimenti bejn 2 pajjiżi jew aktar.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, pp. 1-14)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2017/952 tad-29 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta’ diskrepanzi ibridi ma’ pajjiżi terzi (ĠU L 144, 7.6.2017, pp. 1-11)

l-aħħar aġġornament 07.11.2017

Top