Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal — linji gwida 2017

Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal — linji gwida 2017

 

SOMMARJU TA’:

Linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (2017)

L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN IL-LINJI GWIDA?

  • Dawn jaġġornaw l-approċċ tal-Unjoni Ewropea (UE) li għandha l-għan li tiżgura li d-drittijiet tat-tfal* jitqiesu fil-politiki u l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE. Għal dan il-għan, il-linji gwida jippromwovu perspettiva ta’ tisħiħ tas-sistemi li tirfed il-miżuri, l-istrutturi u l-atturi li jeħtieġu jkunu fis-seħħ biex jipproteġu d-drittijiet kollha tat-tfal kollha.
  • Dawn jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet kif stabbilit fil-qafas strateġiku tal-UE 2012 għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Dan l-approċċ ifittex li jintegra l-istandards u l-prinċipji tad-drittijiet tat-tfal fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-programmi kollha.
  • Dawn huma bbażati fuq il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jirriflettu l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jistipula li fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-UE jeħtiġilha tiżgura li ssostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u, b’mod partikolari, id-drittijiet tat-tfal.

PUNTI EWLENIN

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) fil-Kunsill huwa responsabbli għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-linji gwida.

Il-linji gwida tal-2017 (bħal-linji gwida preċedenti mill-2007) jagħmlu mill-aħjar biex ix-xogħol tal-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE jkun inqas ad hoc fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal.

Sabiex tilħaq l-objettiv li tipproteġi d-drittijiet tat-tfal, l-UE se tuża għodod operattivi, bħal:

  • djalogi politiċi li jinkludu d-drittijiet tat-tfal fin-negozjati u d-diskussjonijiet li saru ma’ organizzazzjonijiet u pajjiżi mhux tal-UE;
  • djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem li jenfasizzaw it-tħassib tal-UE dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jesploraw soluzzjonijiet għal dan ma’ pajjiżi mhux tal-UE;
  • dikjarazzjonijiet u démarches (jiġifieri rappreżentazzjonijiet diplomatiċi dwar kwistjoni partikolari minn gvern għall-ieħor) li jfakkru lill-pajjiżi mhux tal-UE dwar il-ħtieġa li jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu lit-tfal;
  • L-istrateġiji tal-pajjiż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tal-UE li jagħtu analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni tat-tfal f’pajjiż partikolari u jidentifikaw lakuni u l-azzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;
  • kooperazzjoni bilaterali u multilaterali biex jitħejjew assistenza umanitarja u programmi ta’ għajnuna għall-iżvilupp b’enfasi fuq id-drittijiet tat-tfal;
  • sħubiji u koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati internazzjonali bħan-NU, organizzazzjonijiet reġjonali, il-Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, istituzzjonijiet ta’ riċerka, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;
  • L-istrateġija “Kummerċ għal kulħadd”, li tiżgura li t-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-ġustizzja soċjali, mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u mal-istandards ambjentali.

L-UE se tieħu azzjonijiet konkreti biex timplementa dawn il-linji gwida, fosthom li tħeġġeġ lill-pajjiżi mhux tal-UE biex:

  • jadottaw strateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal;
  • ifasslu bbaġittjar nazzjonali li jiffoka fuq it-tfal, tingħata importanza lit-tfal fil-baġits, speċjalment dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli;
  • jiżviluppaw/isaħħu istituzzjonijiet indipendenti dwar id-drittijiet tat-tfal;
  • jiġbru u jużaw data diżaggregata, filwaqt li jagħtu importanza lill-inugwaljanza u lid-diskriminazzjoni.

L-azzjonijiet għall-UE jinkludu:

  • tiżgura li l-persunal rilevanti jiġi mħarreġ fuq approċċ ibbażat fuq id-drittijiet lejn il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, fejn huma inklużi d-drittijiet kollha tal-bniedem;
  • tuża s-Sett ta’ Għodod tal-UE u l-UNICEF għad-Drittijiet tat-Tfal biex issaħħaħ l-ipprogrammar li jiffoka fuq it-tfal fis-setturi kollha.

SFOND

  • Ħafna tfal jaffaċċjaw firxa wiesgħa ta’ theddid u nuqqas ta’ opportunitajiet rigward l-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u dik soċjali. Huma vittmi tat-tħaddim tat-tfal, tal-vjolenza, tal-abbuż sesswali, tal-mard u tal-kunflitt armat u huma esposti għad-diskriminazzjoni, il-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni. Il-bniet jaffaċċjaw riskji speċifiċi u jeħtieġu attenzjoni partikolari.
  • L-UE hija attur ewlieni fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (u b’mod partikolari d-drittijiet tat-tfal) madwar id-dinja. Hija tippromwovi inizjattivi oħrajn li jimmiraw għat-titjib tat-tfal, bħall-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Tifel/tifla: kull bniedem li għandu inqas minn 18-il sena.

DOKUMENT EWLIENI

EU guidelines for the promotion of the rights of the child (2017) — Leave no child behind (Linji gwida tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal (2017) — L-ebda tifel jew tifla m’għandhom jitħallew barra), Brussell, 2017

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I: Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 3 (ex Artikolu 2 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 17)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Kummerċ għal Kulħadd — Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment (COM(2015) 497 final, 14.10.2015)

l-aħħar aġġornament 28.11.2017

Top