Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sħubija pubblika-privata għal industriji b’bażi bijoloġika

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Sħubiji pubbliċi-privati taħt Orizzont Ewropa' for an updated information about the subject.

Sħubija pubblika-privata għal industriji b’bażi bijoloġika

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi sħubija pubblika-privata (PPP) magħrufa bħala Industriji b’Bażi Bijoloġika (BBI) Impriża Konġunta (JU) għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar l-Industriji b’Bażi Bijoloġika sabiex jissaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni industrijali fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-BBI JU għandha l-għan li tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq prodotti b’bażi ta’ fossili, biex jintlaħqu l-miri tat-tibdil fil-klima u jiġi ġġenerat tkabbi aktar ekoloġiku. Hija mfassla biex tiffinanzja proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni u tippromwovi sħubiji trans-settorjali ġodda, tisfrutta l-bijomassa u l-iskart bijoloġiku biex tagħmel fjuwils, kimiċi u ingredjenti tal-ikel avvanzati ġodda, aktar ekoloġiċi u mingħajr fossili.

Il-BBI JU tinvolvi setturi bħall-agrikoltura, agro-ikel, manifatturi tat-teknoloġija, forestrija/karta, kimiċi u enerġija. Dawn l-industriji ġew identifikati fl-istrateġija ta’ Ewropa 2020 tal-UE bħala li għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività billi ssir re-industrijalizzazzjoni u rivitalizzazzjoni ta’ żoni rurali, u tipprovdi għal impjiegi b’ħiliet għoljin fir-riċerka, l-iżvilupp u l-produzzjoni.

Fokus

Biex tħaffef it-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija b’bażi bijoloġika, il-BBI JU tiffoka fuq:

  • il-bini ta’ ktajjen ta’ valur ġdid ibbażati fuq l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ ġbir u provvista ta’ bijomassa effiċjenti u sostenibbli, u l-użu mtejjeb tal-bażi tal-bijomassa, filwaqt li jinstabu użi ġodda għal bijomases tal-iskart u tal-pjanti (ligno-ċellulosiċi);
  • li ġġib ktajjen ta’ valur eżistenti għal livelli ġodda, ittejjeb il-bażi u l-flussi sekondarji industrijali (prodotti sekondarji li jiġu rriċiklati) u twassal prodotti ta’ valur miżjud innovattivi għas-suq, u b’hekk issaħħaħ il-kompetittività tal-industriji tal-UE bbażati fuq l-agrikoltura u l-foresti;
  • li timmatura t-teknoloġija permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, u permezz tal-kostruzzjoni ta’ bijo-raffineriji ewlenin sabiex jipproċessaw il-bijomassa f’firxa ta’ prodotti innovattivi.

Ġestjoni

Il-BBI JU hija entità legali stabbilita apposta għall-għanijiet skont l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li jippermetti li jkun hemm sħubiji pubbliċi-privati fil-livell tal-UE fil-qasam tar-riċerka industrijali). Hi tistabbilixxi l-aġenda tar-riċerka strateġika tagħha stess u tiffinanzja proġetti wara sejħiet għal proposti ppubblikati fuq is-sit web tal-BBI. Bħala regola ġenerali, il-JU tapplika r-Regoli ta’ Orizzont 2020 għall-parteċipazzjoni.

L-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE jipprevedi regoli ġodda inqas stretti mfasslin apposta għall-korpi PPP tal-UE.

Il-BBI hija ġestita minn Direttur Eżekuttiv li huwa appoġġjat mill-Uffiċċju Eżekuttiv. Il-JU għandha bord governattiv li jinkludi rappreżentanti tal-industrija u tal-Kummissjoni Ewropea. Għandu r-responsabilità ġenerali għall-operazzjonijiet tal-JU. Huwa jingħata pariri minn Kumitat Xjentifiku dwar prijoritajiet xjentifiċi. Hemm ukoll grupp ta’ rappreżentanti tal-istati tal-BBI li jirrappreżenta lill-pajjiżi involuti. Id-deċiżjonijiet jittieħdu skont ir-regoli tal-votazzjoni stabbiliti mill-Impriża Konġunta.

Baġit

Il-kontribuzzjoni finanzjarju oriġinali tal-UE għall-BBI JU, inkluż approprijazzjonijiet tal-EFTA, tammonta għal €975 miljun. Dan għandu jkun ikkumplimentat b’madwar €2.7 biljun f’investiment mis-settur privat. Il-JU tfittex ukoll li tiżviluppa sinerġiji mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Ir-Regolament (UE) 2018/121 jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2014. Dan jikkonferma l-obbligu tal-konsorzju tal-bijoindustriji u l-entitajiet kostitwenti tiegħu li jagħtu l-kontribuzzjoni finanzjarja fl-ammont sħiħ stabbilit fir-regolament, iżda jippermetti li dawk il-kontribuzzjonijiet isiru mhux biss bħala pagamenti lill-BBI JU, iżda wkoll bħala kontribuzzjonijiet finanzjarji — b’mod partikolari, lil benefiċjarji f’għotjiet iffinanzjati mill-BBI JU.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mis-27 ta’ Ġunju 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabblixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (ĠU L 169, 7.6.2014, pp. 130-151)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2018/121 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 560/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (ĠU L 22, 26.1.2018, pp. 1-2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 104–173)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 16.05.2018

Top