This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Tying EU funding to sound economic governance
Ir-rabta tal-fondi tal-UE ma’ governanza ekonomika soda
Ir-rabta tal-fondi tal-UE ma’ governanza ekonomika soda
This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.
Ir-rabta tal-fondi tal-UE ma’ governanza ekonomika soda
Għotjiet minn diversi fondi tal-UE bejn l-2014 u l-2020 qegħdin jiġu marbutin mill-qrib mal-miżuri implimentati fuq livell nazzjonali sabiex tiġi żgurata governanza ekonomika b'saħħitha. Gvernijiet li jonqsu li jirrispettaw din ir-rabta jistgħu jaraw il-fondi li jirċievu mill-UE sospiżi.
ATT
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi ta’ Investiment u Strutturali Ewropej ma’ governanza ekonomika soda skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 1303/2013 (COM(2014) 494 final tat-30.7.2014).
SOMMARJU
Għotjiet minn diversi fondi tal-UE bejn l-2014 u l-2020 qegħdin jiġu marbutin mill-qrib mal-miżuri implimentati fuq livell nazzjonali sabiex tiġi żgurata governanza ekonomika b'saħħitha. Gvernijiet li jonqsu li jirrispettaw din ir-rabta jistgħu jaraw il-fondi li jirċievu mill-UE sospiżi.
X'TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?
Il-komunikazzjoni tispjega kif il-Kummissjoni għandha timplimenta xi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Dan l-Artikolu jeħtieġ li l-fondi mill-5 Fondi ta’ Investiment u Strutturali Ewropej, li huma mqassmin lill-pajjiżi tal-UE, għandhom jgħinu sabiex jassiguraw governanza ekonomika soda. Din hija magħrufa bħala “kundizzjonalità makroekonomika”* u hija ddisinjata sabiex tkabbar l-effikaċja tal-ispiża.
PUNTI EWLENIN
Ir-Regolament jagħti 2 poteri ġodda lill-Kummissjoni.
L-ewwel, tista’ titlob lil gvern jidderiġi mod ieħor l-użu tiegħu tal-fondi tal-UE jekk tikkunsidra li ċerti problemi ekonomiċi jeħtieġu modifika għall-programm inizjali ta’ spiża ġenerali tal-pajjiż.
Meta jsir dan, il-Kummissjoni tidentifika l-programmi u l-prijoritajiet li għandhom jibbenenfikaw minn aktar riżorsi finanzjarji u dawk li jistgħu jgħaddu b’inqas.
Jekk il-gvern jinjora t-talba, jew jonqos milli jirrispondi b’miżuri xierqa, il-Kummissjoni tista' tirrakkmanda li parti mill-pagamenti, potenzjalment sa 50% ta’ kull programm ikkonċernat, minn fondi tal-UE, tkun sospiża.
It-tieni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li xi fondi tal-UE jkunu sospiżi jekk il-pajjiż jonqos milli jikkonforma mar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE, pereżempju, billi jħaddem defiċit eċċessiv jew żbilanċ fiskali kbir.
Il-livell attwali ta’ fondi li l-Kummissjoni tista’ tipproponi li tissospendi jkun stabbilit sabiex iħajjar lill-pajjiż ikkonċernat jikkonforma mat-talba oriġinali. Il-Kummissjoni tqis iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali speċjali.
Fiż-żewġ każijiet, il-gvernijiet tal-UE (il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) jiddeċiedu jekk japprovawx jew jirrifjutawx is-sospensjoni li tkun qed tipproponi l-Kummissjoni
SFOND
Qabel, ir-rabta bejn il-finanzi tal-UE u l-governanza ekonomika kienet limitata għal fond wieħed: il-Fond tal-Adeżjoni . Issa ġiet estiża għall-4 fondi l-oħrajn (reġjonali, soċjali, agrikulturali u tas-sajd).
TERMINI EWLENIN
* Kundizzjonalità makro-ekonomika : l-iffinanzjar huwa kkundizjonat mill-fatt li l-pajjiż in kwestjoni jikkonforma mal-proċeduri ta’ governanza ekonomika.
ATTI RELATATI
Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 320-469).
l-aħħar aġġornament 08.12.2014