Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Prezzijiet u kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa

Prezzijiet u kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa

Din il-komunikazzjoni hija magħmula minn rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa u rakkomandazzjonijiet ta’ kif il-kontijiet tal-enerġija jinżammu kkontrollati.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa. (COM(2014) 21 finali tat-22.1.2014 - mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

L-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa hija ddiżinjata sabiex tgħin lil min ifassal il-politika jifhem il-kuntest u l-impatt ta’ żieda riċenti fil-prezzijiet fuq il-konsumaturi u l-implikazzjonijiet politiċi.

Żiediet fil-prezzijiet tal-enerġija hija kwistjoni ta’ tħassib politiku kbir. Dawn joħolqu piż ta’ spiża addizjonali fuq familji li jkunu qed ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja batuti u l-industrija u jaffettwaw il-kompetittività globali tal-Ewropa.

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jgħin lill-UE tiżviluppa qafas għall-2030 għall-enerġija u l-klima li jkun ambizzjuż imma kredibbli li huwa kost-effettiv u ma jnaqqasx il-kompetittività tal-Ewropa.

Il-Kummissjoni tipproponi għadd ta' azzjonijiet differenti bil-għan li tiżgura li ċ-ċittadini u l-industrija tal-Ewropa jkunu jistgħu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfida tal-prezz tal-enerġija u li l-UE tista’ żżomm il-kompetittività tagħha, ilum, sal-2030 u lil hinn.

Il-proposti prinċipali għaż-żamma taħt kontroll tal-kontijiet tal-eneġija jinkludu:

  • il-pajjiżi tal-UE għandhom ilestu s-suq intern tal-enerġija tal-UE sabiex jiżguraw li l-investimenti jistgħu jsiru b’mod effiċjenti u kompetittiv;
  • il-konsumaturi fid-djar u fl-industrija, b’mod partikolari negozji żgħar u ta’ daqs medju, għandhom jesploraw l-opportunità ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tagħhom billi jaqilbu għal fornituri tal-enerġija orħos;
  • hemm aktar x’jeħtieġ isir sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija u sabiex il-konsumaturi jkunu megħjunin inaqqsu l-konsum tagħhom; djar u industriji Ewropej jistgħu jżommu l-kontijiet tagħhom baxxi billi jtejbu l-effiċjenza tal-enerġija tagħhom; aktar attenzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija fid-diżinn tal-prodott, teknoloġiji ġodda u l-imġiba tal-konsumaturi jistgħu jgħinu wkoll fl-iffrankar tal-enerġija u tal-flus;
  • biex jieħdu vantaġġ mis-suq intern u l-iskop għat-tnaqqis tal-ispejjeż, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżviluppaw aktar l-infrastruttura tal-enerġija, jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija u r-rotot tal-provvisti u jiżguraw li, fin-negozjati tagħhom ma’ sħab prinċipali tal-enerġija, jitkellmu b’vuċi Ewropea waħda;
  • l-UE u l-pajjiżi tal-UE għandhom jivvalutaw aktar u jqabblu l-ispejjeż u l-prattiċi tan-netwerk tal-enerġija.

l-aħħar aġġornament 01.08.2014

Top