Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-integrazzjoni tar-Roma fil-qasam tal-kura tas-saħħa

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

L-integrazzjoni tar-Roma fil-qasam tal-kura tas-saħħa

 

SOMMARJU

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata fl-2013, titlob li jittieħdu miżuri f'għadd ta' oqsma, inkluż fil-kura tas-saħħa, biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tar-Roma, l-ikbar minoranza etnika fl-Ewropa.

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?

Turi l-impenn politiku b'saħħtu u kondiviż tal-pajjiżi tal-UE kollha biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex:

tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali kif ukoll id-diskriminazzjoni u

jinkiseb titjib reali fil-promozzjoni tal-integrazzjoni fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex jieħdu miżuri sabiex jiżguraw trattament ugwali għar-Roma fl-aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa disponibbli b'mod universali fuq il-bażi tal-kriterji ta' eliġibilità ġenerali. Eżempji ta' miżuri xierqa jinkludu:

it-tneħħija ta' kwalunkwe barriera għall-aċċess tas-sistema tal-kura tas-saħħa aċċessibbli għall-popolazzjoni ġenerali;

it-titjib tal-aċċess għal check-ups mediċi, kura ta' qabel u wara t-twelid u għall-ippjanar tal-familja, kif ukoll għal kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, ġeneralment ipprovduti mis-servizzi nazzjonali tal-kura tas-saħħa;

it-titjib tal-aċċess għal programmi ta' tilqim bla ħlas li għandhom fil-mira tagħhom lil tfal u programmi ta' tilqim li jimmiraw, b'mod partikolari, gruppi li huma l-aktar f'riskju u/jew dawk li jgħixu f'żoni marġinalizzati u/jew f'żoni remoti;

il-promozzjoni tal-għarfien dwar kwistjonijiet tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġu jimmonitorjaw u jevalwaw l-effikaċja tal-miżuri li huma jieħdu kemm f'termini tal-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Roma kif ukoll fi ħdan il-politiki ta' inklużjoni soċjali usa'.

Dan jista' jsir billi jiġu stabbiliti miri jew billi tinġabar dejta kwalitattiva jew kwantitattiva fuq l-effetti soċjali u ekonomiċi tal-miżuri meħudin.

L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali żviluppat Programm Multi- Annwali dwar ir-Roma (2012–2020). Tħejji rapporti regolari dwar il-progress magħmul u tipprovdi parir ibbażat fuq l-evidenza lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-pajjiżi tal-UE abbażi tad-dejta miġbura minn madwar l-UE.

Rapportar u follow-up

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni Ewropea sal-1 ta' Jannar 2016 kwalunkwe miżura meħuda f'konformità mar-Rakkomandazzjoni; Minn hemm 'il quddiem, għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fuq bażi annwali.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni pprovduta sservi bħala bażi għar-rapport annwali tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Roma.

Ir-riżultati jiġu mitmugħin fil-proċess tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Mill-2012, bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal 5 pajjiżi b'komunitajiet kbar ta' Roma (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja).

Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-Rapport dwar is-Saħħa tar-Roma li kkonkluda li l-aċċess għall-kura tas-saħħa tar-Roma huwa relatat mill-qrib ma' fatturi tal-esklużjoni soċjali. Ir-Roma spiss ma jitkellmux il-lingwa, ma jifhmux is-sistema tal-kura tas-saħħa jew jistgħu ma jkunux irreġistrati jew assigurati. Jesperjenzaw ukoll diskriminazzjoni mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa li min-naħa tagħhom tagħmel lir-Roma nies li inqas jafdaw is-sistema tal-kura tas-saħħa.

SFOND

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1-7)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020 (COM(2011) 173 finali tal-5 ta' April 2011)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar l-implimentazzjoni ta' Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom tal-2015 (COM(2015) 299 final tas-17 ta' Ġunju 2015)

l-aħħar aġġornament 15.10.2015

Top