Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Finanzjament ta’ investiment fit-tul fl-ekonomija tal-UE

Finanzjament ta’ investiment fit-tul fl-ekonomija tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2015/760 dwar fondi ta’ investiment Ewropej għat-terminu twil, kif emendat minn Regolament (UE) 2023/606

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Regolament (UE) 2015/760 jissettja regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-politiki ta’ awtorizzazzjoni, investiment u kundizzjonijiet tal-operat tal-fondi ta’ investiment Ewropej għat-terminu twil (ELTIFs)*.
  • Regolament Emendatorju (UE) 2023/606, li japplika mill-10 ta’ Jannar 2024 jintroduċi regoli ġodda fir-rigward tal-iskop ta’ assi u investimenti eliġibbli, il-kompożizzjoni tal-portafoll u r-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni, it-teħid ta’ self ta’ flus u regoli oħra ta’ finanzjament, u r-rekwiżiti li jirrigwardjaw il-politiki ta’ awtorizzazzjoni, investiment u kundizzjonijiet tal-operat ta’ ELTIFs. L-objettiv tagħhom hu li jiffaċilitaw aħjar il-ġenerazzjoni u d-direzzjonar tal-kapital lejn investimenti għat-terminu twil fl-ekonomija reali, inkluż lejn investimenti li jippromwovu l-Patt Ekoloġiku Ewropew u oqsma oħra ta’ prijorità, bħal l-enerġija, it-trasport u infrastruttura soċjali u l-ħolqien ta’ impjiegi.

PUNTI EWLENIN

Regolament (UE) 2015/760 jissettja regolament uniformi dwar politiki tal-awtorizzazzjoni u investiment u kundizzjonijiet dwar l-operat ta’ fondi alternattivi ta’ investiment tal-UE (EU AIFs) jew kompartimenti ta’ EU AIFs li huma kummerċjalizzati fl-UE bħala ELTIFs. Dan is-sommarju informali u mhux eżawrenti li ma jistax jitqies bħala investiment jew parir legali, jissettja s-sett ġenerali ta’ regoli normattivi li japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2024.

Impriża ta’ portafoll kwalifikanti

Impriża ta’ portafoll kwalifikanti trid, fil-ħin tal-investiment inizjali, tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

Assi tal-investiment eliġibbli

Assi huma eliġibbli għall-investiment biss b’ELTIF jekk jaqgħu f’xi waħda minn bosta kategoriji:

  • strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità:
    • maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti u akkwistati mill-ELTIF minn dik l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew minn terza persuna permezz tas-suq sekondarju,
    • maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti bħala skambju ta’ strument ta’ ekwità jew kważi ekwità akkwistat minn qabel mill-ELTIF minn dik l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew minn terza persuna permezz tas-suq sekondarju,
    • maħruġa minn impriża fejn l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti għandha parteċipazzjoni ta’ kapital bħala skambju ta’ strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità akkwistat mill-ELTIF;
  • strumenti ta’ dejn maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti;
  • self mogħti mill-ELTIF lil impriża ta’ portafoll kwalifikanti b’maturità li ma teċċedix il-ħajja tal-ELTIF;
  • unitajiet jew isħma ta’ xi ELTIF jew ta’ bosta oħra, il-fondi Ewropej għall-kapital ta’ riskju (EuVECAs), il-fondi soċjali Ewropej tal-intraprenditorija (EuSEFs), l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UNITS) u l-EU AIFs ġestjonati mill-maniġers AIF tal-UE (EU AIFMs) diment li dawk l-entitajiet jinvestu f’investimenti eliġibbli u ma jkunux huma stess investew iktar minn 10% tal-assi tagħhom f’xi impriża ta’ investiment kollettiv oħra;
  • assi reali*;
  • titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti fejn l-esponimenti sottostanti jikkorrispondu ma’ waħda mill-kategoriji li ġejjin:
    • assi elenkati f’Artikolu 1, punt (a)(i), (ii) jew (iv) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1851, jew
    • assi elenkati f’Artikolu 1, punt (a)(vii) jew (viii) ta’ Regolament Delegat (UE) 2019/1851, diment li l-qligħ mill-bonds tat-titolizzazzjoni jintużaw għal finanzjament jew rifinanzjament tal-Investimenti fuq terminu twil
  • bonds maħruġa, konformi ma’ Regolament (UE) 2023/2631 fuq il-Bonds Ħodor Ewropej minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti.

ELTIF għandu jinvesti tal-inqas 55% tal-kapital tiegħu f’assi tal-investiment eliġibbli.

Awtorizzazzjoni

Applikazzjoni biex issir ELTIF għandha tinkludi:

  • ir-regoli tal-fond jew l-strumenti tal-inkorporazzjoni*;
  • Informazzjoni dwar l-identità tal-maniġer propost tal-ELTIF u l-esperjenza u storja ta’ qabel tagħhom fil-ġestjoni ta’ fond.
  • Fejn ELTIF jista’ jkun kummerċjalizzat lil investituri tal-bejgħ bl-imnut, deskrizzjoni tal-informazzjoni trid issir disponibbli lil investituri, inkluża deskrizzjoni tal-arranġamenti biex tindirizza ilmenti li jintbagħtu minn investituri tal-bejgħ bl-imnut;
  • Informazzjoni dwar l-identità tad-depożitarju* u, fejn ikun mitlub mill-awtoritajiet kompetenti ta’ ELTIF li jista’ jkun kummerċjalizzat għal investituri tal-bejgħ bl-imnut, il-ftehim bil-miktub mad-depożitarju;
  • deskrizzjoni tal-informazzjoni li tingħata lil invesituri, inklużi l-arranġamenti biex tindirizza tilwim mibgħuta minn investituri tal-bejgħ bl-imnut;
  • informazzjoni addizzjonali fil-każ ta’ prinċipal*-alimentatur* strutturi ta’ ELTIF.

Ir-regolament jelenka wkoll id-dokumentazzjoni li EU AIFM li japplika biex jiġġestjona ELTIF, stabbilit ġo Stat Membru ieħor irid jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF.

Biex japplikaw u jġibu l-awtorizzazzjoni, maniġers ta’ fond huma stess iridu jkunu awtorizzati taħt id-Direttiva 2011/61/UE (ara s-sommarju).

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq iżżomm reġistru ċentrali pubbliku ta’ kull ELTIF awtorizzat, flimkien mal-maniġer rispettiv tiegħu, l-awtorità kompetenti, id-dati tal-awtorizzazzjoni u ta’ meta beda l-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIF, eċċ.

Obbligazzjoni

Maniġers huma responsabbli li jassikuraw konformità mar-regolament u għal kull ksur. Huma responsabbli wkoll għal kwalunkwe telf jew dannu li jirriżulta minn nuqqas ta’ konformità.

Politika tal-investiment

ELTIFs huma suġġetti għal regoli speċifiċi ta’ investiment.

  • Huma għandhom jinvestu tal-inqas 55% tal-kapital tagħhom f’assi eliġibbli.
  • Il-limiti tal-investiment imsemmija hawn fuq ma japplikawx għal ELTIFs ikkummerċjalizzati biss għal investituri professjonali.
  • Bħala regola ġenerali, ELTIF jista’ jinvesti mhux iktar minn:
    • 20% tal-kapital tiegħu fi strumenti maħruġa minn jew self mogħti lil kull impriża unika tal-portafoll kwalifikanti;
    • 20% tal-kapital tiegħu f’kull ass singolu reali;
    • 20% tal-kapital tiegħu f’unitajiet jew isħma ta’ xi ELTIF singolu, fond Ewropew tal-kapital ta’ riskju, il-fond ta’ intraprenditorija soċjali Ewropew, impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli jew EU AIF ġestjonat minn EU AIFM, u
    • 10% tal-kapital tiegħu f’assi, fejn dawk l-assi jkunu maħruġa minn xi entità singola, imma ELTIF jista’ jgħolli l-limitu ta’ 10% għal 25% fejn bonds ikunu maħruġa minn istituzzjoni ta’ kreditu li għandha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru u li hi suġġetta għal-liġi għall-superviżjoni speċifika pubblika maħsuba biex tipproteġi detenturi ta’ bonds.
  • Il-valur aggregat ta’ titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati f’portafoll ELTIF ma jistax jeċċedi l-20% tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.
  • L-esponiment aggregat għar-riskju lil kontroparti tal-ELTIF, li jirriżulta minn tranżazzjonijiet barra l-borża, ftehimiet ta’ riakkwist jew ta’ retroriakkwist ma jistgħux jeċċedu l-10% tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.

L-assi u l-pożizzjoni ta’ teħid ta’ self ta’ flus ta’ ELTIFs iridu jkunu kkombinati ma’ dawk tal-impriżi tal-investiment kollettiv fejn l-ELTIFs ikunu investew sabiex jassessjaw il-konformità ta’ ELTIF mal-kompożizzjoni tal-portafoll u r-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni, u mal-limiti tat-teħid ta’ self (ara isfel).

Teħid ta’ self ta’ flus

  • ELTIF jista’ jissellef flus diment li dak it-teħid ta’ self jirrappreżenta mhux iktar minn 50% tal-valur nett tal-assi tal-ELTIF, fil-każ ta’ ELTIFs li jistgħu jkunu kummerċjalizzati għal investituri tal-bejgħ bl-imnut, u mhux iktar minn 100% tal-valur nett tal-ass tal-ELTIF fil-każ ta’ ELTIFs kummerċjalizzati unikament lil investituri professjonali.
  • Il-maniġer tal-ELTIF irid jispeċifika fil-prospett tal-ELTIF jekk l-ELTIF għandux il-ħsieb li jissellef flus bħala parti mill-istrateġija tal-investiment tiegħu u jekk hu hekk, irid jispeċifika wkoll il-limiti tiegħu tat-teħid ta’ self.

Fidi ta’ unitajiet jew isħma ta’ ELTIFs

  • Investituri f’ELTIF ma jistgħux jitolbu l-fidi tal-unitajiet jew isħma tagħhom qabel it-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF. Fidi għal invesituri huwa possibbli mill-ġurnata wara d-data tat-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF.
  • Ir-regoli jew strumenti tal-inkorporazzjoni tal-ELTIF iridu jindikaw biċ-ċar data speċifika għat-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF, u jistgħu jipprovdu għad-dritt li jestendu temporanjament il-ħajja tiegħu u l-kundizzjonijiet biex jeżerċitaw dak id-dritt.
  • Permezz ta’ deroga, ir-regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF jistgħu jipprovdu għall-possibbilità ta’ fidi matul il-ħajja ta’ ELTIF, jekk jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.
  • Il-ħajja ta’ ELTIF trid tkun konsistenti man-natura tat-terminu twil tal-ELTIF u trid tkun kompatibbli maċ-ċikli tal-ħajja ta’ kull wieħed mill-assi individwali tal-ELTIF, imkejjel skont il-profil ta’ illikwidità u ċiklu ekonomiku tal-ħajja tal-ass u l-objettiv dikjarat tal-investiment tal-ELTIF.
  • L-investituri dejjem irid ikollhom l-opzjoni li jkun imħallsa lura fi flus. Ħlas lura in natura mill-assi tal-ELTIF għandu jkun biss possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet.

Protezzjoni ta’ investituri tal-bejgħ bl-imnut

Sabiex tassikura livell għoli ta’ protezzjoni tal-investitur tal-bejgħ bl-imnut, valutazzjoni xierqa trid issir irrispettivament jekk l-unitajiet jew isħma ta’ ELTIFs ikunix akkwistati minn investituri tal-bejgħ bl-imnut minn distributuri jew maniġers ta’ ELTIFs jew permezz tas-suq sekondarju.

Id-distributur jew, meta unitajiet jew isħma ta’ ELTIF jkunu offruti direttament jew imqiegħda għal investitur tal-bejgħ bl-imnut, il-maniġer tal-ELTIF irid joħroġ allert ċar bil-miktub li jinforma lill-invesitur tal-bejgħ bl-imnut dwar dan li ġej:

  • Fejn il-ħajja ta’ ELTIF li jkun offrut jew imqiegħed għal investituri tal-bejgħ bl-imnut teċċedi 10 snin, li l-prodott ELTIF jista’ ma jkunx xieraq għal investituri tal-bejgħ bl-imnut li ma jkunux jistgħu jsostnu impenn għat-terminu twil u illikwidu.
  • fejn ir-regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF jipprovdu għall-possibbilità tat-tqabbil ta’ unitajiet jew isħma tal-ELTIF, fejn id-disponibbiltà ta’ tali possibbilità ma tiggarantix jew ma tinvolvix l-investitur tal-bejgħ bl-imnut biex joħroġ jew jifdi l-unitajiet jew isħma tal-ELTIF ikkonċernat.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Regolament (UE) 2015/760 ilu japplika mid-9 ta’ Diċembru 2015
  • Regolament Emendatorju (UE) 2023/606 ilu japplika mill-10 ta’ Jannar 2024

SFOND

Valutazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea b’konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq urew li s-suq tal-ELTIF ma espandhiex kif kien mistenni, b’numru żgħir ta fondi biss, daqs żgħir nett tal-assi, numru limitat ta’ ġuriżdizzjonikoet fejn l-ELTIFs kienu domiċiljati u l-kompożizzjoni tal-portafoll uriet żbilanċ kbir lejn ċerta kategorija eliġibbli ta’ investiment. Il-komunikazzjoni tal-2020 tal-Kummissjoni li varat pjan ta’ azzjoni ġdid għall-unjoni tas-swieq kapitali, semmiet il-ħtieġa li tassikura li iktar investimenti jkunu indirizzati lejn negozji li jkollhom bżonn kapital u proġetti ta’ investiment għat-terminu twil, partikolarment matul l-irkupru mill-pandemija ta’ COVID-19.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Fondi ta’ investiment Ewropej għat-terminu twil (ELTIFs). ELTIFs huma mfassla biex jipprovdu kapital għat-terminu twil għall-infrastruttura, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u proġetti ta’ proprietà immobbli. Dawn il-fondi jibbenefikaw minn passaport Ewropew li jippermettilhom li jkunu kummerċjalizzati sew lil investituri tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll lil investituri professjonali. Dawn huma regolati b’regoli stretti fir-rigward tal-politiki tagħhom ta’ investiment u attività ta’ kummerċjalizzazzjoni, li jassikuraw salvagwardji qawwija għal investituri.
Assi reali. Ass li għandu valur intrinsiku minħabba s-sustanza u l-proprjetajiet tiegħu stess bħal proprjetà għal proprjetà immobbli.
Strumenti tal-inkorporazzjoni. Dokumenti formali reġistrati ma’ entità governattiva biex tiddokumenta legalment il-ħolqien ta’ kumpanija.
Depożitarju. Bank jew kumpanija regolata taħt id-direttiva dwar maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFMD), li hu responsabbli biex jissalvagwardja l-assi, jimmonitorja flussijiet tal-flus u jissorvelja l-operazzjonijiet ta’ fondi ta’ investiment alternattiv biex issaħħu l-protezzjoni tal-investitur, fost funzjonijiet oħra.
ELTIF prinċipali. ELTIF, jew kompartiment tal-investiment, fejn ELTIF ieħor jinvesti tal-inqas 85% tal-assi tiegħu f’unitajiet jew isħma.
ELTIF alimentatur. ELTIF, jew kompartiment tal-investiment, li kien approvat biex jinvesti tal-inqas 85% tal-assi tiegħu f’unitajiet jew isħma ta’ ELTIF ieħor jew kompartiment tal-investiment ta’ ELTIF.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, pp. 98–121).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2015/760 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Unjoni tas-swieq kapitali għan-nies u negozji — pjan ta’ Azzjoni ġdid (COM(2020)590 final, 24.9.2020).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1851 tat-28 ta’ Mejju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar l-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni (ĠU L 285, 6.11.2019, pp. 1–5).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2011/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fond ta’ Investiment Alternattiviu li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, pp. 1–73).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.01.2024

Top