Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti — ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ

Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti — ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Konklużjonijiet — ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti taż-żgħażagħ

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN IL-KONLUŻJONIJIET?

Huma jenfasizzaw l-importanza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ*, tal-attivitajiet volontarji u kulturali u l-isport biex jintlaħqu ż-żgħażagħ li jħossuhom jew huma marġinalizzati u li jistgħu jkunu vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni.

PUNTI EWLENIN

  • Il-konklużjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw li l-Unjoni Ewropea (UE) hija u tibqa’ ambjent soċjalment inklussiv għaż-żgħażagħ kollha li jirrappreżentaw potenzjal kbir għas-soċjetajiet tagħna.
  • It-theddid u l-periklu li r-radikalizzazzjoni vjolenti tippreżenta għaż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu rikonoxxuti, evitati u li tittieħed azzjoni fuqhom permezz ta’ miżuri ta’ intervent bikrija, effettivi u olistiċi, li jirrispettaw id-diversità kulturali tagħhom.
  • Huma jindikaw kif ir-radikalizzazzjoni vjolenti tista’ tirriżulta minn żgħażagħ li qed jesperjenzaw id-diskriminazzjoni, l-umiljazzjoni, l-esklużjoni, l-inġustizzja, nuqqas ta’ prospetti u sentimenti ta’ frustrazzjoni. Jenfasizzaw l-importanza tal-ġenituri, l-aħwa, il-pari u partijiet relevanti oħra fl-appoġġ tal-iżvilupp pożittiv tal-identità taż-żgħażagħ.
  • Huma jtennu kif is-settur taż-żgħażagħ b'kooperazzjoni mal-edukazzjoni u setturi relevanti oħra, jistgħu jaqdu rwol kruċjali f’approċċ integrat u transsettorjali biex jevitaw ir-radikalizzazzjoni vjolenti, b’mod partikolari fl-istadji bikrija tagħha, permezz ta’
    • appoġġ għaż-żgħażagħ fl-iżvilupp u l-azzjonijiet tagħhom.
    • il-promozzjoni ta’ prinċipji demokratiċi u pluralistiċi, l-inklużjoni u ċ-ċittadinanza attiva, u
    • l-immirar lejn fatturi negattivi bħad-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ prospetti li jinfluwenzaw il-ħajja taż-żgħażagħ.

Il-konklużjonijiet jitolbu lill-pajjiżi tal-UE biex jieħdu azzjonijiet bħal:

  • ħidma fuq approċċ integrat u transsettorjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jintlaħqu ż-żgħażagħ kollha li huma f’riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti billi tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn is-settur taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u setturi relevanti oħra;
  • l-esplorazzjoni u l-promozzjoni tar-rwol li jista' jkollha l-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala sieħeb f’koalizzjonijiet u netwerks fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;
  • ir-rikonnoxximent u t-tisħiħ tar-rwol tas-settur taż-żgħażagħ fl-appoġġ taż-żgħażagħ (billi tinstab it-triq għall-età adulta u post fis-soċjetà, jintlaħqu ż-żgħażagħ f’riskju tar-radikalizzazzjoni vjolenti, jitħeġġeġ il-volontarjat, eċċ.).

Huma jitolbu lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex:

  • itejbu l-kooperazzjoni tagħhom fil-kondiviżjoni tal-għarfien u l-prattika billi jaħdmu flimkien fil-kuntest tal-UE, inkluż il-Grupp ta’ Esperti dwar iċ-Ċittadinanza Attiva, il-Prevenzjoni tal-Emarginalizzazzjoni u r-Radikalizzazzjoni Vjolenti, il-Grupp ta’ Esperti dwar id-Diġitalizzazzjoni u n-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, u ma’ pajjiżi relevanti mhux tal-UE u l-Kunsill tal-Ewropa biex jiskambjaw l-għarfien u l-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti, inkluż l-użu tal-midja soċjali, kontronarrattivi* u l-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ.
  • iżidu l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki u jiżviluppaw prinċipji ta’ gwida dwar it-twaqqif ta’ netwerks għal approċċ integrat u transsettorjali;
  • jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’:
    • djalogu u kontronarrattivi effettivi biex jappoġġaw lill-ġenituri, lill-aħwa, lill-pari u lil persuni oħra f’kuntatt maż-żgħażagħ f’riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti; u
    • moduli ta’ taħriġ u edukazzjoni għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ bħala bażi għall-materjali edukattivi biex jintużaw fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;
  • promozzjoni u appoġġ biex jitjieb l-għarfien dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-oriġini, fatturi protettivi, il-kawżi u d-dinamika konjittiva kif ukoll dik emozzjonali tar-radikalizzazzjoni vjolenti:
    • seminars bejn il-pari għall-ħaddiema maż-żgħażagħ, esperti, dawk li jfasslu l-politika u riċerkaturi,
    • id-disseminazzjoni tar-riċerka dwar ir-radikalizzazzjoni vjolenti.

Huma jitolbu lill-Kummissjoni biex:

  • tiżgura li r-riżultati tal-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti għaċ-Ċittadinanza Attiva, il-Prevenzjoni tal-Emarġinalizzazzjoni u r-Radikalizzazzjoni Vjolenti jiġu mxerrda b’mod wiesa’ kemm jista’ jkun. Dawn ir-riżultati se joffru gwida għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet ta’ ħidma soċjali u professjonisti f’kuntest kooperattiv integrat dwar kif għandhom jilħqu — u jaħdmu ma’ — żgħażagħ, li huma f’riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti;
  • tikkunsidra kif bosta programmi tal-UE bħall-Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Ewropa għaċ-Ċittadini jistgħu jintużaw bl-aħjar mod biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali ta’ żgħażagħ minn sfondi differenti.

SFOND

Atroċitajiet reċenti f’bosta pajjiżi tal-UE u ż-żieda rrappurtata f’inċidenti ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda, propaganda u ksenofobija vjolenti, jenfasizzaw l-importanza għas-setturi kollha fis-soċjetà, inkluż is-settur taż-żgħażagħ, biex jagħtu l-kontributi rispettivi tagħhom għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti u jiżguraw l-istabilità soċjali u ambjent sigur u pożittiv fejn wieħed jitrabba.

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ: il-ħidma fost iż-żgħażagħ tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet (eż. soċjali, kulturali, edukattivi, relatati mal-isport u l-politika) imwettqa ma’, minn u għaż-żgħażagħ permezz tat-tagħlim mhux formali u informali.
Kontronarrattivi: attivitajiet ta’ komunikazzjoni li jisfidaw direttament jew indirettament diskorsi estremisti online jew offline, inkluż kontrofatti, fuq bażi aktar fattwali.

DOKUMENT EWLIENI

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni vjolenti taż-żgħażagħ (ĠU C 213, 14.6.2016, pp. 1-5)

l-aħħar aġġornament 28.11.2016

Top