This document is an excerpt from the EUR-Lex website
De minimis rule – exemption of small amounts of State aid from notification
Regola de minimis — eżenzjoni ta’ ammonti żgħar ta’ għajnuna min-notifika
Regola de minimis — eżenzjoni ta’ ammonti żgħar ta’ għajnuna min-notifika
Ir-Regolament (UE) Nru 1407/2013 dwar l-għajnuna de minimis
Dan jiddixxiplina ammonti żgħar ta’ Għajnuna mill-istat (għajnuna “de minimis”) li huma eżentati mill-kontroll tal-Għajnuna mill-istat, minħabba li huma meqjusa bħala li m’għandhomx impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea (UE).
Għajnuna de minimis tirreferi għal amonti żgħar ta’ għajnuna mill-Istat lil impriżi (kumpaniji) li ma għandhomx għalfejn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea mill-Istati Membri tal-UE. L-ammont massimu huwa EUR 200 000 għal kull impriża matul perjodu ta’ tliet snin.
Il-finanzjament mill-istat li jissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jikkostitwixxi Għajnuna mill-istat u jeħtieġ notifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Madankollu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jistabbilixxi l-kategoriji tal-Għajnuna mill-istat li huma eżentati minn din il-ħtieġa ta’ notifika u l-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti relatati ma’ dawk il-kategoriji. L-għajnuna de minimis tista’ tikkostitwixxi kategorija bħal din u għalhekk mhijiex soġġetta għall-proċedura ta’ notifika.
Fl-2006, il-Kummissjoni adottat regolament de minimis (Regolament (KE) Nru 1998/2006) li kien validu għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Din irdoppjat l-ammonti tal-livell massimu għall-għajnuna eżentata minn EUR 100 000 għal EUR 200 000 għal kull kumpanija għal kull perjodu ta’ 3 snin. Din iż-żieda qieset mhux biss l-evoluzzjoni tal-inflazzjoni u tal-prodott gross domestiku fl-UE sal-2006, iżda wkoll l-iżvilupp probabbli ta’ dawn il-fatturi matul l-2007–2013. Minħabba l-kriżi finanzjarja, l-inflazzjoni reali kienet ferm aktar baxxa milli kien mistenni fl-2006. Għalhekk, aktar żieda fil-livell massimu ma kinitx iġġustifikata għal dawn ir-raġunijiet.
Fir-Regolament (UE) Nru 1407/2013, li jirrevedi u jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006, it-trattament ta’ miżuri żgħar ta’ għajnuna mill-Istat huwa ulterjorment issimplifikat. B’mod partikolari, kumpaniji li qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji mhumiex aktar esklużi mill-ambitu tar-regolament u għalhekk se jitħallew jirċievu għajnuna de minimis.
Barra minn hekk, fl-Artikolu 2.2, id-definizzjoni ta’ “impriża” ġiet issimplifikata u ċċarata.
Barra minn hekk,fost regoli oħra fl-Artikolu 4, is-self issussidjat sa EUR 1 miljun jista’ wkoll jibbenefika mir-regolament de minimis jekk jissodisfa ċerti kundizzjonijiet.
Ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 u se japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, pp. 1–8).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.
l-aħħar aġġornament 23.09.2021