EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0646

Europass — nappoġġjaw it-tagħlim u x-xogħol fl-Ewropa

Europass — nappoġġjaw it-tagħlim u x-xogħol fl-Ewropa

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass)

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Hija taġġorna s-servizz tal-Europass biex tgħin lin-nies jikkomunikaw il-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom fl-użu ta’ mudelli standardizzati. Dan jimmira li jilħaq il-ħtiġijiet li qed jevolvu ta:

  • utenti individwali, bħal studenti, persuni li qed ifittxu impjieg, impjegaturi, ħaddiema u voluntiera;
  • partijiet ikkonċernati rilevanti, bħal fornituri tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tax-xogħol għaż-żgħażagħ, dawk li jipprovdu gwida, impjegaturi, servizzi tal-impjiegi pubbliċi, trejdjunjins, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politiċi.

Il-Europass huwa bbażat fuq għodod ibbażati fuq il-web u informazzjoni disponibbli rilevanti. L-użu tiegħu huwa kompletament volontarju.

Id-deċiżjoni tirrevoka d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE.

PUNTI EWLENIN

Il-Europass juża pjattaforma online biex jipprovdi:

  • għodod ibbażati fuq il-web
    • għad-dokumentazzjoni u d-deskrizzjoni ta’ informazzjoni personali f’varjetà ta’ formati, inklużi mudelli tas-CV;
    • għad-dokumentazzjoni u d-deskrizzjoni ta’ ħiliet* u kwalifiki miksuba permezz ta’ xogħol jew edukazzjoni;
    • għall-valutazzjoni u għall-awtovalutazzjoni ta’ ħiliet;
    • sabiex wieħed jaċċessa s-suppliment tal-Europass* mudelli;
  • informazzjoni dwar u links għal
    • opportunitajiet ta’ tagħlim;
    • kwalifiki u l-oqfsa u s-sistemi tagħhom;
    • opportunitajiet għall-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali;
    • prattiki ta’ rikonoxximent reċiproku f’pajjiżi differenti;
    • gwida dwar it-tagħlim u l-karriera għal dawk li jixtiequ jaħdmu barra mill-pajjiż;
    • riżorsi ta’ attivitajiet u aġenziji rilevanti fil-livell tal-UE;
    • ħiliet u kwalifiki ta’ użu għal ċittadin mhux tal-UE li jkun ġej lejn, jew ikun qed jgħix fl-UE.

Il-pjattaforma online u l-għodod u l-kontenut ibbażati fuq il-web:

  • huma faċli għall-utent, sikuri, mingħajr ħlas u aċċessibbli għan-nies b’diżabbiltà;
  • jippermettu l-użu mill-ġdid mill-awtoritajiet nazzjonali u minn partijiet ikkonċernati oħra;
  • jippermettu lill-utenti jaħżnu data, bħal profil personali;
  • huma disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;
  • jappoġġjaw is-servizzi li jawtentifikaw dokumenti diġitali.

Is-supplimenti tal-Europass:

Il-Kummissjoni:

  • timmaniġġja l-pjattaforma online;
  • tiżgura l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-partijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni u fl-iżvilupp tas-sistema;
  • tipprovdi għall-iskambju tal-aħjar prattiki;
  • tiżgura li promozzjoni, gwida u informazzjoni effettiva u adegwata mal-UE kollha tkun disponibbli għall-utenti u għall-partijiet ikkonċernati;
  • jeħtiġilha tissottometti rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mit-23 ta’ Mejju 2023 u għal darb’oħra kull 5 snin.

L-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE huma responsabbli mill-implimentazzjoni tas-sistema u li jipprovdulha l-appoġġ u l-viżibbiltà neċessarji, inklużi links għas-siti web nazzjonali rilevanti.

Is-sistema tal-Europass:

MINN META TIBDA TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mit-22 ta’ Mejju 2018.

SFOND

Fl-10 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni “L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa”. Din ġiet iddisinjata biex tagħmel il-ħiliet aktar viżibbli u komparabbli sabiex tgħin lill-individwi jagħmlu għażliet għall-karriera aħjar.

Waħda mill-10 proposti tagħha kienet li taġġorna l-qafas oriġinali tal-Europass adottat fl-2004 (Id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE). Din fiha sett ta’ 5 mudelli sabiex tgħin lin-nies jidentifikaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom biex joħolqu CVs u portafolli.

Il-Europass jimmira li jilħaq lill-utenti potenzjali kollha, inkluż dawk b’livell ta’ edukazzjoni minimu, lill-anzjani, lid-diżokuppati fit-tul u lin-nies b’diżabbiltà, kif ukoll lil dawk b’livell ta’ edukazzjoni għoli u dawk b’għarfien diġitali.

Sa mill-2005, tniżżlu aktar minn 93 miljun mudell ta’ dokument u nħolqu aktar minn 60 miljun CV tal-Europass online.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ħiliet: x’taf, x’tifhem u x’tista’ tagħmel persuna permezz ta’ tagħlim formali, informali u mhux formali.
Is-supplimenti tal-Europass: dokumenti, bħal diplomi u ċertifikati, maħruġa mill-awtorità rilevanti.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE (ĠU L 112, 2.5.2018, pp. 42-50)

DOKUMENT RELATAT

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività (COM(2016) 381 final, 10.6.2016)

l-aħħar aġġornament 28.06.2019

Fuq