EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0517

It-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra kkawżati mill-bniedem (gassijiet fluworurati)

It-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra kkawżati mill-bniedem (gassijiet fluworurati)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa mfassal biex itaffi t-tibdil fil-klima u jipproteġi l-ambjent billi jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fluworinati (gassijiet F) li huma gassijiet serra magħmula mill-bniedem b’effett ta’ tisħin globali sa 23 000 darba dak tad-diossidu tal-karbonju.
  • Dan għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet F tal-Unjoni Ewropea (UE) b’żewġ terzi sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2014.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament:

  • ikopri l-idrofluworokarburi (HFCs)*, il-perflorokarbonji (PFCs)* u l-essafloridi tal-kubrit (SF6)*;
  • jistabbilixxi regoli dwar it-trażżin, l-użu, l-irkupru u l-qerda tal-gassijiet F;
  • jistabbilixxi limitu annwali globali fuq l-impatt fuq il-klima tal-HFCs, li ser jitnaqqas gradwalment bejn l-2015 u l-2030.

Dan jistabbilixxi wkoll l-obbligi li ġejjin.

  • Ir-rilaxx intenzjonali ta’ gassijiet F huwa pprojbit, sakemm ma jkunx teknikament neċessarju għall-użu previst ta’ prodott. Il-manifatturi għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jillimitaw l-emissjonijiet waqt il-produzzjoni, it-trasport u l-ħażna ta’ gassijiet F.
  • L-operaturi ta’ tagħmir li fih gassijiet F għandhom jieħdu kull prekawzjoni biex jevitaw kwalunkwe tnixxija. Għandhom jiżguraw li t-tagħmir jiġi kkontrollat regolarment għal tnixxijiet. Ir-rekwiżiti jvarjaw skont l-impatt potenzjali fuq il-klima jew skont jekk it-tagħmir ikunx issiġillat ermetikament.
  • Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrapporta dwar l-impatt tar-regolament sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Programmi ta’ ċertifikazzjoni u taħriġ

  • L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli sabiex jistabbilixxu ċertifikazzjoni u programmi ta’ taħriġ għan-negozji u l-persuni involuti fl-installazzjoni, l-għoti ta’ service, il-manutenzjoni, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta’ tagħmir ta’ gassijiet F u fl-irkuprar ta’ gassijiet F.

Projbizzjonijiet fuq prodotti li fihom gassijiet F

  • Ir-regolament jintroduċi projbizzjonijiet mill-2015 sal-2025 fuq il-bejgħ ta’ oġġetti ġodda bħal ċerti kategoriji ta’ friġġis u friżers, sistemi tal-arja kundizzjonata, fowms u aerosols li fihom gassijiet F meta jkunu jeżistu alternattivi iktar sikuri u favur il-klima.

Limiti annwali għall-HFCs

  • Ir-regolament ifittex li jnaqqas l-impatt fuq il-klima li jirriżulta mill-użu tal-HFCs maż-żmien. Il-limitu annwali għall-HFCs fis-suq fl-2030 huwa 21 % tal-livelli tal-2009–2012.
  • Sabiex tiżgura li l-limiti jiġu osservati, il-Kummissjoni talloka kwoti annwali għall-produtturi u l-importaturi. Dawn ma għandhomx jinqabżu.

Rapportar

  • Il-produtturi, l-importaturi, l-esportaturi, l-utenti tal-materja prima u negozji li jeqirdu gassijiet F jridu jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sena.
  • L-importaturi ta’ tagħmir tal-gassijiet F iridu jagħmlu l-istess u, mill-2017, kellhom jipprovdu evidenza li l-kwantitajiet ta’ HFCs fit-tagħmir importat tagħhom qed jitqiesu.

L-Emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal

  • Ir-regolament jiżgura wkoll li l-UE tikkonforma mal-obbligi internazzjonali tagħha skont l-Emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal.
  • L-Emenda ta’ Kigali żiedet l-HFCs mal-lista ta’ sustanzi kkontrollati skont il-Protokoll ta’ Montreal (ara s-sommarju). Din daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019. It-tnaqqis gradwali tal-HFCs huwa mistenni li jiffranka madwar 80 gigatunnellata ekwivalenti ta’ CO2 sal-2050 u jagħti kontribut sinifikanti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
  • Il-198 parti kollha fil-Protokoll ta’ Montreal qablu li jieħdu passi biex gradwalment inaqqsu l-produzzjoni u l-użu tagħhom tal-HFCs. L-ewwel pass ta’ tnaqqis kellu jittieħed mill-UE u minn pajjiżi żviluppati oħrajn fl-2019. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jibdew it-tnaqqis gradwali tagħhom fl-2024.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

SFOND

TERMINI EWLENIN

HFCs. Jintużaw bħala refriġeranti, solventi għat-tindif u bħala aġenti li jneffħu l-fowm (bħal tagħmir għat-tifi tan-nar).
PFCs. Jintużaw biex jiġu manifatturati semikondutturi, bħala solventi għat-tindif u bħala aġenti li jneffħu l-fowm.
SF6: Jintużaw fi switchgear ta’ vultaġġ għoli u fil-produzzjoni tal-manjeżju.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 195-230).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1541 tas-17 ta’ Lulju 2017 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 236, 14.9.2017, pp. 1-2).

Emenda għall-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu (ĠU L 236, 14.9.2017, pp. 3-13).

l-aħħar aġġornament 09.11.2021

Fuq