EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0019

Nagħmlu mill-aħjar li nistgħu bl-apparat tal-elettriku u elettroniku mormi

Nagħmlu mill-aħjar li nistgħu bl-apparat tal-elettriku u elettroniku mormi

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

X’INHU L-GĦAN PRINĊIPALI TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem billi tinkoraġġixxi produzzjoni u konsum sostenibbli. Tagħmel dan billi:

  • il-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)*;
  • tippromwovi użu mill-ġdid, reċiklaġġ u modi oħrajn ta’ rkupru tal-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku (EEE)*;
  • tappoġġja l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-irkupru ta’ materja prima sekondarja ta’ valur.

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni:

  • tirriforma u tirrevoka d-direttiva WEEE oriġinali (Direttiva 2002/96/KE) li ġiet sostanzjalment emendata minn meta ġiet adottata;
  • tikkategorizza l-WEEE f’kategoriji differenti, bħal tagħmr żgħir u kbir, tagħmir li jibdel it-temperatura, skrins, lampi u tagħmir żgħir tal-IT u tat-telekomunikazzjoni;
  • ma tapplikax għal ċerti tipi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, b’mod partikolari materjal għal skopijiet militari jew tal-ispazju, bozoz bil-filament, tagħmir mediku attiv li jista’ jiġi impjantat jew mezzi tat-trasport.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn il-produtturi u dawk li jirriċiklaw biex jiddisinjaw tagħmir elettriku li jkun jista’ jerġa’ jintuża, jiġi żarmat u rkuprat f’konformità mad-direttiva tal-ekodisinn (Direttiva 2009/125/KE);
  • jimminimizzaw ir-rimi ta’ WEEE ma’ skart muniċipali mhux magħżul;
  • jippermettu lil djar privati u lil distributuri biex jirritornaw WEEE mingħajr ħlas;
  • jipprojbixxu r-rimi ta’ WEEE miġbur separatament li ma jkun ġie ttrattat kif suppost;
  • jiżguraw rata ta’ ġbir ta’ WEEE annwali minima. Mill-2016, din hija 45 % tal-piż totali ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li nbiegħ fl-aħħar 3 snin u, mill-2019, din il-mira ser titla’ għal 65 % li hija ekwivalenti għal mira ta’ ġbir ta’ 85 % tal-WEEE total iġġenerat. Jistgħu jistabbilixxu miri aktar ambizzjużi.

Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja huma permessi li jipposponu l-kisba tar-rata ta’ ġbir tal-2019 sal-2021 minħabba nuqqas ta’ infrastruttura neċessarja u l-livelli aktar baxxi tagħhom ta’ użu ta’ EEE.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom ukoll:

  • jiċċekkjaw li l-impjanti kollha li jittrattaw il-WEEE għandhom liċenzja uffiċjali;
  • jistabbilixxu reġistru tal-kumpanniji kollha li jipproduċu jew li jimportaw tagħmir elettriku u elettroniku;
  • iwettqu spezzjonijiet biex jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni u jistabbilixxu penali għall-ksur tal-liġi;
  • jeħtieġu li l-produtturi:
    • jilħqu l-miri tat-trattament minimi għal kategoriji WEEE differenti;
    • jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-ġbir, tat-trattament, tal-irkupru u tar-rimi ambjentalment san mill-utenti kollha, minbarra djar privati, ta’ prodotti għall-bejgħ mit-13 ta’ Awwissu 2005;
    • jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku dwar kif il-WEEE jista’ jiġi rritornat u miġbur.

Atti ta’ implimentazzjoni

F’April 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/699. Dan ifassal il-metodi għall-kalkolu ta’:

  • il-piż ta’ EEE minbjugħ fis-suq ta’ kull pajjiż tal-UE;
  • il-kwantità ta’ WEEE ġġenerat permezz tal-piż f’kull pajjiż tal-UE.

Fi Frar 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/290 li jistabbilixxi l-format għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku lir-reġistru.

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapporti li ġejjin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

  • ir-rapport dwar ir-reviżjoni tal-ambitu tad-Direttiva 2012/19/UE u dwar ir-rieżaminazzjoni tad-dati ta’ skadenza biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir u dwar il-possibbiltà li jiġu mfasslin miri tal-ġbir individwali għal waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ tagħmir elettriku u elettroniku f’Anness III għad-Direttiva;
  • ir-rapport dwar ir-rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE, dwar il-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid u dwar ir-rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-miri ta’ rkupru stabbiliti fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2012/19/UE dwar il-WEEE;
  • ir-rapport dwar l-eżerċitar tas-setgħa biex jiġu adottati atti ta’ delega konferiti fuq il-Kummissjoni f’konformità tad-Direttiva WEEE.

Abbażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni ikkonkludiet li l-leġiżlazzjoni m’għandhiex tiġi emendata.

MINN META TIBDA TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-13 ta’ Awwissu 2012. Id-Direttiva 2012/19/KE rrevediet u ssostitwiet id-Direttiva 2002/96/KE u l-emendi sussegwenti tagħha. Ir-regoli l-ġodda li jinsabu fid-Direttiva 2012/19/UE kellhom isiru liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-14 ta’ Frar 2014.

SFOND

  • Skart minn tagħmir elettriku u elettroniku, bħal kompjuters, televixins, friġġijiet u telefowns ċellulari, qiegħed jiżdied ta’ kull sena. Fl-2005, iġġenera madwar 9 miljun tunnellata. Sal-2020, huwa mistenni li dan jiżdied għal madwar 12-il miljun tunnellata.
  • L-iskart mhux biss fih riżorsi skarsi u għaljin, li jistgħu jerġgħu jintużaw, iżda wkoll materjal perikoluż li għandu jiġi ġestit kif suppost biex jiġu evitati problemi ambjentali u tas-saħħa.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku: kwalunkwe tagħmir elettriku jew elettroniku, sustanza jew oġġett li huma fil-fatt, intenzjonati biex jintremew jew meħtieġa li jintremew.
Tagħmir elettriku u elettroniku: tagħmir dipendenti fuq kurrenti elettriċi jew fuq kampi elettromanjetiċi biex jaħdem kif suppost.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (riformulazzjoni) (ĠU L 197, 24.7.2012, pp. 38-71)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2012/19/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/290 tad-19 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi l-format għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku lir-reġistru (ĠU L 48, 20.2.2019, pp. 6-16)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/699 tat-18 ta’ April 2017 li jistabbilixxi metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-piż tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) introdott fis-suq ta’ kull Stat Membru u metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kwantità ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) ġenerat skont il-piż f’kull Stat Membru (ĠU L 103, 19.4.2017, pp. 17-21)

Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, pp. 10-35)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva WEEE ġdida) u dwar ir-rieżami tad-dati ta’ skadenza biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva WEEE ġdida u dwar il-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri ta’ ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness III tad-Direttiva (COM(2017) 171 finali, 18.4.2017)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati kkonferita fuq il-Kummissjoni skont id-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (COM(2017) 172 finali, 18.4.2017)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE, dwar il-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid u dwar ir-rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-miri ta’ rkupru stabbiliti fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2012/19/UE dwar il-WEEE (COM(2017) 173 final, 18.4.2017)

l-aħħar aġġornament 24.07.2019

Fuq