EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0022

Servizzi tat-telekomunikazzjoni bi prezzijiet li jintlaħqu - drittijiet tal-utenti

Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

Servizzi tat-telekomunikazzjoni bi prezzijiet li jintlaħqu - drittijiet tal-utenti

L-Unjoni Ewropea (UE) tfittex li tiżgura d-disponibbiltà ta’ sett minimu ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-utenti kollha bi prezz li jintlaħaq, filwaqt li tnaqqas it-tfixkil tas-suq.

ATT

Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali).

SOMMARJU

L-Unjoni Ewropea (UE) tfittex li tiżgura d-disponibbiltà ta’ sett minimu ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-utenti kollha bi prezz li jintlaħaq, filwaqt li tnaqqas it-tfixkil tas-suq.

X’TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva dwar is-“servizz universali” tiżgura regoli speċifiċi għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi fl-UE. F’dan il-kunest, din:

  • tistipula obbligi għall-għoti ta’ ċerti servizzi mandatorji (servizz universali);
  • tistipula d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti fuq il-kumpaniji li jipprovdu n-netwerks tal-komunikazzjoni elettroniċi u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku.

PUNTI EWLENIN

Obbligi tas-servizz universali

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li:

  • servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi ta’ kwalità speċifikata u bi prezz li jintlaħaq ikunu disponibbli għall-utenti kollha fit-territorju tagħhom, irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom;
  • dawk l-utenti li jitolbu konnessjoni ma’ netwerk ta’ komunikazzjoni pubbliku (jiġifieri servizzi ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku, bħat-telefown u l-internet) f’post speċifiku jingħataw dan (dan hu importanti, pereżempju għall-konsumaturi f’żoni rurali jew ġeografikament iżolati);
  • mill-inqas direttorju komprensiv tat-telefown wieħed li jiġi aġġornat mill-inqas darba fis-sena jkun disponibbli għall-utenti finali;
  • utenti li għandhom diżabilità jistgħu jibbenefikaw minn offerti għall-bżonnijiet tagħhom u f’livell ekwivalenti għal dak li jgawdu utenti oħrajn;
  • konsumaturi bi dħul baxx ikollhom aċċess għal tariffi speċjali jew jingħataw għajnuna speċjali.

Biex jiġu bbilanċjati l-ispejjeż netti li l-fornituri tas-servizzi jġarrbu bħala riżultat tal-provvediment ta’ servizz universali (li mhux dejjem iħalli profitt), il-pajjiżi tal-UE jistgħu jintroduċu mekkaniżmi biex jikkumpensaw għalihom.

Interessi u drittijiet tal-utenti

Il-konsumaturi għandhom jirċievu informazzjoni li tippermettilhom jifhmu s-servizzi li jabbonaw għalihom. Il-kuntratti għandhom: i) jipprovdu informazzjoni dwar l-istandards minimi ta’ kwalità tas-servizz kif ukoll dwar il-kumpens u r-rifużjonijiet jekk dawn il-livelli ma jintlaħqux, ii) isemmgħu d-dritt li jkunu elenkati f’direttorji tat-telefown disponibbli għall-abbonati u iii) jinkludu informazzjoni ċara dwar il-kriterji kwalifikattivi għal offerti promozzjonali.

Id-Direttiva tippermetti wkoll għal:

  • id-dritt tal-konsumatur li jibdel l-opertur tal-linja fissa jew mobbli f’ġurnata tax-xogħol waħda filwaqt li jżomm in-numru tat-telefown l-antik;
  • il-bżonn tal-operaturi li jipprovdu informazzjoni trasparenti u fi żmien opportun dwar il-prezzijiet u t-tariffi;
  • obbligu speċifiku fuq l-operaturi li jinnotifikaw meta jkun hemm bidla fil-kundizzjonijiet kuntrattwali;
  • obbligu għall-operatur li jippubblika informazzjoni komparabbli u aġġornata fuq il-kwalità tas-servizzi tagħhom;
  • il-ħila tal-konsumaturi li jaċċessaw in-numri tat-telefown kollha pprovduti fl-UE;
  • in-numru ta’ emerġenza Ewropew, il-“112”, għandu jitwassal b’xejn, bil-ħtieġa min-naħa tal-operaturi li jittrasmettu informazzjoni dwar is-servizzi ta’ emerġenza fuq il-post ta’ min qed iċempel’;
  • il-promozzjoni ta’ numri “116” speċifiċi għal servizzi standardizzati ta’ benefiċċju soċjali, inkluż in-numru tat-telefown għal-linja ta’ emerġenza għat-“tfal mitlufin”.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA

Mill-24 ta’ Frar 2002 ’il quddiem.

SFOND

Id-direttiva hija parti mill-pakkett ta’ riformi tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni li jinkludi 4 direttivi oħrajn (id-direttiva “qafas” , id-direttiva “aċċess” , id-direttiva “awtorizzazzjoni” u d-direttiva “privatezza u komunikazzjonijiet elettroniċi” ), kif ukoll ir-Regolament li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).

Għal aktar informazzjoni, ara l-websajt tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-websajt L-Ewropa tiegħek.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali’

Direttiva 2002/22/KE

24.4.2002

24.7.2003

ĠU L 108, 24.4.2002, pp. 51-77

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 2009/136/KE

19.12.2009

25.5.2011

ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11-36

Rettifika għad-Direttiva 2009/136/KE

-

-

ĠU L 241, 10.9.2013, p. 9

l-aħħar aġġornament 22.09.2015

Fuq