EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0029

Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tarmonizza d-drittijiet ewlenin mogħtija lill-awturi u lil detenturi tad-dritt tal-viċinat (id-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-dritt ta’ distribuzzjoni) u — sa livell inqas — eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet. Din tarmonizza wkoll il-protezzjoni tal-miżuri teknoloġiċi u tal-informazzjoni tal-immaniġġjar tad-drittijiet, sanzjonijiet u rimedji.

Id-dritt ta’ riproduzzjoni

L-Istati Membri tal-UE għandhom jipprevedu d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kompletament jew parzjalment:

  • għall-awturi, tax-xogħlijiet oriġinali jew il-kopji tagħhom;
  • għall-artisti, tal-fissazzjonijiet* tal-prestazzjonijiet tagħhom;
  • għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;
  • għall-produtturi tal-ewwel fissazzjoni ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;
  • għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-fissazzjonijiet tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandiriet jiġu trażmessi bil-fili kif ukoll jekk bl-arja (mingħajr fili), inkluż bil-cable jew bis-satellita.

Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom. Dan jinkludi li x-xogħlijiet tagħhom isiru disponibbli għall-pubbliku b’tali mod li membri tal-pubbliku jistgħu jaċċessawhom meta u fejn iridu.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku:

  • għall-artisti, tal-fissazzjonijiet tal-wirjiet tagħhom;
  • għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;
  • għall-produtturi tal-ewwel fissazzjoni ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;
  • għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-fissazzjonijiet tax-xandiriet tagħhom — irrispettivament mill-metodu ta’ trażmissjoni.

Dritt ta’ distribuzzjoni

  • L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull distribuzzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom jew il-kopji ta’ dawn.
  • Id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa eżawrit fl-UE fejn l-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ieħor ta’ siedja fl-UE ta’ xogħol isir mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

Id-Direttiva tistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet, sabiex tiffaċilita l-użu ta’ kontenut protett f’ċirkustanzi partikolari.

Hemm eċċezzjoni obbligatorja għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti atti temporanji ta’ riproduzzjoni li huma parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku (kopji temporanji) u li għandhom l-għanli jippermettu użu legali jew trażmissjoni f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, ta’ xogħol jew suġġett ieħor.

  • L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet l-oħra kollha relatati mad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u komunikazzjoni huma fakultattivi (l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimplimentawhom jew le) u jikkonċernaw b’mod partikolari l-qasam “pubbliku”. Għal 3 minn dawn l-eċċezzjonijiet – reprografija*, riproduzzjonijiet għall-użu privat u xandiriet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali — id-detenturi tad-dritt għandhom jingħataw kumpens ġust.
  • Meta l-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni, dawn jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet simili għad-dritt ta’ distribuzzjoni.

Protezzjoni legali

  • L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali kontra ċ-ċirkomvenzjoni ta’ kull miżura teknoloġika effettiva li tkopri xogħlijiet jew suġġetti oħra.
  • Din il-protezzjoni legali hija relatata wkoll mal-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ apparati jew il-forniment ta’ servizzi li jikkontribwixxu għaċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi.

Protezzjoni tal-informazzjoni dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet

L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali kontra kull persuna li konsapevolment twettaq mingħajr awtorità kull att minn dawn li ġejjin:

  • it-tneħħija jew tibdil ta’ kull informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet;
  • id-distribuzzjoni, ix-xandir, il-komunikazzjoni jew li tagħmel xogħlijiet disponibbli għall-pubbliku jew suġġett ieħor protett li tkun tneħħietlu l-informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet.

Sanzjonijiet u rimedji

L-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet u rimedji xierqa f’każ ta’ ksur tad-drittijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Dawn għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn parti terza biex jiksru dritt tad-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat.

Emendi għad-Direttiva 2001/29/KE

Id-Direttiva 2001/29/KE ġiet emendata darbtejn bi:

  • Id-Direttiva (UE) 2017/1564, id-direttiva dwar l-użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, b’vista batuta jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ara s-sommarju) u l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx fl-UE (ara s-sommarju). Din id-Direttiva tintroduċi eċċezzjoni obbligatorja għad-drittijiet li huma armonizzati mid-dritt tal-Unjoni u rilevanti għall-użi u x-xogħlijiet koperti mit-Trattat ta’ Marrakexx. Dawn id-drittijiet jinkludu, b’mod partikolari, id-drittijiet tar-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, id-distribuzzjoni u s-self. L-emenda tiċċara li l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità japplika għal każijiet li mhumiex koperti mid-Direttiva 2017/1564.
  • Id-Direttiva (UE) 2019/790, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-suq uniku diġitali tal-UE (ara s-sommarju). L-Artikolu 24 jiċċara li l-Istati Membri jistgħu jiddependu mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(c) u fl-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE, li jikkonċernaw atti ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet aċċessibbli għall-pubbliku, jew minn arkivji, u rispettivament, l-użu għall-iskop uniku tal-illustrazzjoni għat-tagħlim jew għar-riċerka xjentifika, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fid-Direttiva 2019/790/KE.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2001/29/KE ilha tapplika mit-22 ta’ Ġunju 2001 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-22 ta’ Diċembru 2002.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Fissazzjoni: xogħol irid ikun parti minn kopja li persuni oħrajn ikunu jistgħu jarawh jew jikkuppjawh (jiġifieri mezz tanġibbli bħal reġistrazzjoni).
Reprografija: ix-xjenza u l-prattika tal-ikkuppjar u r-riproduzzjoni ta’ dokumenti u materjal grafiku.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, pp. 10–19)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/29/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2019/789/UE — regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju (ĠU L 130, 17.5.2019, pp. 82–91)

Id-Direttiva 2019/790/UE dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali (ĠU L 130, 17.5.2019, pp. 92–125)

Ir-Regolament 2017/1128/UE dwar il-portabbiltà transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (ĠU L 168, 30.6.2017, pp. 1–11) (“ir-Regolament dwar il-Portabbiltà”)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament 2017/1563/UE dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 242, 20.9.2017, pp. 1–5) (ir-Regolament li jimplimenta t-Trattat ta’ Marrakexx fl-UE)

Id-Direttiva 2017/1564/UE dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 242, 20.9.2017, pp. 6–13) (id-Direttiva li timplimenta t-Trattat ta’ Marrakexx fl-UE)

Id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, pp. 72–98) (“Id-Direttiva CRM”)

Id-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 27.10.2012, pp. 5–12) (“id-Direttiva dwar ix-Xogħlijiet Orfni”)

Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 111, 5.5.2009, pp. 16–22) (“id-Direttiva dwar is-Software”)

Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU L 376, 27.12.2006, pp. 28–35) (“id-Direttiva dwar il-Kiri u s-Self”)

Id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata) (ĠU L 372, 27.12.2006, pp. 12–18) (“id-Direttiva dwar it-Termini”)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, pp. 45–86)(“IPRED”). Test pubblikat mill-ġdid fil-corrigendum (ĠU L 195, 2.6.2004, pp. 16–25)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU L 272, 13.10.2001, pp. 32–36) (“id-Direttiva dwar il-Bejgħ mill-Ġdid”)

Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, pp. 20–28) (“id-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data”)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, pp. 15–21) (“id-Direttiva dwar is-Satellita u l-Cable”)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 23.09.2021

Fuq