EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01994L0033-20140325

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1994/33/2014-03-25

1994L0033 — MT — 25.03.2014 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 94/33/KE

tat-22 ta' Ġunju 1994

dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol

(ĠU L 216, 20.8.1994, p.12)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2007/30/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007

  L 165

21

27.6.2007

►M2

DIRETTIVA 2014/27/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 65

1

5.3.2014




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 94/33/KE

tat-22 ta' Ġunju 1994

dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 118a miġjub fih,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Billi jaġixxi bi qbil mal-proċedura li għaliha jirreferi l-Artikolu 189ċ tat-Trattat ( 3 ),

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill irid jadotta, permezz ta' direttivi, ħtiġiet minimi biex jinkoraġġixxi titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, fejn għandhom x'jaqsmu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

Billi, taħt dak l-Artikolu, dawn id-direttivi għandhom jevitaw li jimponu rbit amministrattivi, finanzjarju u legali b'tali mod li jżomm lura il-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju;

Billi l-punti 20 u 22 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema, adottati mill-Kunsill Ewropew fi Strasbourg fid-9 ta' Diċembru 1989, jiddikjaraw li:

“20. Bla ħsara għar-regoli li jistgħu ikunu aktar favorevoli għaż-żgħażagħ, partikolarment dawk li jiżguraw il-preparazzjoni tagħhom għax-xogħol permezz ta' taħriġ professjonali, u salvi derogi limitati għal ċertu xogħol ħafif, l-età minima ta' l-impjieg ma tridx tkun inqas mill-età minima ta' tluq mill-iskola obbligatorja, u f'kull każ mhux anqas minn 15-il sena;

22. Għandhom jittieħdu passi xierqa biex jiġu aġġustati r-regolamenti applikabbli għal ħaddiema żgħażagħ sabiex il-ħtiġiet tagħhom ta' l-iżvilupp speċifiku u t-taħriġ professjonali u l-aċċess għall-impjieg ikunu sodisfatti.

Fil-każ ta' ħaddiema ta' taħt l-età ta' tmintax-il sena t-tul tal-ħin tax-xogħol għandu jkun illimitat mingħajr ma jkun possibbli, li dan il-limitu jinħarab permezz ta' overtime - u x-xogħol ta' bil-lejl ikun ipprojbit minbarra fil-każijiet ta' xi forom ta' mpjieg stabbiliti f'liġijiet jew regolamenti nazzjonali.”;

Billi jridu jitqiesu l-prinċipji ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol rigward il-protezzjoni ta' żgħażagħ fuq ix-xogħol, inklużi dawk dwar l-età minima għall-aċċess għall-impjieg jew ix-xogħol;

Billi, f'din ir-Resoluzzjoni dwar ix-xogħol magħmul mit-tfal ( 4 ), il-Parlament Ewropew ġabar fil-qosor l-aspetti varji tax-xogħol li jsir miż-żgħażagħ u enfasizza l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, is-sigurtà u l-iżvilupp fiżiku u intellettwali tagħhom, u indika in-neċessità li tiġi adottata Direttiva li tarmonizza l-leġislazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam;

Billi l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/EEC tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ( 5 ) jipprovdi li gruppi partikolament sensittivi għar-riskju għandhom ikunu mħarsa mill-perikli li jaffettwawhom speċifikament;

Billi t-tfal u l-adolexxenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala gruppi sensittivi għar-riskju, u għandhom jittieħdu miżuri għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom;

Billi l-vulnerabbilità tat-tfal titlob li l-Istati Membri jipprojbixxu li dawn jiġu mpjegati u li jiżguraw li l-età minima ta' impjieg ma tkunx anqas mill-età minima li fiha huwa obbligatorju li jattendu l-iskola kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali jew 15-il sena f'kull każ; billi derogi mill-projbizzjonijiet fuq xogħol li jsir mit-tfal jistgħu jiġu ammessi biss f'każijiet speċjali u taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva; billi, taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu dawn id-derogi jippreġudikaw attendenza regolari fl-iskola jew iżommu lit-tfal milli jibbenefikaw kompletament mill-edukazzjoni tagħhom;

Billi, minħabba l-passaġġ mit-tfulija għall-ħajja adulta, ix-xogħol ta' l-adolexxenti għandu jiġi regolat u protett strettament;

Billi kull min iħaddem għandu jiggarantixxi kondizzjonijiet approprjati għall-etajiet taż-żgħażagħ;

Billi kull min iħaddem għandu jimplementa l-miżuri kollha neċessarji biex is-sigurtà u s-saħħa taż-żgħażagħ fuq xogħol jiġu mħarsa a bażi ta' valutazzjoni tas-sogri relatati max-xogħol taż-żgħażagħ;

Billi l-Istati Membri għandhom iħarsu liż-żgħażagħ minn riskji speċifiċi li jirriżultaw min-nuqqas ta' esperjenza, nuqqas ta' għarfien ta' riskji eżistenti jew potenzjali, jew mill-immaturità tagħhom;

Billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jipprojbixxu l-impjieg ta' dawn iż-żgħazagħ għax-xogħol speċifikat minn din id-Direttiva;

Billi l-adozzjoni ta' ħtiġiet minimi speċifiċi rigward l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol x'aktarx ittejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ;

Billi l-massimu ta' sigħat tax-xogħol għaż-żgħażagħ irid ikun limitat strettament u xogħol bil-lejl miż-żgħażagħ għandu jiġi pprojbit, ħlief għal xi xogħlijiet speċifiċi minn leġislazzjoni jew regoli nazzjonali;

Billi l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jiżguraw li l-ħinijiet tax-xogħol ta' l-adolexxenti li qegħdin jirċievu edukazzjoni fi skola ma jaffettwax ħażin il-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw minn din l-edukazzjoni;

Billi l-ħin li ż-żgħażagħ iqattgħu fuq taħriġ fejn jaħdmu taħt skema kombinata ta' xogħol/ taħriġ teoriku u/jew prattiku jew f' esperjenza ta' xogħol fl-impriżagħandu jingħadd bħala ħin tax-xogħol;

Billi, biex jiġu żgurati s-sigurtà u s-saħħa taż-żgħażagħ, dawn għandu jkollhom ħinijiet ta' serħan ta' kuljum, kull ġimgħa u kull sena u pawżi xierqa;

Billi, rigward il-perijodu ta' serħan ta' kull ġimgħa, għandu jittieħed kont tad-diversità ta' fatturi kulturali, etniċi, reliġjużi u oħrajn fl-Istati Membri; billi partikolarment, huwa għal kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk għandux jiġi inkluż il-Ħadd fil-perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, u jekk iva, sa fejn;

Billi esperjenza ta' xogħol xierqa tista' tikkontribwixxi għall-iskop ta' preparazzjoni taż-żgħażagħ għall-ħajja ta' xogħol u soċjali ta' l-adulti, sakemm jiġi aċċertat li jkun evitat kull dannu għas-sigurtà, is-saħħa u l-iżvilupp tagħhom;

Billi, għalkemm id-derogi minn projbizzjonijiet u limitazzjonijiet imposti minn din id-Direttiva kienu jidhru indispensabbli għal ċerti attivitajiet jew sitwazzjonijiet partikolari, l-applikazzjoni tagħhom m'għandhiex tippreġudika l-prinċipji tas-sistema ta' ħarsien stabbilita;

Billi din id-Direttiva tikkostitwixxi pass konkret lejn l-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

Billi l-applikazzjoni fil-prattika tas-sistema ta' ħarsien stabbilita minn din id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jimplementaw sistema ta' miżuri proporzjonali u effettivi;

Billi l-implimentazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva tista' tikkawża problemi għal Stat Membru minħabba is-sistema tiegħu ta' ħarsien għaż-żgħażagħ fuq xogħol; billi dak l-Istat Membru għandu għalhekk jitħalla joqgħod lura milli jimplimenta d-dispożizzjonijiet rilevanti għal perijodu xieraq,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



IT-TAQSIMA I

L-Artikolu 1

Għan

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipprojbixxu xogħol li jsir mit-tfal.

Għandhom jassiguraw, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva, li l-età minima biex wieħed jista' jimpjega jew iħaddem ma tkunx inqas mill-età li fiha jkun hemm l-obbligu ta' l-iskola fulltime u fi kwalunkwe każ mhux qabel il-15-il sena.

2.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li xogħol minn adolexxenti huwa regolat u protett strettament taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw inġenerali li min iħaddem jiggarantixxi li ż-żgħażagħ ikollhom kundizzjonijiet xierqa għall-età tagħhom.

Għandhom jassiguraw illi ż-żgħażagħ huma protetti kontra l-isfruttament ekonomiku u kontra kull xogħol li x'aktarx jippreġudika s-sigurtà, s-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali jew li jippreġudika l-edukazzjoni tagħhom.

L-Artikolu 2

Skop

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull persuna taħt l-età ta' 18-il sena li jkollha kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg definit fil-liġi fis-seħħ fi Stat Membru u/jew regolat mil-liġi viġenti fi Stat Membru.

2.  L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni leġislattiva jew regulatorja biex din id-Direttiva ma tapplikax, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet li huma stabbiliti mid-disposizzjoni leġislattiva jew regolatorja, għal xogħol okkażjonali jew ta' żmien qasir li jinvolvi:

(a) servizzi domestiċi f'dar privata, jew

(b) xogħol meqjus li mhux ta' ħsara, dannuż jew perikoluż għaż-żgħażagħ f'impriża tal-familja.

L-Artikolu 3

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) “żagħżugħ” tfisser kull persuna taħt l-eta' ta' 18-il sena msemmija fl-Artikolu 2(1);

(b) “tifel” ifisser kull żagħżugħ ta' inqas minn 15-il sena jew li għadu soġġett għal tagħlim obbligatorju fi skola full time taħt liġijiet nazzjonali;

(ċ) “adolexxenti” ifisser kull żagħżugħ ta' mill-inqas 15-il sena imma ta' inqas minn 18-il sena li m'għadux soġġett għal tagħlim obbligatorju fi skola full time taħt liġijiet nazzjonali;

(d) “xogħol ħafif” għandu jfisser kull xogħol li, minħabba n-natura proprja tax-xogħlijiet li jinvolvi u l- kondizzjonijiet partikolari li taħthom jitwettaq:

(i) x'aktarx mhuwiex ta' ħsara għas-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilupp tat-tfal, u

(ii) m'għandux ikun ta' ħsara għall-attendenza tagħhom fl-iskola, għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi ta' gwida jew taħriġ professjonali approvati mill-awtorità kompetenti jew għall-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw mill-istruzzjoni li jirċievu;

(e) “ħinijiet tax-xogħol” għandhom ifissru kull perijodu li tulu ż-żagħżugħ qiegħed ix-xogħol, għad-disposizzjoni ta' min iħaddmu u jwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali;

(f) “perijodu ta' mistrieħ” għandu jfisser kull perijodu li mhuwiex ħin tax-xogħol.

L-Artikolu 4

Il-projbizzjoni ta' xogħol mit-tfal

1.  L-Istati Membri għandhom jaddottaw il-miżuri neċessarji biex jiġi projbit xogħol mit-tfal.

2.  Waqt li jikkunsidraw l-objettivi fl-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni leġislattiva jew regulatorja biex ma tapplikax il-projbizzjoni ta' xogħol mit-tfal għal:

(a) tfal li qed jagħmlu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 5;

(b) tfal ta' mill-inqas 14-il sena li jaħdmu taħt skema li tikkombina xogħol u taħriġ jew skema ta' esperjenza ta' xogħol fl-impriża, sakemm dan ix-xogħol isir skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti;

(ċ) tfal ta' mill-inqas 14-il sena li jagħmlu xogħol ħafif ta' xort' oħra minn dak kopert mill-Artikolu 5; xogħol ħafif ta' xort' oħra minn dak kopert mill-Artikolu 5 jista', però, jsir minn tfal ta' 13-il sena għal numru ta' sigħat fil-ġimgħa fil-każ ta' ċerti kategoriji ta' xogħol stabbilit mil-liġi nazzjonali.

3.  L-Istati Membri li jużaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 2(ċ) għandhom jiddeterminaw, fir-rispett tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, il-kundizzjonijiet tax-xogħol relatati max-xogħol ħafif inkwistjoni.

L-Artikolu 5

Attivitajiet kulturali jew simili

1.  L-impjieg ta' tfal għall-iskopijiet ta' parteċipazzjoni f'attivitajiet kulturali, artistiċi, ta' sport jew reklamar għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti f'każijiet individwali.

2.  L-Istati Membri għandhom, permezz ta' dispożizzjoni legislattiva jew regulatorja, jistabbilixxu l- kondizzjonijiet tax-xogħol għat-tfal fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u d-dettalji biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel, bil-kundizzjoni li l-attivitajiet:

(i) x'aktarx mhumiex ta' ħsara għas-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilipp tat-tfal, u

(ii) mhux probabbli li jagħmlu ħsara għall-attendenza tagħhom fl-iskola, għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi ta' gwida jew taħriġ professjonali approvati mill-awtorità kompetenti jew għall-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw mill-istruzzjoni li jirċievu.

3.  B' deroga mill-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1, f'każ ta' tfal ta' mill-inqas 13-il sena, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, permezz ta' dispożizzjonijiet leġislattivi jew regulatorji, skond il-kondizzjonijiet li huma jistabbilixxu, l-impjieg ta' tfal għall-iskopijiet ta' parteċipazzjoni f'attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew ta' reklamar.

4.  L-Istati Membri li għandhom sistema ta' awtorizzazzjoni speċifika għall-aġenziji ta' l-immudellar fejn għandhom x'jaqsmu attivitajiet ta' tfal jistgħu jżommu dik is-sistema.



IT-TAQSIMA II

L-Artikolu 6

Obbligi ġenerali ta' min iħaddem

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(1), min iħaddem għandu jadotta l-miżuri neċessarji biex jipproteġi s-sigurtà u s-saħħa taż-żgħażagħ, waqt li jikkunsidra partikolarment ir-riskji speċifiċi msemmija fl- Artikolu 7(1).

2.  Min iħaddem għandu jimplementa l-miżuri previsti fil-paragrafu 1 abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji għaż-żgħażagħ konnessi ma' xogħolhom.

Il-valutazzjoni għandha ssir qabel ma ż-żgħażagħ jibdew ix-xogħol u meta jsir tibdil maġġuri fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, u għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-punti li ġejjin:

(a) l-atrezzatura u l-pjanta tal-post tax-xogħol u tal-postazzjoni tax-xogħol;

(b) in-natura, il-grad u t-tul ta' l-espożizzjoni għal aġenti fiżiċi, bioloġiċi u kimiċi;

(ċ) il-forma, l-għażla u l-użu ta' għodda tax-xogħol, partikolarment aġenti, magni, apparat u attrezzaturi, u l-mod kif jiġu użati;

(d) l-arranġament tal-proċessi u l-operazzjonijiet tax-xogħol u l-mod kif dawn huma kombinati (l-organizzazzjoni tax-xogħol);

(e) il-livell ta' formazzjoni u informazzjoni mogħtija liż-żgħażagħ.

Meta din il-valutazzjoni turi li hemm riskju għas-sigurtà, għas-saħħa fiżika jew mentali jew l-iżvilupp taż-żgħażagħ, għandhom jiġu provduti stima u kontroll tas-saħħa tagħhom bla ħlas mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 89/391/KEE.

L-eżami u l-kontroll bla ħlas jistgħu jiffurmaw parti minn sistema nazzjonali tas-saħħa.

3.  Min iħaddem għandu jinforma liż-żgħażagħ bir-riskji possibbli u bil-miżuri kollha addottati li jikkonċernaw is-sigurtà u s-saħħa tagħhom.

Barra minn hekk, għandu jinforma lir-rappreżentanti legali tat-tfal bir-riskji possibbli u bil-miżuri kollha adottati li jikkonċernaw is-sigurtà u s-saħħa tat-tfal.

4.  Min iħaddem għandu jinvolvi s-servizzi ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE fl-ippjanar, fl-implementazzjoni u fil-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet tas-sigurtà u s-saħħa li japplikaw għaż-żgħażagħ.

L-Artikolu 7

Il-vulnerabbilità taz-zgħażagħ — Il-projbizzjoni tax-xogħol

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi ż-żgħażagħ ikunu protetti minn riskji speċifiċi għas-sigurtà, is-saħħa u l-iżvilupp tagħhom, li huma konsegwenza tan-nuqqas ta' esperjenza, tan-nuqqas ta' għarfien ta' riskji eżistenti jew potenzjali tagħhom, jew minħabba l-fatt li ż-żgħażagħ ikunu għadhom ma mmaturawx kompletament.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(1), l-Istati Membri għandhom għal dan l-iskop jipprojbixxu l-impjieg taż-żgħażagħ għal:

(a) xogħol li oġġettivament imur lil hinn mill-kapaċità fiżika jew psikoloġika tagħhom;

(b) xogħol li jinvolvi espożizzjoni għal aġenti dannużi li huma tossiċi, karċinoġeniċi, jikkawżaw dannu ġenetiku ereditarju jew ta' ħsara għal fetu mhux imwieled jew li b'kull mod ieħor jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem kronikament;

(ċ) xogħol li jinvolvi espożizzjoni dannuża għar-radjazzjoni;

(d) xogħol li jinvolvi riskju ta' inċidenti li wieħed jista' jassumi li ma jistgħux jintgħarfu jew jiġu evitati miż-żgħażagħ minħabba n-nuqqas ta' attenzjoni suffiċjenti tagħhom għas-sigurtà jew in-nuqqas ta' esperjenza jew taħriġ; jew

(e) xogħol li fih riskju għas-saħħa mill-kesħa jew mis-sħana estremi, jew minn storbju jew vibrazzjoni.

Xogħol li x'aktarx jinvolvi riskji speċifiċi għaż-żgħażagħ skond it-tifsira tal-paragrafu 1 jikludi:

 xogħol li jinvolvi espożizzjoni dannuża għall-aġenti fiżiċi, bioloġiċi jew kimiċi msemmija fil-punt I ta' l-Anness, u

 proċessi u xogħol imsemmija fil-punt II ta' l-Anness.

3.  L-Istati Membri jistgħu, permezz ta' dispożizzjoni leġislattiva jew regulatorja, jawtorizzaw derogi mill-paragrafu 2 f'każ ta' adolexxenti fejn dawn id-derogi huma indispensabbli għat-taħriġ professjonali tagħhom, sakemm il-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa huwa żgurat mill-fatt li x-xogħol jitwettaq taħt supervisjoni ta' persuna kompetenti fis-sens ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE u sakemm il-protezzjoni mogħtija minn dik id-Direttiva hija garantita.



IT-TAQSIMA III

L-Artikolu 8

Il-ħinijiet tax-xogħol

1.  L-Istati Membri li jutilizzaw l-għażla fl-Artikolu 4(2)(b) jew (ċ) għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jillimitaw il-ħinijiet tax-xogħol tat-tfal għal:

(a) tmien sigħat kuljum u 40 siegħa fil-ġimgħa għal xogħol imwettaq taħt skema kombinata ta' xogħol u taħriġ jew skema ta' esperjenza ta' xogħol fl-impriża ;

(b) sagħtejn f'jum ta' skola u 12-il siegħa fil-ġimgħa mwettqa f'perijodu skolastiku u barra mis-sigħat iffissati għall-attendenza fl-iskola, sakemm dan mhux ipprojbit mil-liġi jew prattika nazzjonali;

il-ħin tax-xogħol ta' kuljum m'għandu fl-ebda ċirkostanza jaqbeż is-seba' sigħat; dan il-limitu jista' jiżdied għal tfal li laħqu l-età ta' 15-il sena;

(ċ) seba' sigħat kuljum u 35 siegħa fil-ġimgħa ta' xogħol imwettaq fi żmien ta' mill-inqas ġimgħa meta ma jkunx hemm skola; dawn il-limiti jistgħu jiżdiedu għal tmien sigħat kuljum u 40 siegħa fil-ġimgħa fil-każ ta' tfal li laħqu l-età ta' 15-il sena;

(d) seba' sigħat kuljum u 35 siegħa fil-ġimgħa għal xogħol ħafif imwettaq minn tfal li m' għadhomx soġġetti għal tagħlim obbligatorju fi skola full time taħt il-liġijiet nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jillimitaw il-ħinijiet tax-xogħol ta' l-adolexxenti għal tmien sigħat kuljum u 40 siegħa fil-gimgħa.

3.  Il-ħin li żagħżugħ iqatta' fuq taħriġ fejn jaħdem taħt skema kombinata ta' xogħol/taħriġ teoretiku u/jew prattiku jew fi skema ta' esperjenza ta' xogħol fl-impriża għandu jingħadd bħala ħin tax-xogħol;

4.  Meta żagħżugħ jiġi mpjegat minn aktar minn persuna waħda, il-ħinijiet u l-ġranet tax-xogħol għandhom ikunu kumulattivi.

5.  L-Istati Membri jistgħu, permezz ta' dispożizzjoni leġislattiva jew regulatorja, jawtorizzaw derogi mill-paragrafu 1(a) u mill-paragrafu 2, bħala eċċezzjoni jew meta hemm raġunijiet oġġettivi għal dan.

L-Istati Membri għandhom permezz ta' dispożizzjoni leġislattiva jew regulatorja, jistabilixxu l-kondizzjonijiet, il-limiti u l-proċedura biex jiġu implementati dawn id-derogi.

L-Artikolu 9

Ix-xogħol ta' bil-Lejl

1.  

(a) L-Istati Membri li jutilizzaw l-għażla fl-Artikolu 4(2)(b) jew (ċ) għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprojbixxu x-xogħol mit-tfal mit-8 p.m. u s-6 a.m.

(b) L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprojbixxu xogħol mill-adolexxenti jew bejn l-10 p.m. u s- 6 p.m. jew bejn il-11 p.m. u s-7 a.m.

2.  

(a) L-Istati Membri jistgħu, permezz ta' dispożizzjonijiet leġislattivi jew regulatorji jawtorizzaw xogħol minn adolexxenti f'oqsma speċifiċi ta' attivita' waqt il-ħinijiet meta huwa pprojbit ix-xogħol bil-lejl kif imsemmi fil-paragrafu 1(b).

F' dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex jiżguraw li l-adolexxenti ikun sorveljat minn adult meta din is-superviżjoni hija neċessarja għall-protezzjoni ta' dak l-adolexxent.

(b) Jekk jiġi applikat il-punt (a), ix-xogħol għandu jibqa' jkun pprojbit bejn nofs il-lejl u l-4 a.m.

Iżda, l-Istati Membri jistgħu, permezz ta' dispożizzjoni leġislattiva jew regulatorja jawtorizzaw xogħol minn adolexxenti fil-ħin meta hu pprojbit xogħol bil-lejl, meta hemm raġunijiet oġġettivi għal dan u sakemm l-adolexxenti jingħataw ħin għall-mistrieħ obbligatorju xieraq u l-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ma jiġux kompromessi:

 ix-xogħol imwettaq fis-setturi tan-navigazzjoni jew is-sajd;

 ix-xogħol imwettaq fil-kuntest tal-forzi armati jew tal-pulizija;

 ix-xogħol imwettaq fi sptarijiet jew stabbilimenti simili;

 attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew ta' reklamar;

3.  Qabel ma jiġu mqabbda jagħmlu xogħol bil-lejl u f'intervalli regolari wara, l-adolexxenti għandhom ikunu intitolati għal eżami tas-saħħa u l-kapaċitajiet tagħhom bla ħlas, sakemm ix-xogħol li jagħmlu tul il-perijodu projbit ma jkunx ta' natura eċċezzjonali.

Artikolu 10

Il-ħin tal-mistrieħ

1.  

(a) L-Istati Membri li jutilizzaw l-għażla fl-Artikolu 4(2)(b) jew (ċ) għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, għal kull perijodu ta' 24 siegħa, it-tfal ikollhom dritt għal ħin ta' mistrieħ ta' mhux inqas minn 14-il siegħa konsekuttiva.

(b) L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, għal kull perijodu ta' 24 siegħa, l-adolexxenti ikunu intitolati għal perijodu minimu ta' mistrieħ ta' 12-il siegħa konsekuttivi.

2.  L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, għal kull perijodu ta' sebat ijiem:

 tfal li dwarhom għamlu l-għażla msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) jew (ċ), u

 adolexxenti

ikollhom dritt ta' perijodu ta' mistrieħ ta' mhux inqas minn jumejn, possibbilment konsekuttivi.

Meta ġġustifikat minn raġunijiet tekniċi jew ta' organizzazzjoni, il-perijodu minimu ta' mistrieħ jista' jonqos, iżda ma jista' fl-ebda ċirkostanza jkun inqas minn 36 siegħa konsekuttiva.

Il-perijodu minimu ta' mistrieħ imsemmi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi għandu fil-prinċipju jinkludi l-Ħadd.

3.  L-Istati Membri jistgħu, permezz ta' dispożizzjonijiet leġislattivi jew regulatorji, jipprovdu li l-perijodi minimi ta' mistrieħ imsemmija fil- paragrafi 1 u 2 jiġu interrotti fil-każ ta' attivitajiet li jinvolvu perijodi ta' xogħol li huma mqassma matul il-jum jew li huma ta' tul qasir.

4.  L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni leġislattivi jew regolatorja għal derogi mill-paragrafu 1(b) u mill-paragrafu 2 fir-rigward ta' adolexxenti fil-każijiet li ġejjin, meta hemm raġunijiet oġġettivi għal dan u sakemm jingħataw ħin ta' mistrieħ approprjat kompensatorju u l-oġġettivi fl-Artikolu 1 ma jiġux kompromessi:

(a) ix-xogħol imwettaq fis-settur tan-navigazzjoni jew s-sajd;

(b) ix-xogħol imwettaq fil-kuntest tal-forzi armat jew il-pulizija;

(ċ) ix-xogħol imwettaq fi sptarijiet u stabbilimenti simili;

(d) ix-xogħol imwettaq fl-agrikoltura;

(e) ix-xogħol imwettaq fis-settur tat-turiżmu jew fis-settur tal-lukandi, tar-ristoranti jew tal-kafeteriji;

(f) attivitajiet li jinvolvu perijodi ta' xogħol imqassma matul il-jum.

L-Artikolu 11

Il-mistrieħ annwali

L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b) jew (ċ) għandhom jiżguraw li jkun inkluż perijodu mingħajr xogħol, sa fejn hu possibbli, tul il-vaganzi tat-tfal soġġetti għall-skola obbligatorja full time skond il-liġi nazzjonali.

L-Artikolu 12

Pawsi

L-Istati Membri għandhom jaddottaw il-miżuri neċessarji biex jiżguraw illi, meta jinħadmu aktar minn erba' sigħat u nofs fil-jum, iż-żgħażagħ huma intitolati għal pawsa ta' mhux anqas minn 30 minuta konsekuttiva jekk possibbli.

L-Artikolu 13

Ix-xogħol magħmul minn adolexxenti f'każ ta' forza maġġuri

L-Istati Membri jistgħu, permezz ta' dispożizzjoni leġislattiva jew regolatorja, jawtorizzaw derogi mill-Artikolu 8(2), l-Artikolu 9(1)(b), l-Artikolu 10(1)(b) u, f' każ ta' adolexxenti, l-Artikolu 12, għal xogħol imsemmi fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 89/391/KEE, sakemm dan ix-xogħol ikun ta' natura temporanja u jeħtieġ jitwettaq immedjatament, u ma jkunx hemm ħaddiema adulti disponibbli u l-adolexxenti jingħataw ħin għall-mistrieħ obbligatorju kompensatorju fit-tliet ġimgħat ta' wara.



IT-TAQSIMA IV

L-Artikolu 14

Il-Miżuri

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi kull miżura neċessarja li għandha tiġi applikata f'każ li ma jitħarsux d-dispożizzjonijiet adottati sabiex tiġi mplimentata din id-Direttiva; dawn il-miżuri għandhom ikunu effettivi u proporzjonati.

L-Artikolu 15

L-Adattament ta' l-Anness

L-adattamenti ta' natura strettament teknika ta' l-Anness fid-dawl tal-progress tekniku, it-tibdil f'regoli jew speċifikazzjonijiet internazzjonali u l-avvanzi fit-tagħrif fil-qasam kopert minn din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 16

Klawsola ta' non-riduzzjoni

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiżviluppaw, fid-dawl taċ-ċirkostanzi li jinbidlu, dispożizzjonijiet differenti għall-protezzjoni taż-żgħażagħ, sakemm il-ħtiġiet minimi msemmija f'din id-Direttiva jkunu mħarsa, l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex tipprovdi raġunijiet validi sabiex jitbaxxa l-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħti liż-żgħażagħ.

L-Artikolu 17

Dispożizzjonijiet finali

1.  

(a) L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-22 ta' Ġunju 1996, jew jiżguraw li, sa dik id-data fl-iktar tard, is-sieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji permezz ta' ftehim kollettiv, waqt li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex f'kull żmien ikunu f'pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva.

(b) Ir-Renju Unit jista' ma jimplementax l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(b) dwar id-disposizzjoni għall-ħin ta' xogħol massimu fil-ġimgħa, kif ukoll l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 9(1)(b) u (2) għal terminu ta' erba' snin mid-data speċifikata fis-subparagrafu (a).

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-effetti ta' din id-dispożizzjoni.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat, għandu jiddeċiedi jekk għandux jiġi estiż dan it-terminu.

(ċ) L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn il-miżuri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li diġà adottaw jew li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼M1

L-Artikolu 17a

Rapport ta’ implimentazzjoni:

Kull ħames snin, l-Istati Membri jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ din id-Direttiva taħt il-forma ta’ kapitolu speċifiku tar-rapport uniku msemmi fl-Artikolu 17a (1), (2) u (3), tad-Direttiva 89/391/KEE li jservi ta’ bażi għall-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 17a(4) ta’ dik id-Direttiva.

▼B

L-Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS

Lista mhux eżawrjenti ta aġenti, proċessi u xogħol

(L-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu)

I.  Aġenti

1.  Aġenti fiżiċi

a) Radjazzjoni ionizzanti;

b) Xogħol f'atmosfera bi pressjoni għolja, e.ż. f' kontenituri taħt pressjoni, xogħol taħt l-ilma.

2.  Aġenti Bijologiċi

▼M2

a) Aġenti bijoloġiċi li jappartjenu għall-gruppi ta’ riskju 3 u 4 skont it-tifsira tal-punti 3 u 4 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).

▼B

3.  Aġenti Kimiċi

▼M2

a) Sustanzi u taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji dwar il-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ) f’waħda jew aktar minn dawn il-klassijiet ta’ periklu u kategoriji perikolużi li ġejjin b’waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet ta’ periklu li ġejjin:

 tossiċità akuta, kategorija 1, 2 jew 3 (H300, H310, H330, H301, H311, H331);

 korrużjoni tal-ġilda, kategorija 1 A, 1B jew 1C (H314);

 gass li jaqbad, kategorija 1 jew 2 (H220, H221);

 aerosols li jaqbdu, kategorija 1 (H222);

 likwidu li jaqbad, kategorija 1 jew 2 (H224, H225);

 splussiv, kategoriji “splussiv instabbli”, jew splussivi tad-Diviżjonijiet 1.1, 1.2, 1.3, 1.4, 1.5 (H200, H201, H202, H203, H204, H205);

 sustanzi u taħlitiet awtoreattivi, tip A, B, C jew D (H240, H241, H242);

 perossidi organiċi, tip A jew B (H240, H241);

 tossiċità f’organi speċifiċi wara espożizzjoni waħda, kategorija 1 jew 2 (H370, H371);

 tossiċità f’organi speċifiċi wara espożizzjoni ripetuta, kategorija 1 jew 2 (H372, H373);

 sensitizzazzjoni respiratorja, kategorija 1, sottokategorija 1 A jew 1B (H334);

 sensitizzazzjoni tal-ġilda, kategorija 1, sottokategorija 1 A jew 1B (H317);

 karċinoġeniċità, kategorija 1 A, 1B jew 2 (H350, H350i, H351);

 mutaġeni għaċ-ċelloli ġerminali, kategorija 1 A, 1B jew 2 (H340, H341);

 tossiċità riproduttiva, kategorija 1 A jew 1B (H360, H360F, H360FD, H360Fd, H360D, H360Df).

▼M2 —————

▼M2

d) Sustanzi u taħlitiet imsemmija fil-punt (ii) tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 );

▼B

e) Iċ-ċomb u l-komposti tiegħu, sa fejn l-aġenti inkwistjoni jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman;

f) L-asbestos.

II.  Il-Proċessi u x-xogħol

▼M2

1. Il-proċessi fuq xogħol imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE.

▼B

2. Il-fabbrikazzjoni u l-immaniġġar ta' attrezzamenti, logħob tan-nar u oġġetti oħrajn li jikkontjenu splussivi.

3. Xogħol ma' annimali feroċi u velenużi.

4. Il-qtil ta' annimali fuq skala industrijali.

5. Xogħol li jinvolvi l-immaniġġar ta' għodda għall-produzzjoni, għall-ħażna jew għall-applikazzjoni ta' gassijiet kumpressati, likwidifikati jew maħlula.

6. Xogħol f'vattijiet, tankijiet, reservoirs jew damiġġjani li jikkontjenu aġenti kimiċi msemmija fil-1.3

7. Xogħol li jinvolvi risku ta' kollassi strutturali

8. Xogħol li jinvolvi perikoli ta' elettriku bil-vultaġġ għoli.

9. Xogħol li r-ritmu tiegħu hu stabbilit mill-makkinarju u li jinvolvi ħlas skond ir-riżultati.



( 1 ) ĠU C 84, ta' l-4.4.1992, p. 7.

( 2 ) ĠU C 313, tat-30.11.1992, p. 70.

( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta'Diċembru 1992 (ĠU C 21, tal-25.1.1993, p. 167). Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 1993 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 (ĠU C 91, tat-28.3.1994, p. 89).

( 4 ) ĠU C 190, ta' l-20.7.1987, p. 44.

( 5 ) ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

( 6 ) Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21).

( 7 ) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

( 8 ) Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

Top