Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0081

L-indirizzar tat-tibdil fil-klima wara l-2020 (Il-Protokoll ta’ Pariġi)

L-indirizzar tat-tibdil fil-klima wara l-2020 (Il-Protokoll ta’ Pariġi)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni COM(2015) 81 final): Il-Protokoll ta’ Pariġi — Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Din tiddeskrivi kif l-Unjoni Ewropea (UE) ħadet l-inizjattiva biex tagħmel pressjoni għal miri ambizzjużi fi ftehim legalment vinkolanti tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. Mingħajr azzjoni urġenti, it-tibdil fil-klima se jikkawża ħsara serja u irriversibbli lill-umanità u lill-ambjent. Il-pajjiżi kollha issa jridu jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom b’mod sostanzjali.
  • Hija tistabbilixxi l-għanijiet tal-UE għall-konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima u kif dawn jistgħu jinkisbu. Dawn jinkludu l-għan fit-tul li l-emissjonijiet globali jitnaqqsu b’mill-inqas 60 % taħt il-livelli tal-2010 sal-2050.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim, magħruf bħala l-Protokoll ta’ Pariġi, għandu:

  • jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ kemm jista’ jkun pajjiżi, u kopertura komprensiva tas-setturi kollha, inkluż l-agrikoltura, it-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar, u l-emissjonijiet;
  • jinkludi impenji sodi ta’ mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima;
  • jirrevedi regolarment dawk l-isforzi ta’ mitigazzjoni kull ħames snin wara l-2020;
  • ikun fih regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika li kull pajjiż li ffirma l-ftehim jinsab fi triqtu biex jissodisfa l-impenji tiegħu;
  • jippromwovi l-investimenti, minn finanzjament pubbliku u privat, fi programmi u politiki li huma reżiljenti għat-tibdil fil-klima u b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet;
  • iħeġġeġ skambju aktar sistematiku tal-esperjenzi u l-prattika tajba fi ħdan, u bejn, partijiet differenti tad-dinja;
  • jappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż il-produzzjoni tal-enerġija, sistemi tal-ġestjoni tal-ilma u teknoloġiji biex jiġu miġġielda l-effetti tat-temp estrem.

L-UE intensifikat id-diplomazija klimatika tagħha qabel il-konferenza ta’ Pariġi. Hija approvat pjan ta’ azzjoni għad-diplomazija klimatika. Qed tuża ħafna politiki oħra — il-kooperazzjoni ta’ żvilupp u ekonomika, ir-riċerka, it-teknoloġija, l-innovazzjoni, il-kummerċ, l-ambjent u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri — biex tappoġġa l-għanijiet tagħha u tgħin lill-imsieħba tagħha jimplimentaw l-impenji tagħhom.

In-negozjati ġew finalizzati f’Pariġi f’Diċembru tal-2015. Il-ftehim il-ġdid se jiġi implimentat mill-2020.

SFOND

Il-politiki dwar il-klima u l-enerġija tal-UE qegħdin jagħtu frott. L-emissjonijiet tal-UE naqsu bi 23 % bejn l-1990 u l-2014, filwaqt li l-PDG kiber b’46 % matul l-istess perjodu. L-UE ħadet passi sinifikanti biex issir l-aktar ekonomija effiċjenti fl-emissjonijiet tad-dinja. F’Ottubru 2014, il-mexxejja tal-UE qablu dwar qafas ġdid dwar il-klima u l-enerġija għall-2030, bil-mira li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Il-Protokoll ta’ Pariġi — Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020 (COM(2015) 81 final, )

l-aħħar aġġornament

Fuq