Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0902

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-UE tal-2015

Status legali tad-dokument Dan is-sommarju ġie arkivjat u mhux se jiġi aġġornat, għaliex id-dokument imqassar ma għadux fis-seħħ jew ma jirriflettix is-sitwazzjoni attwali.

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-UE tal-2015

Wara li esperjenzat il-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2007-2008, l-Unjoni Ewropea (UE) issa qiegħda tiffoka biex issaħħaħ l-ekonomija dgħajfa tagħha. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha tal-2015, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet strateġija integrata għas-sostenn tal-ħolqien tal-impjiegi u biex l-UE terġa’ lura fit-triq ta’ tkabbir sostenibbli.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiemnt: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 (COM(2014) 902 final tat-28.11.2014).

SOMMARJU

Wara li esperjenzat il-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2007-2008, l-Unjoni Ewropea (UE) issa qiegħda tiffoka biex issaħħaħ l-ekonomija dgħajfa tagħha. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha tal-2015, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet strateġija integrata għas-sostenn tal-ħolqien tal-impjiegi u biex l-UE terġa’ lura fit-triq ta’ tkabbir sostenibbli.

X'TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2015 jistabbilixxi l-approċċ tal-UE biex tingħata spinta lit-tkabbir abbażi ta’ investiment, riformi strutturali u politiki fiskali li jiffavorixxu t-tkabbir.

PUNTI EWLENIN

Spinta għall-investiment

Mill-kriżi finanzjarja tal-2007-2008, l-investiment fl-UE naqas b’madwar €430 biljun. Biex tagħti spinta lill-investiment, il-Kummissjoni nediet pjan li jinkludi:

  • It-twaqqif ta’ fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi, bħal fl-infrastruttura. L-għan huwa li jiġi attirat investiment privat li tal-anqas ilaħħaq it-€315-il biljun fuq 3 snin.
  • Azzjonijiet biex jgħinu biex jiġi dirett il-kapital fl-ekonomija reali. Dawn jinkludu miżuri biex tiġi ċċarata u simplifikata l-leġislazzjoni rilevanti u biex jiġu żviluppati sorsi ġodda ta’ finanzjament minbarra l-banek.

Impenni għal riformi strutturali

Ir-riforma u l-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tal-UE huma essenzjali biex l-UE terġa’ lura għat-tkabbir. Riformi strutturali f’diversi oqsma għandhom ħafna x'jikkontribwixxu għal dan il-għan.

  • Fuq livell tal-pajjiżi: il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-pajjiżi jsegwu riformi ewlenin f’diversi oqsma, inkluż l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol, l-indirizzar ta’ livell għoli ta’ qgħad, l-iżgurar ta’ pensjonijiet u ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali sostenibbli, it-titjib tal-kundizzjonijiet għan-negozji u amministrazzjoni pubblika aktar effiċjenti.
  • Fil-livell tal-UE: il-Kummissjoni tirrakkomanda li jittieħdu azzjonijiet biex jitneħħew ostakli nazzjonali sabiex jinħolqu swieq ġenwini madwar l-UE kollha f’setturi ewlenin bħall-enerġija, it-telekomunikazzjoni u t-trasport, kif ukoll għall-prodotti u s-servizzi.

L-insegwiment ta’ responsabbiltà fiskali

Il-pajjiżi Ewropej jeħtieġu politiki fiskali li huma mfassla għas-sitwazzjoni nazzjonali. It-tkabbir fid-dejn tal-gvern għandu jitreġġa' lura. L-infiq tal-gvern u l-istrutturi tad-dħul għandhom jappoġġjaw it-tkabbir u l-investiment. Il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa jeħtieġu li jiġu ndirizzati wkoll.

Simplifikazzjoni tal-governanza ekonomika Ewropea

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 nieda ċ-ċiklu annwali ta’ governanza ekonomika Ewropea (is-Semestru Ewropew), li huwa magħmul mis-sorveljanza tal-politiki fiskali nazzjonali, makroekonomiċi u strutturali fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tissimplifika u ssaħħaħ din il-governanza. Dan għandu jtejjeb is-sjieda nazzjonali tal-proċess ta’ riforma u jsaħħaħ l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir.

l-aħħar aġġornament 08.05.2015

Fuq