Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1896

    Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

    Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (UE) 2019/1896 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Dan jistabbilixxi aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta sabiex:
      • tiżgura ġestjoni integrata Ewropea fil-fruntiera tal-UE;
      • timmaniġġja l-qsim tal-fruntieri b’mod effiċjenti; u
      • u tagħmel il-politika ta’ ritorn* tal-UE aktar effettiva bħala komponent ewlieni tal-ġestjoni sostenibbli tal-migrazzjoni.
    • Din għandha l-għan li tindirizza l-isfidi migratorji u t-theddid futur potenzjali fil-fruntieri, tiġġieled il-kriminalità serja internazzjonali, u tiżgura s-sigurtà interna tal-UE filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u tissalvagwardja l-moviment liberu.

    PUNTI EWLENIN

    Korp permanenti ta’ 10 000 gwardja tal-fruntiera:

    • se jiżgura li l-aġenzija tkun tista’ tappoġġja lill-Istati Membri tal-UE, kull meta u kull fejn ikun hemm bżonn;
    • se jlaqqa’ persunal tal-aġenzija, kif ukoll gwardji tal-fruntiera u esperti tar-ritorn issekondati jew skjerati minn Stati Membri, li se jappoġġjaw aktar minn 100 000 gwardja nazzjonali tal-fruntiera fil-kompiti tagħhom.

    Barra minn hekk, l-aġenzija se jkollha baġit biex takkwista t-tagħmir tagħha stess, bħal vapuri, ajruplani u vetturi.

    Setgħat eżekuttivi

    Il-korp permanenti se jkun jista’ jwettaq kompiti ta’ kontroll u ta’ ritorn fuq il-fruntiera, bħal kontrolli tal-identità, jawtorizza dħul fil-fruntieri esterni u jwettaq sorveljanza tal-fruntiera — bil-ftehim tal-Istat Membru ospitanti tal-UE biss.

    Aktar appoġġ fuq ir-ritorn

    • Minbarra li torganizza u tiffinanzja operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn, l-aġenzija issa ser tkun tista’ wkoll tappoġġja lill-Istati Membri fl-istadji kollha tal-proċess ta’ ritorn, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ ritorn.
    • Dan l-appoġġ issa jista’ jinkludi wkoll, pereżempju, l-għoti ta’ assistenza lil persuni ripatrijati qabel, waqt u wara l-wasla, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ ċittadini mhux tal-UE mingħajr dritt ta’ soġġorn jew ta’ kisba ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.

    Kooperazzjoni aktar b’saħħitha ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE

    L-aġenzija se tkun tista’ — soġġett għal ftehim minn qabel tal-pajjiż ikkonċernat — tniedi operazzjonijiet konġunti u tibgħat persunal barra l-UE, lil hinn mill-pajjiżi ġirien tal-UE, biex tipprovdi appoġġ fuq il-ġestjoni tal-fruntieri.

    Uffiċċji antenna

    L-aġenzija se tkun tista’ twaqqaf uffiċċji antenna fi Stati Membri u f’pajjiż mhux tal-UE (soġġett għal ftehim dwar l-istatus) biex tappoġġja loġistikament l-attivitajiet operattivi tagħha u tiggarantixxi t-tmexxija bla xkiel tal-operazzjonijiet.

    Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur)

    • Biex itejjeb l-operat ta’ Eurosur, ir-Regolament jinkorporah fil-funzjonament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
    • Ir-Regolament ikabbar l-ambitu ta’ Eurosur biex ikopri ħafna mill-komponenti tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Dan ifisser li jkunu jistgħu jiġu skoperti, antiċipati u jsiru reazzjonijiet għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-fruntieri esterni tal-UE u f’pajjiżi li mhumiex fl-UE.
    • Att ta’ implimentazzjonital-Kummissjoni Ewropea, ir-regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2021/581 jistabbilixxi r-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni għall-iskopijiet tal-Eurosur, inkluż għarfien dwar is-sitwazzjoni, analiżi tar-riskju u għall-appoġġ tal-ippjanar u t-twettieq ta’ operazzjonijiet għall-kontroll tal-fruntiera. Din tistabbilixxi:
      • ir-regoli għar-rappurtar fil-Eurosur, inkluż it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi provduta u l-limiti taż-żmien għar-rappurtar;
      • id-dettalji tas-saffi tal-informazzjoni* tal-istampi tas-sitwazzjonijiet*;
      • il-proċeduri biex tistabbilixxi stampi dwar sitwazzjonijiet speċifiċi;
      • ir-responsabbiltajiet relatati mar-rappurtaġġ, mal-ġestjoni tal-istampi tas-sitwazzjonijiet u għall-operat u l-manteniment tas-sistemi varji tekniċi u n-netwerks li jsostnu l-Eurosur;
      • Is-sigurtà tad-data tal-Eurosur u r-regoli tal-protezzjoni tad-data;
      • mekkaniżmi tal-kontroll tal-kwalità.

    Tħassir

    Huwa jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 dwar l-Eurosur mill-4 ta’ Diċembru 2019 u (UE) 2016/1624 mill-31 ta’ Diċembru 2020.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    • Huwa japplika mill-4 ta’ Diċembru 2019.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Ritorn: il-proċess ta’ ċittadin mhux tal-UE li jmur lura b’mod volontarju jew infurzat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, pajjiż ta’ tranżitu miftiehem, jew Stat Membru ieħor tal-UE li l-persuna kkonċernata tiddeċiedi li tirritorna lejh b’mod volontarju u fejn ser tiġi aċċettata.
    Saffi tal-informazzjoni: l-istampi tas-sitwazzjonijiet (ara d-daħla li jmiss) fihom tlett saffi ta’ informazzjoni:
    • saff dwar avvenimenti (rapporti dwar avvenimenti li jista’ jkollhom impatt fuq il-fruntiera esterna);
    • saff operazzjonali (rapporti dwar l-assi tal-Istati Membri, rapporti dwar pjanijiet operazzjonali, kif ukoll rapporti dwar informazzjoni ambjentali, inkluż b’mod partikolari informazzjoni meteoroloġika u oċeanografika); u
    • saff ta’ analiżi, ibbażat fuq rapporti ta’ analiżi tar-riskji. Rapporti ta’ analiżi għandhom l-għan li jtejbu l-ftehim tal-avvenimenti fuq il-fruntiera esterna, li jistgħu jiffaċilitaw it-tbassir ta’ xejriet, l-ippjanar u t-twettieq tal-operazzjonijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif ukoll l-analiżi strateġika tar-riskji.
    Stampi tas-sitwazzjonijiet: dawn fihom informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fuq il-fruntieri Ewropej u ż-żona ta’ qabilha.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1-131)

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/581 tad-9 ta’ April 2021 dwar stampi tas-sitwazzjonijiet tas-Sistema Ewropea dwar is-Sorveljanza tal-Fruntiera (EUROSUR) (ĠU L 124, 12.4.2021, pp. 3-39)

    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 1-52)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/399 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    l-aħħar aġġornament 29.05.2021

    Fuq