Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0409

    Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni

    Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Ewropa Globali — l-Istrument tal-UE ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

    Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (KE, Euratom ) Nru 480/2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Huwa jistabbilixxi regoli għall-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni tal-UE.
    • Il-fond għandu l-għan li jipproteġi l-baġit tal-UE mir-riskji baġitarji relatati ma’ self, u garanziji li jkopru s-self, li jingħataw lil pajjiżi li mhumiex fl-UE jew għal proġetti implimentati f’dawn il-pajjiżi.

    PUNTI EWLENIN

    • B’riżultat tas-self tiegħu lil pajjiżi li mhumiex fl-UE u l-garanziji li jkopru s-self biex jiġu ffinanzjati operazzjonijiet ta’ investiment f’dawn il-pajjiżi, l-UE hija esposta għal riskji finanzjarji konsiderevoli.
    • Dan ir-regolament jiddeskrivi kif jaħdem il-Fond ta’ Garanzija tal-UE u jistabbilixxi l-proċedura għat-twettiq tagħha u r-regoli għall-ġestjoni tagħha.

    Missjoni

    Il-missjoni tal-fond għall-azzjonijiet esterni hija li jħallas lill-kredituri tal-UE fil-każ ta’ inadempjenza mill-benefiċjarju fir-rigward ta’:

    Barra minn hekk, il-fond jista’ jkopri biss self u garanziji pprovduti għall-benefiċċju ta’ pajjiż mhux tal-UE jew bil-għan li jiffinanzja proġetti f’pajjiż mhux tal-UE.

    Ġestjoni u kontribut finanzjarju

    Il-Kummissjoni Ewropea tafda l-ġestjoni finanzjarja tal-fond f’idejn il-BEI b’mandat mill-UE. Il-fond huwa mogħni bi:

    • il-possibbiltà ta’ pagament annwali mill-baġit tal-UE (jekk ikun meħtieġ);
    • imgħax fuq ir-riżorsi investiti tal-fond;
    • ammonti rkuprati minn debituri li ma jħallsux.

    Ir-regolament ġie emendat bir-Regolament (UE) 2018/409 li żied ir-raba’ sors ta’ fondi: dħul mill-premium tar-riskju* iġġenerat minn operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li għalihom l-UE tipprovdi garanzija remunerata.

    Ammont fil-mira u trasferiment annwali

    • L-ammont fil-mira jirreferi għall-ammont ta’ riżorsi meħtieġa mill-fond sabiex jissodisfa l-missjoni tiegħu. L-ammont fil-mira tal-fond huwa stabbilit fil-livell ta’ 9 % tat-total tal-obbligi kapitali pendenti* li jirriżulta minn kull self jew operazzjoni ta’ garanzija, biż-żieda tal-imgħax dovut li ma tkunx tħallset.
    • Ir-Regolament (UE) 2018/409 introduċa emenda li biha jekk l-ammont tal-fond jaqbeż 10 % tat-total tal-obbligi kapitali pendenti, is-surplus ikollu jitħallas lura fil-baġit ġenerali tal-UE. Dan jgħin biex jipproteġi aħjar il-baġit ġenerali tal-UE mir-riskju ta’ inadempjenza addizzjonali potenzjali tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ migrazzjoni fit-tul.
    • It-trasferiment annwali mill-baġit tal-UE għall-fond jiġi kkalkolat billi jiġi applikat l-ammont fil-mira mal-ammont ta’ self pendenti mogħti u garantit. Id-differenza bejn l-ammont fil-mira u l-valur attwali tal-assi tal-fond titħallas jew mill-baġit ġenerali tal-UE għall-fond, jew mill-fond għall-baġit tal-UE f’każ li jirriżulta surplus fil-fond.
    • L-ammont ta’ proviżjonament* li jiġi kkalkolat fil-bidu tas-sena finanzjarja “n” abbażi ta’ self mogħti u garantit matul is-sena finanzjarja preċedenti (“n – 1”). L-ammont ikkalkolat jiġi inkluż fil-baġit tas-sena n + 1. Għalhekk hemm dewmien ta’ madwar sentejn bejn iż-żmien meta l-ammonti jsiru obbligi u l-proviżjonament attwali tal-fond.

    Rapportar

    Obbligazzjonijiet tal-Kummissjoni:

    • sat-30 ta’ Ġunju 2019 tippreżenta valutazzjoni esterna indipendenti tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-affidament tal-ġestjoni finanzjarja tal-assi tal-fond u dawk tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli f’idejn il-Kummissjoni, l-BEI jew f’idejn dawn it-tnejn flimkien;
    • kull sena, tippreżenta rapport dwar il-preżentazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja rigward il-funzjonament tal-fond fl-aħħar tas-sena kalendarja preċedenti, inkluża informazzjoni dettaljata dwar il-kapital pendenti tas-self garantit, jew tal-assi tal-fond matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ukoll il-konklużjonijiet u t-tagħlimiet miksuba. Dan għandu jinkludi informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja u l-prestazzjoni u r-riskju tal-fond fl-aħħar tas-sena kalendarja preċedenti. Mill-2019 u mbagħad kull tliet snin, ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-adegwatezza tal-mira ta’ 9 % u l-limitu ta’ 10 % għal fond.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 480/2009 ilu japplika mit-30 ta’ Ġunju 2009.

    Ir-Regolament emendatorju (UE) 2018/409 ilu japplika mit-8 ta’ April 2018.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Dħul mill-Premium tar-Riskju: il-premium tar-riskju huwa kwalunkwe dħul li jirċievi investitur barra l-kalkolu tar-rata mingħajr riskju (eż. ir-rata tad-dħul fuq investiment teoretikament mingħajr riskju bħalma hu bond tal-gvern). Pereżempju, jekk il-kalkolu tad-dħul fuq investiment huwa 12 % u r-rata mingħajr riskju hija 2 %, il-premium tar-riskju huwa 10 %.
    Obbligi kapitali pendenti: kapital li jkun ġie misluf iżda li ma jkunx tħallas lura.
    Ammont ta’ proviżjonament: ammont imwarrab biex ikopri obbligi fil-ġejjieni.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 145, 10.6.2009, pp. 10-14)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE, Euratom) Nru 480/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENT RELATAT

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Fond ta’ Garanzija għall-Azzjonijiet Esterni u l-ġestjoni tiegħu fl-2015 (COM(2016) 439 finali, 5.7.2016)

    l-aħħar aġġornament 25.10.2019

    Fuq