Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1153

    Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili

    Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili

     

    SOMMARJU TA’:

    Ftehim dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1075 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1153 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

    • Il-ftehim għandu l-għan li jevita duplikazzjoni mhux meħtieġa fl-evalwazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili u b’hekk inaqqas l-ispejjeż għas-settur tal-avjazzjoni, jippromwovi s-sikurezza tal-avjazzjoni u l-kompatibbiltà ambjentali u jiffaċilita l-aċċess għas-swieq ajrunawtiċi ta’ xulxin.
    • Id-Deċiżjoni (UE) 2018/1153 tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim mill-UE.
    • Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1075 tikkonkludi l-ftehim f’isem l-UE.

    PUNTI EWLENIN

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Il-ftehim jista’ jkopri għadd ta’ oqsma ta’ kooperazzjoni, inklużi:

    • ċertifikati ta’ ajrunavigabbiltà u l-monitoraġġ ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili*;
    • l-ittestjar ambjentali u ċertifikati ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili;
    • iċ-ċertifikazzjoni u l-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni;
    • iċ-ċertifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet ta’ manutenzjoni;
    • il-liċenzjar u t-taħriġ tal-persunal;
    • it-tħaddim tal-inġenji tal-ajru;
    • is-servizzi tat-traffiku tal-ajru u ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

    Obbligi ġenerali

    • L-UE u ċ-Ċina se jaċċettaw is-sejbiet tal-konformità u ċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet tal-parti l-oħra, kif speċifikat fl-anness dwar l-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali tal-ftehim.
    • Sakemm ma jkunx speċifikat, il-ftehim ma jinvolvix aċċettazzjoni reċiproka jew rikonoxximent tal-istandards jew ir-regolamenti tekniċi tal-parti l-oħra.
    • L-awtoritajiet rispettivi tal-avjazzjoni ċivili, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (ara s-sommarju) u l-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili taċ-Ċina, se jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-anness.

    Kooperazzjoni

    Iż-żewġ partijiet jaqblu li jikkooperaw b’diversi modi, fosthom li:

    • jinfurmaw lil xulxin dwar il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards u r-rekwiżiti rilevanti kollha, kif ukoll is-sistemi rispettivi tagħhom għall-ħruġ taċ-ċertifikati, u r-reviżjonijiet tagħhom;
    • jippermettu lil xulxin li jipparteċipaw bħala osservaturi biex jinvestigaw u jsolvu kwistjonijiet ta’ sikurezza;
    • jiskambjaw informazzjoni dwar is-sikurezza;
    • jikkooperaw u jassistu fil-proċeduri ta’ investigazzjoni u infurzar.

    Kumitat konġunt

    Il-funzjonament effettiv tal-ftehim huwa sorveljat minn kumitat konġunt magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ partijiet li jiltaqgħu regolarment.

    DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

    Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2020.

    SFOND

    Il-ftehim huwa wieħed mill-għanijiet konkreti tal-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE — ara s-sommarju.

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Prodott ajrunawtiku ċivili: kwalunkwe inġenju tal-ajru ċivili, magna ta’ inġenju tal-ajru, jew skrun ta’ inġenju tal-ajru jew sottounità, apparat, jew parti installata jew li għandha tiġi installata fuqu.

    DOKUMENTI EWLENIN

    Ftehim dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 240, 24.7.2020, pp. 4-23)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1075 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 240, 24.7.2020, pp. 1-3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1153 tas-26 ta’ Ġunju 2018 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 210, 21.8.2018, p. 2)

    DOKUMENTI RELATATI

    Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 3, 7.1.2021, p. 3)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa (COM(2015) 598 final, 7.12.2015)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni — Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur (COM (2012) 556 final, 27.9.2012)

    l-aħħar aġġornament 26.10.2020

    Fuq