Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1208(02)

    Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

    Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

     

    SOMMARJU TA’:

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 — Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 855 — li temenda d-Deċiżjoni C(2015) 9500

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 2293 — Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1500 li temenda d-Deċiżjoni C(2015) 9500 — il-kontribuzzjoni lejn il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

    X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN ID-DEĊIŻJONIJIET?

    • L-għan tad-Deċiżjoni C(2015) 9500 huwa li tgħin lit-Turkija tindirizza l-fluss tad-dħul tar-refuġjati* b’riżultat tal-kriżi Sirjana, peress li t-Turkija hija pajjiż ewlieni tal-ewwel akkoljenza u tranżitu għall-migranti minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha. Din tistabbilixxi l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (il-“Faċilità”).
    • Id-Deċiżjoni C(2016) 855 temenda d-Deċiżjoni C(2015) 9500, billi tikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjonijiet li mhumiex assistenza umanitarja, li l-Faċilità se tikkoordina, u r-rwol u t-tħaddim tal-kumitat tat-tmexxija tal-Faċilità. Se timmodifika wkoll it-tqassim tal-allokazzjonijiet bejn il-baġit ġenerali tal-UE u l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE.
    • Id-Deċiżjoni C(2017) 2293 temenda d-Deċiżjoni C(2015) 9500, billi tikkjarifika li l-ebda mgħax mhuwa dovut għall-ħlas tardiv minn pajjiż tal-UE ta’ kontribuzzjoni lill-Faċilità.
    • Id-Deċiżjoni C(2018) 1500 temenda d-Deċiżjoni C(2015) 9500, billi tagħti ħlas parzjali addizzjonali ta’ EUR 3 biljun għall-Faċilità kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016.

    IL-PUNTI EWLENIN TAD-DEĊIŻJONI TAL-2015

    • Sabiex it-Turkija tiġi megħjuna tindirizza l-ħtiġijiet umanitarji u ta’ żvilupp immedjati tar-refuġjati, tal-komunitajiet ospitanti tagħhom, tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, huwa stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni: il-Faċilità għar-Refuġjati.
    • L-objettiv tal-Faċilità huwa li tiżgura li l-azzjonijiet iffinanzjati bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-pajjiżi tal-UE u mill-baġit ġenerali tal-UE jiġu kkoordinati u ssimplifikati kif xieraq.
    • Il-baġit stabbilit għall-Faċilità huwa ta’ EUR 3 biljun, li jinkludi:
      • EUR 0.5 biljun mill-baġit tal-UE; u
      • EUR 2.5 biljun fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi tal-UE bħala dħul assenjat esternament*, skont tqassim stabbilit fl-anness għad-deċiżjoni u abbażi tal-Matriċi tal-Introjtu Nazzjonali Gross*.
    • Il-Kummissjoni Ewropea tikkoordina l-Faċilità billi tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
    • Il-Faċilità hija mmexxija minn kumitat ta’ tmexxija li jipprovdi gwida strateġika. Dan il-kumitat huwa magħmul minn żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u minn rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE, kif ukoll rappreżentant tat-Turkija f’kapaċità konsultattiva. Il-Kummissjoni tippresjedi l-kumitat u tipprovdi s-segretarjat tiegħu.
    • Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tal-Faċilità f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti li tipprovdi l-bażi ġuridika għall-azzjonijiet rispettivi u l-implimentazzjoni tagħhom.

    Emendi fl-2016, l-2017 u l-2018

    Id-deċiżjoni ġiet emendata fl-2016 mid-Deċiżjoni C/2016/855:

    • Il-mekkaniżmu jingħata l-isem ġdid “Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija”.
    • Din tikkjarifika t-tipi ta’ miżuri għar-refuġjati li jistgħu jiġu kkoordinati permezz tal-Faċilità. Dawn jinkludu
      • l-assistenza umanitarja;
      • l-edukazzjoni;
      • is-saħħa;
      • l-appoġġ soċjoekonomiku;
      • il-ġestjoni tal-migrazzjoni; u
      • l-infrastruttura muniċipali.
    • Ir-rwol u l-funzjonament tal-kumitat tat-tmexxija jiġu spjegati f’aktar dettall.
    • Il-baġit tal-Faċilità huwa rivedut kif ġej:
      • fi ħdan il-baġit ta’ EUR 3 biljun, is-sehem tal-kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-UE jiżdied għal terz;
      • is-sehem tal-pajjiżi tal-UE jitnaqqas għal EUR 2 biljun;
      • it-tqassim tal-kontribuzzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE huwa bbażat fuq il-Matriċi tal-Introjtu Nazzjonali Gross li ntużat għall-baġit tal-2015 (l-anness tħassar).

    Minħabba li d-deċiżjoni baqgħet tirreferi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE, id-deċiżjoni ġiet emendata t-tieni darba fl-2017 mid-Deċiżjoni C(2017) 2293. Din tikkjarifika li:

    • il-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE għall-Faċilità huma volontarji u, għall-kuntrarju tal-każ tar-riżorsi proprji tal-UE (jiġifieri s-sorsi ewlenin tad-dħul tal-baġit tal-UE), ma jikkorrispondux għal obbligu diġà eżistenti;
    • bħala eċċezzjoni għar-regoli finanzjarji li japplikaw għall-baġit ġenerali tal-UE, mhuwa dovut l-ebda mgħax għall-ħlas tardiv minn pajjiż tal-UE ta’ kontribuzzjoni lill-Faċilità.

    Fl-2018, id-deċiżjoni reġgħet ġiet emendata wara l-impenn li għamlet l-UE fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija fl-2016 biex timmobilizza EUR 3 biljuni oħra taħt il-Faċilità għar-Refuġjati, taħt ċerti kundizzjonijiet, minħabba li t-EUR 3 biljun li ġew allokati inizjalment kienu waslu biex jintużaw għalkollox. Dan it-tieni ħlas parzjali — biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-Faċilità għall-perjodu 2018-2019 — isegwi l-istess mudell ta’ distribuzzjoni (jiġifieri EUR 2 biljun mill-pajjiżi tal-UE u EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE).

    Rapporti

    Il-Kummissjoni tippubblika rapporti annwali dwar l-operazzjonijiet tal-Faċilità.

    META DAĦLU FIS-SEĦĦ ID-DEĊIŻJONIJIET?

    • Id-Deċiżjoni C(2015) 9500 ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016.
    • Id-Deċiżjoni C(2016) 855 ilha tapplika mis-7 ta’ Marzu 2016.
    • Id-Deċiżjoni C(2017) 2293 ilha tapplika retroattivament mill-10 ta’ Frar 2016, sabiex jiġu koperti l-kontribuzzjonijiet li diġà saru mill-pajjiżi tal-UE.
    • Id-Deċiżjoni C(2018) 1500 ilha tapplika mill-14 ta’ Marzu 2018.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Refuġjati: persuni sfurzati li jitilqu minn pajjiżhom u jfittxu refuġju mill-kunflitti, mill-vjolenza, mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, mill-persekuzzjonijiet u mid-diżastri naturali.
    Dħul assenjat esternament: fondi li ma jagħmlux parti mill-baġit tal-UE u li joriġinaw separatament mill-partijiet li jieħdu sehem fil-Faċilità.
    Matriċi tal-Introjtu Nazzjonali Gross: matriċi li tinkludi data dwar l-Introjtu Nazzjonali Gross tal-pajjiżi li tintuża biex jiġi ddeterminat qsim ġust tal-piżijiet.

    DOKUMENTI EWLENIN

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)1500 tal-14 ta’ Marzu 2018 dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjoni lejn il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (ĠU C 106, 21.3.2018, pp. 4-6)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — It-Tieni Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2018) 91 final, 14.3.2018)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 2293 tat-18 ta’ April 2017 dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015 (ĠU C 122, 19.4.2017, pp. 4-5)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — L-Ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2017) 130 final, 2.3.2017)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 855 tal-10 ta’ Frar 2016 dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015 (ĠU C 60, 16.2.2016, pp. 3-6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni — il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija (ĠU C 407, 8.12.2015, pp. 8-13)

    L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni C(2015) 9500 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, pp. 1-96)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 13.10.2017

    Fuq