EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1381

Niżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tad-drittijiet

Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Programm dwar iċ-ċittadini, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-valuri (2021-2027)' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

Niżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tad-drittijiet

Dan ir-regolament jistabbilixxi Programm tal-UE dwar id-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza ġdid għall-2014 sal-2020, bl-għan li jħares u jippromwovi d-drittijiet u l-libertajiet speċifiċi tal-poplu skont il-liġi tal-UE.

ATT

Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perijodu 2014 sa 2020.

SOMMARJU

L-għan prinċipali ta’ dan il-programm huwa li jkompli jiżviluppa żona tal-UE fejn l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-persuni jiġu promossi, protetti u implimentati bl-istess mod. Dan jiffoka fuq il-finanzjament ta’ proġetti li ser iġibu riżultati b’valur miżjud għall-Ewropa, inklużi proġetti transnazzjonali, proġetti nazzjonali u proġetti fuq skala żgħira.

Il-programm għandu diversi għanijiet speċifiċi:

  • li jippromwovi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u jirrispetta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
  • li jpprevjeni u jiġġieled ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija u forom oħra ta’ intolleranza,
  • li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilità ,
  • li jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jtejjeb l-integrazzjoni bejn is-sessi,
  • li jipprevjeni u jiġġieled kull forma ta’ vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, kif ukoll il-vjolenza kontra gruppi oħra f’riskju, u jipproteġi l-vittmi ta’ tali vjolenza,
  • li jippromwovi u jħares id-drittijiet tat-tfal,
  • li jappoġġa l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali,
  • li jappoġġa l-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadinanza fl-UE,
  • li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi jew lill-imprendituri tal-UE biex igawdu d-drittijiet kollha tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-proġetti ffinanzjati taħt il-Programm tal-Konsumatur.

Tipi ta’ proġetti

Sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu, il-programm ser jiffinanzja diversi proġetti differenti. Dawn jinkludu l-ġbir ta’ dejta u statistika; studji, riċerki, analiżi u stħarriġ; attivitajiet ta’ taħriġ; attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku, kooperazzjoni, sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni; appoġġ lill-atturi prinċipali, bħall-NGOs bi proġetti li jġibu valur miżjud Ewropew fid-drittijiet, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza.

Min jista’ jipparteċipa?

Il-programm huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet kollha legalment stabbiliti fl-UE. Jista’ jkun miftuħ ukoll għall-organizzazzjonijiet legalment stabbiliti fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), u f’pajjiżi kandidati tal-UE, kandidati potenzjali u pajjiżi li ser jingħaqdu mal-UE, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti. L-organizzazzjonijiet bi skop ta’ qligħ jistgħu jissieħbu biss jekk jaħdmu ma’ organizzazzjoni bla skop ta’ qligħ jew pubblika.

Il-proġett huwa bbażat fuq programmi ta’ ħidma annwali u għandu baġit totali ta’ €439.473 miljun. L-implimentazzjoni tiegħu ser tkun issorveljata u evalwata regolarment.

Il-programm il-ġdid jieħu post il-programmi Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza u Daphne III, u żewġ oqsma - Anti-diskriminazzjoni u Diversità u Ugwaljanza bejn is-Sessi - tal-Programm għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali (PROGRESS) mill-2007-2013.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1381/2013

29.12.2013

-

ĠU L 354 tat-28.12.2013

L-aħħar aġġornament: 29.08.2014

Fuq