Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1379

Is-suq tal-UE għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

Is-suq tal-UE għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 — organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Bħala parti mir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tal-UE, ir-Regolament jirrevedi l-għanijiet u r-regolamentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (it-trobbija tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra).

PUNTI EWLENIN

L-iskema tkopri 5 oqsma ewlenin:

  • l-organizzazzjonijiet professjonali;
  • l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni;
  • l-informazzjoni għall-konsumatur;
  • ir-regoli tal-kompetizzjoni;
  • l-intelliġenza dwar is-suq (il-ġbir u l-analiżi tad-data tas-suq rilevanti li għandha tintuża bħala bażi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet).

L-organizzazzjonijiet professjonali

  • Ir-Regolament jistabbilixxi għadd ta’ miri speċifiċi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inklużi l-promozzjoni ta’ sajd sostenibbli u t-tnaqqis tal-iskartar.
  • Ir-riforma tiffoka wkoll fuq l-immaniġġjar kollettiv tal-attivitajiet permezz ta’ pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni. Ir-regoli u l-istruttura ta’ dawn il-pjanijiet huma pprovduti f’Regolament ta’ Implimentazzjoni sussegwenti, u l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet rakkomandazzjonijiet biex tiffaċilita r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan ir-rigward.
  • Ir-regoli dwar ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali huma stabbiliti fit-test u f’regolament ta’ implimentazzjoni ulterjuri.

L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni

Ġew stabbiliti standards ta’ kummerċjalizzazzjoni komuni għall-prodotti tas-sajd, irrispettivament minn jekk l-oriġini tagħhom hijiex mill-UE jew inkella barra minnha. Dawk il-prodotti tas-sajd li ma jikkonformawx ma’ dawn l-istandards xorta waħda jistgħu jintużaw għal skopijiet oħrajn minbarra għall-konsum dirett mill-bniedem (eż. bħala ikel għall-annimali domestiċi, prodotti kożmetiċi).

L-informazzjoni għall-konsumatur

It-tikkettar għall-konsumaturi jrid jindika:

  • id-deżinjazzjoni kummerċjali tal-ispeċi (jiġifieri l-isem jew l-ismijiet aċċettat(i) jew permess(i) lokalment jew fuq livell reġjonali f’pajjiż) u l-isem xjentifiku tal-ispeċi;
  • il-metodu tal-produzzjoni;
  • fejn ikun inqabad jew trabba l-prodott u t-tip ta’ rkaptu tas-sajd użat;
  • jekk il-prodott ġiex iddifrostjat;
  • id-data ta’ skadenza, fejn xieraq.

Ir-regoli tal-kompetizzjoni

Filwaqt li l-organizzazzjoni komuni tas-swieq hija soġġetta għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, jeżistu ċerti eċċezzjonijiet li jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-politika u l-kisba tal-objettivi tal-UE (eż. l-aġġustament tal-livell ta’ produzzjoni tal-membri).

L-intelliġenza dwar is-suq

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi intelliġenza dwar is-suq għall-organizzazzjonijiet professjonali, il-partijiet ikkonċernati u dawk li jfasslu l-politiki permezz tad-disseminazzjoni ta’ għarfien ekonomiku, analiżi tas-suq u monitoraġġ tal-prezzijiet.

Il-pandemija tal-COVID-19 — emenda għar-regolament

  • Ir-Regolament (UE) 2020/560 jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 li jintroduċi miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Kien hemm tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura wara l-pandemija tal-COVID-19 b’konsegwenzi soċjoekonomiċi serji f’dawk il-komunitajiet fejn is-sajd u l-akkwakultura għandhom rwol ewlieni.
  • Ir-regolament emendat għandu l-għan li jippermetti ridistribuzzjoni aktar flessibbli tar-riżorsi finanzjarji fil-programmi operazzjonali f’kull pajjiż tal-UE u li jissimplifika l-proċedura għall-emendar tal-programmi operazzjonali meta jiġu introdotti miżuri ġodda.
  • Minħabba r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-ġestjoni tal-kriżi, il-limitu massimu għall-appoġġ finanzjarju għall-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni qed jiżdied b’mod sostanzjali u l-pajjiżi tal-UE huma permessi jagħtu avvanzi sa 100 % ta’ dak l-appoġġ finanzjarju. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jintuża l-mekkaniżmu tal-għajnuna għall-ħżin ġiet estiża għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-akkwakultura,

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Dan ir-Regolament huwa t-tieni minn tliet elementi fil-pakkett leġiżlattiv ta’ riforma tal-PKS. Dan jakkumpanja r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-PKS (ara s-sommarju) u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ara s-sommarju).

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 1-21)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/117/EU tat-3 ta’ Marzu 2014 dwar it-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Produzzjoni u Kummerċjalizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 65, 5.3.2014, pp. 31-38)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1418/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 353, 28.12.2013, pp. 40-42)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1419/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, l-estensjoni tar-regoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-pubblikazzjoni ta’ prezzijiet skattaturi kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 353, 28.12.2013, pp. 43-47)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1420/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 347/96, (KE) Nru 1924/2000, (KE) Nru 1925/2000, (KE) Nru 2508/2000, (KE) Nru 2509/2000, (KE) Nru 2813/2000, (KE) Nru 2814/2000, (KE) Nru 150/2001, (KE) Nru 939/2001, (KE) Nru 1813/2001, (KE) Nru 2065/2001, (KE) Nru 2183/2001, (KE) Nru 2318/2001, (KE) Nru 2493/2001, (KE) Nru 2306/2002, (KE) Nru 802/2006, (KE) Nru 2003/2006, (KE) Nru 696/2008 u (KE) Nru 248/2009 wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 353, 28.12.2013, pp. 48-50)

l-aħħar aġġornament 04.06.2020

Fuq