Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1077

    eu-LISA: it-tmexxija ta’ sistemi tal-IT fil-qasam ta’ kontrolli fil-fruntieri u tal-migrazzjoni

    Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA)' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

    eu-LISA: it-tmexxija ta’ sistemi tal-IT fil-qasam ta’ kontrolli fil-fruntieri u tal-migrazzjoni

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

    X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

    • Dan formalment jistabbilixxi l-eu-LISA, li hija l-aġenzija tal-UE responsabbli għat-tmexxija ta’ sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) fuq skala kbira relevanti għal-libertà, sigurtà u ġustizzja.
    • Huwa jiddefinixxi wkoll l-istatus legali tal-aġenzija, il-kompiti u l-istruttura tal-ġestjoni interna tagħha (organizzazzjoni interna u ta’ governanza).

    PUNTI EWLENIN

    Il-missjoni ewlenija tal-eu-LISA hija li:

    • tipprovdi lill-pajjiżi tal-UE b’soluzzjonijiet ta’ kwalità għolja għas-sistemi eżistenti tal-IT fuq skala kbira u oħrajn li jistgħu jiġu żviluppati fil-futur;
    • tibni fiduċja fost l-atturi involuti kollha u tiżgura li tintuża l-aqwa teknoloġija disponibbli, soġġetta għall-analiżi kost-benefiċċji, għas-sistemi l-ħin kollu;
    • tikber bħala ċentru ta’ eċċellenza.

    Servizz sikur u mingħajr interruzzjoni għal sistemi tal-IT fuq skala kbira

    Il-kompitu operattiv ewlieni ta’ eu-LISA huwa li tiżgura li dawn is-sistemi tal-IT jibqgħu jiffunzjonaw 24/7. Tipprovdi ambjent sikur għall-operazzjoni kontinwa ta’ 3 sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni tal-UE essenzjali għas-salvagwardja taż-żona Schengen u ġestjoni tal-fruntieri u għall-implimentazzjoni tal-ażil u l-politiki tal-viża, jiġifieri:

    • Eurodac (bażi ta’ dejta dattiloskopika tal-asil tal-UE) li, billi tqabbel il-marki tas-swaba’, tgħin biex tiddetermina r-responsabbiltà għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-asil fl-UE. It-28 pajjiż tal-UE, kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera bħala pajjiżi assoċjati, jużaw is-sistema;
    • SIS II (sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni) li tippermetti skambji ta’ informazzjoni bejn il-kontroll tal-fruntiera nazzjonali, id-dwana u l-awtoritajiet tal-pulizija sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fiż-żona Schengen. Il-pajjiżi tal-UE (għajr l-Irlanda, il-Kroazja u Ċipru) u l-4 pajjiżi assoċjati jużaw is-sistema. Ir-Renju Unit iħaddem biss l-aspett tal-infurzar tal-liġi tas-SIS;
    • VIS (sistema ta’ informazzjoni dwar il-Viża) li tappoġġja l-implimentazzjoni tal-politika ta’ viża komuni tal-UE. Din tippermetti lill-pajjiżi ta’ Schengen biex jiskambjaw informazzjoni dwar il-viża, jiġifieri deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal viżas ta’ żmien qasir biex iżuru jew jgħaddu miż-żona Schengen. Il-pajjiżi tal-UE (għajr il-Bulgarija, l-Irlanda, il-Kroazja, Ċipru, ir-Rumanija u r-Renju Unit) u l-4 pajjiżi assoċjati jużaw is-sistema.

    eu-LISA hija responsabbli wkoll għal:

    • l-iskambju tad-dejta kontinwu u sikur bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi ta’ eu-LISA u l-kooperazzjoni bejn l-korpi tal-infurzar tal-liġi rilevanti tal-UE;
    • it-tfassil, l-iżvilupp, il-bidu u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ġodda;
    • l-implimentazzjoni ta’ proġetti pilota fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea;
    • salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta taċ-ċittadini miżmuma fis-sistemi tal-IT.

    Struttura u governanza

    eu-LISA hija legalment u finanzjament awtonoma. Is-sede tagħha jinsab f’Tallinn (l-Estonja). It-tmexxija operattiva tagħha ssir fi Strasburgu (Franza) u s-sede ta’ back-up tinsab f’Sankt Johann im Pongau (l-Awstrija).

    L-istruttura amministrattiva u ta’ tmexxija tagħha tikkonsisti f’Bord ta’ Tmexxija, Direttur Eżekuttiv u gruppi konsultattivi dwar SIS II, VIS u Eurodac.

    Sistema ta’ Dħul/Ħruġ Ewropea

    Fl-2017, l-UE adottat ir-Regolament (UE) 2017/2226 il-ħolqien ta’ sistema ġdida tal-IT, Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), sabiex itejjeb il-kontroll fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen. eu-LISA hija mogħtija l-kompitu li tiżviluppa l-EES u tiżgura t-tmexxija operattiva.

    Rapport

    Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha fejn ġiet evalwata l-operazzjoni ta’ eu-LISA sa mit-twaqqif tagħha. Il-konklużjonijiet tar-rapport kienu ġeneralment pożittivi, isemmu li eu-LISA hija effiċjenti, li qed tikber fl-importanza tagħha u li stabbilixxiet ruħha bħala fornitur affidabbli ta’ tmexxija operattiva tas-SIS, VIS u Eurodac.

    MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

    Ilu japplika mill-21 ta’ Novembru 2011. eu-LISA bdiet l-operazzjonijiet tagħha fl-1 ta’ Diċembru 2012.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    ID-DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, pp. 1–17).

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-funzjonament tal-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA) (COM(2017)346 finali, 29.6.2017)

    Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) sabiex tiġi rreġistrata data ta’ dħul u ħruġ u rifjut ta’ dħul ta’ data ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-ESS għall-iskopijiet tal-infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, pp. 20-82)

    l-aħħar aġġornament 21.06.2018

    Fuq