Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0218

    Statistika tal-qbid għas-sajd fl-Atlantiku

    Statistika tal-qbid għas-sajd fl-Atlantiku

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (KE) Nru 216/2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f’ċerti żoni li mhumiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana

    Ir-Regolament (KE) Nru 217/2009 dwar il-preżentazzjoni tal-istatistika tal-qabda u tal-attività mill-Istati Membri li jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku

    X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN IR-REGOLAMENTI?

    It-3 regolamenti jikkonċernaw il-preżentazzjoni mill-pajjiżi tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) ta’ statistika preċiża u f’waqtha dwar il-qbid minn bastimenti tas-sajd:

    • fl-Atlantiku tal-Majjistral — ir-Regolament (KE) Nru 217/2009;
    • fl-Atlantiku tal-Grigal — ir-Regolament (KE) Nru 218/2009;
    • f’żoni minbarra l-Atlantiku tat-Tramuntana, jiġifieri l-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant, il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, l-Atlantiku tal-Lbiċ, l-Atlantiku tax-Xlokk, l-Oċean Indjan tal-Punent — ir-Regolament (KE) Nru 216/2009.

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 217/2009, (KE) Nru 218/2009 u (KE) Nru 216/2009 iħassru u jirrevedu regolamenti tal-UE diġà eżistenti dwar l-istatistika tal-attività u l-qbid tas-sajd (ir-Regolamenti (KEE) Nru 2018/93, (KEE) Nru 3880/91 u (KE) Nru 2597/95 rispettivament).

    PUNTI EWLENIN

    Kull wieħed mir-regolamenti jitlob lill-pajjiżi tal-UE jippreżentaw lill-Kummissjoni (Eurostat) data dwar il-qbid nominali* annwali minn bastimenti rreġistrati f’dak il-pajjiż jew li jtajru l-bandiera tiegħu. Id-data tiġi rreġistrata bħala ekwivalenti ta’ piż ħaj tal-iżbarki (il-ħut li jinħatt fuq ix-xatt) jew trasbordi* għall-eqreb tunnellata.

    Kull regolament jispeċifika d-data sa meta l-pajjiżi jridu jipprovdu d-data mitluba lill-Kummissjoni (Eurostat) u l-formati li fihom trid tiġi trażmessa d-data.

    Fir-rigward tas-sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, ir-Regolament (KE) Nru 217/2009 barra minn hekk jitlob data dwar qabdiet u attività tas-sajd korrispondenti mqassma skont ix-xahar kalendarju tal-qabda, l-irkaptu tas-sajd, id-daqs tal-bastimenti u l-ispeċijiet ewlenin imfittxija. Jekk il-pajjiż inkwistjoni ma jkunx stad fl-Atlantiku tal-Majjistral fis-sena kalendarja preċedenti, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.

    Il-Kummissjoni tista’ temenda l-listi ta’ speċijiet u r-reġjuni tas-sajd statistiċi, id-deskrizzjonijiet ta’ dawk ir-reġjuni tas-sajd u l-livell ta’ aggregazzjoni tad-data permess.

    Ħlief fejn ir-regoli adottati skont il-politika komuni tas-sajd tal-UE jitolbu mod ieħor, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jużaw tekniki ta’ kampjunar biex jiksbu data ta’ qbid għal dawk il-partijiet tal-bastiment li għalihom il-kopertura sħiħa tad-data tinvolvi l-applikazzjoni eċċessiva ta’ proċeduri amministrattivi.

    Il-pajjiżi tal-UE kellhom jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni li fihom jipprovdu:

    • dettalji ta’ kif kisbu d-data tagħhom,
    • kwalunkwe proċeduri ta’ kampjunar użati,
    • il-proporzjon tad-data totali miksuba permezz tal-kampjunar u
    • jispeċifikaw il-livell ta’ rappreżentanza u affidabbiltà ta’ dik id-data.

    Dawn ir-rapporti jridu jiġu ppreżentati sa:

    • l-1 ta’ Jannar 1993 (ir-Regolament (KE) Nru 218/2009),
    • it-28 ta’ Lulju 1994 (ir-Regolament (KE) Nru 217/2009) u
    • l-14 ta’ Novembru 1996 (ir-Regolament (KE) Nru 216/2009).

    META JIBDEW JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

    Dawn jibdew japplikaw mill-20 ta’ April 2009.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Qbid nominali: jinkludi kull prodott tas-sajd żbarkat jew trasbordat fuq il-baħar irrispettivament mill-forma tiegħu iżda ma jinkludix il-kwantitajiet li, wara l-qbid, jintremew fil-baħar, jiġu kkunsmati abbord jew jintużaw bħala lixka abbord.
    Trasbordi: it-trasferiment ta’ qabda minn bastiment iżgħar tas-sajd lejn wieħed ikbar li mbagħad jinkorporaha f’lott akbar għat-trasport bil-baħar.

    DOKUMENTI EWLENIN

    Ir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f’ċerti żoni li mhumiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 87, 31.3.2009, pp. 1-41)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 216/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Ir-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni tal-istatistika tal-qabda u tal-attività mill-Istati Membri li jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 87. 31.3.2009, pp. 42-69)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (tfassil mill-ġdid) ĠU L 87, 31.3.2009, pp. 70-108)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 04.12.2017

    Fuq