Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008F0913

    Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali

    Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali

    L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huwa li tiżgura li ċerti manifestazzjonijiet serji ta’ razziżmu u ksenofobija jiġu kkastigati permezz ta’ penali kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha. Barra minn hekk, għandha l-għan illi ttejjeb u tinkoraġġixxi kooperazzjoni ġudizzjarja f’dan il-qasam.

    ATT

    Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali.

    SOMMARJU

    Bħala segwitu għall-Azzjoni Konġunta 96/443/ĠAI, din id-Deċiżjoni Qafas tipprovdi għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiżi tal-UE dwar reati li jinvolvu ċerti manifestazzjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija. Ċerti manifestazzjonijiet serji ta’ razziżmu u ksenofobija għandhom jikkostitwixxu reat fil-pajjiżi tal-UE kollha u għandhom ikunu punibbli b’penali effetivi, proporzjonati u dissważivi.

    Din id-Deċiżjoni Qafas tapplika għar-reati kollha mwettqa:

    • fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea (UE) inkluż permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni;
    • minn ċittadin ta’ pajjiż tal-UE jew għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita f'pajjiż tal-UE. Għal dan il-għan, id-Deċiżjoni Qafas tipprovdi kriterji dwar kif għandha tiġi stabbilita r-responsabbilità ta’ persuni legali.

    “Diskors ta’ mibgħeda” (“Hate speech”)

    Ċerti forom ta’ mġiba kif imsemmi hawn taħt huma punibbli bħala reati kriminali:

    • l-inċitament pubbliku għall-vjolenza kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ tali grupp definit fuq il-bażi tar-razza, kulur, dixxendenza, reliġjon jew twemmin, jew nazzjonalità jew etniċità;
    • ir-reat imsemmi hawn fuq, meta mwettaq permezz ta’ disseminazzjoni pubblika jew distribuzzjoni ta’ tratti, stampi jew materjal ieħor;
    • li pubblikament taċċetta, tiċħad jew ixxejjen bi kbir delitti ta’ ġenoċidju, delitt kontra l-umanità u delitti tal-gwerra kif definit fl-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (l-Artikoli 6, 7, u 8) u delitti definiti fl-Artikolu 6 tal-Karta tat-Tribunal Militari Internazzjonali, fejn l-imġiba ssir b’mod li tħajjar vjolenza jew mibegħda kontra tali grupp jew membru ta’ tali grupp.

    L-instigazzjoni, l-għajnuna jew l-inkoraġġiment għat-twettiq tar-reati msemmija hawn fuq huma wkoll punibbli.

    Fir-rigward ta’ dawn ir-reati elenkati, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li dawn huma punibbli permezz ta’:

    • penali effettivi, proporzjonati u dissważivi;
    • terminu ta’ ħabs ta’ massimu ta’ mill-inqas sena.

    Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jikkonsistu f’multi kriminali u mhux kriminali. Barra minn hekk, persuni ġuridiċi jistgħu jkunu punibbli permezz ta’:

    • esklużjoni minn intitolament għall-benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;
    • skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika tal-attivitajiet kummerċjali;
    • tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;
    • ordni ġudizzjarja ta’ xoljiment.

    Il-ftuħ tal-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni tar-reati razzisti u ksenofobiċi ma għandhomx jiddependu fuq ir-rapport jew l-akkuża tal-vittma.

    “Delitti ta’ mibgħeda” (“Hate crime”)

    Fil-każijiet kollha, motivazzjoni razzista jew ksenofobika għandha tkun ikkunsidrata bħala ċirkostanza aggravanti jew, inkella, il-qrati għandhom jingħataw is-setgħa li jieħdu tali tali motivazjoni inkunsiderazzjoni meta jiddeterminaw il-penali li għandhom ikunu applikati.

    REFERENZI

    Att

    Dħul fis-seħħ

    Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI

    6.12.2008

    28.11.2010

    ĠU L 328 tas-6.12.2008

    ATTI RELATATI

    Rapport mill-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali [ COM(2014) 27 final tas-27.1.2014 - mhux ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali].

    Ir-rapport jenfasizza l-fatt li numru ta' pajjiżi tal-UE ma ttrasponewx għalkollox u/jew b'mod korrett id-dispożizzjonijiet kollha tad-Deċiżjoni Qafas, b'mod partikolari fir-rigward tar-reati ta' ċaħda, skużar u tixjin b'mod grossolan ta' ċerti delitti internazzjonali.

    Il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE għandhom dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw l-inċitament pubbliku għal vjolenza u l-mibegħda razzista u ksenofobika iżda numru minnhom ma jittrasponux b'mod sħiħ ir-reati koperti mid-Deċiżjoni Qafas. Fadal ukoll diskrepanzi fir-rigward tal-approċċ meħud fuq motivazzjoni razzista u ksenofobika, ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi u l-ġurisdizzjoni.

    Il-Kummissjoni qed tinvolvi ruħha fi djalogi bilaterali mal-pajjiżi tal-UE matul l-2014 bil-għan li tiġi żgurata traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Deċiżjoni.

    l-aħħar aġġornament 15.06.2014

    Fuq