Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0074

    Taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji tas-sisa — eżenzjonijiet għal vjaġġaturi minn barra l-UE

    Taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji tas-sisa — eżenzjonijiet għal vjaġġaturi minn barra l-UE

     

    SOMMARJU TA’:

    Direttiva 2007/74/KE — eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi

    X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

    • Din tiddefinixxi konċessjonijiet eżentati mit-taxxa tal-UE fl-ivvjaġġar internazzjonali.
    • Hija tistabbilixxi regoli relatati mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dazju doganali ta’ oġġetti importati fil-bagalja personali ta’ vjaġġaturi minn:
      • pajjiż mhux tal-UE jew
      • territorju fejn ma japplikawx il-liġijiet tal-UE dwar il-VAT u/jew id-dazju tas-sisa, eż. l-Isle of Man.

    PUNTI EWLENIN

    • Id-direttiva tistabbilixxi limitu tal-valur għall-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa għal €430 fil-każ ta’ vjaġġaturi bl-ajru u bil-baħar u għal €300 għal dawk li jivvjaġġaw bl-art (inklużi b’passaġġi fuq l-ilma interni).
    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jnaqqsu l-limitu tal-valur għall-vjaġġaturi li jkollhom inqas minn 15-il sena, irrispettivament mill-mezz ta’ trasport tagħhom, iżda dan il-limitu ma jistax ikun inqas minn €150.
    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jnaqqsu l-limiti tal-valur u l-limiti kwantitattivi għal:
      • vjaġġaturi li jgħixu f’żona tal-fruntiera;
      • ħaddiema transkonfinali; u
      • l-ekwipaġġi ta’ mezzi ta’ trasport użati fl-ivvjaġġar internazzjonali.
    • Id-direttiva tistabbilixxi l-limiti kwantitattivi massimi u minimi li ġejjin għall-importazzjonijiet tat-tabakk:
      • 200 sigarett jew 40 sigarett; jew
      • 100 sigarru żgħir jew 20 sigarru żgħir; jew
      • 50 sigarru jew 10 sigarri; jew
      • 250 g tabakk tat-tipjip jew 50 g tabakk tat-tipjip; jew
      • taħlita tal-prodotti tat-tabakk elenkati hawn fuq, sakemm l-ammont totali ma jaqbiżx 100 % tal-limitu permess.
    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu li jagħmlu distinzjoni bejn vjaġġaturi bl-ajru u vjaġġaturi oħrajn billi japplikaw limiti kwantitattivi aktar baxxi għal vjaġġaturi oħrajn.
    • Id-direttiva tistabbilixxi l-limitu li ġej fuq kwantitajiet ta’ importazzjonijiet ta’ alkoħol għajr inbid mingħajr gass u birra:
      • total ta’ litru ta’ qawwa alkoħolika li taqbeż it-22 % vol. jew alkoħol etilitiku mhux denaturat* ta’ 80 % vol. u aktar; jew
      • total ta’ żewġ litri ta’ alkoħol ta’ qawwa li ma taqbiżx it-22 % vol.; jew
      • taħlita tal-prodotti tal-alkoħol elenkati hawn fuq, sakemm l-ammont ma jaqbiżx 100 % tal-limitu permess.
    • Id-direttiva tistabbilixxi l-limitu li ġej għal kwantitajiet ta’ importazzjonijiet ta’ inbid mingħajr gass u birra:
      • total ta’ 4 litri nbid mingħajr gass; u
      • total ta’ 16-il litru birra.
    • L-eżenzjonijiet għat-tabakk u l-alkoħol ma japplikawx għal vjaġġaturi taħt is-17-il sena.
    • Tankijiet standard ta’ kwalunkwe mezz ta’ trasport bil-mutur li jġorru karburant huma eżentati milli jħallsu dazji tas-sisa fuq dak il-karburant; lanqas ma għandhom għalfejn iħallsu dazji tas-sisa fuq massimu ta’ 10 litri ta’ karburant miżmum f’kontenitur li jista’ jinġarr.
    • Kull erba’ snin, il-Kummissjoni Ewropea tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva. L-aktar rapport reċenti, ippubblikat fl-2013, jgħid li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE huma kuntenti bid-direttiva u ma jqisux li hemm il-ħtieġa li tiġi riveduta.

    MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

    Ilha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2008 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-istess data.

    SFOND

    Għal iktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Alkoħol etiliku mhux denaturat:: alkoħol li m’għandu xejn miżjud miegħu biex ma jsirx tajjeb għax-xorb.

    DOKUMENT EWLIENI

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 6-12)

    DOKUMENTI RELATATI

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi (COM(2013) 849 final, 3.12.2013)

    l-aħħar aġġornament 05.11.2018

    Fuq