Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2252

L-integrazzjoni ta’ karatteristiċi bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar

L-integrazzjoni ta’ karatteristiċi bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan ifittex li jarmonizza l-karatteristiċi tas-sigurtà, inklużi l-identifikaturi bijometriċi*, għall-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-pajjiżi tal-UE biex jipproteġi kontra l-falsifikazzjoni tagħhom.
  • Dan ġie emendat mir-Regolament (KE) Nru 444/2009 fl-2009 l-aktar biex jiġu ddefiniti l-eċċezzjonijiet għat-tfal li għandhom anqas minn 6 snin u għall-persuni li fiżikament ma jistgħux jagħtu marki tas-swaba’ għad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

PUNTI EWLENIN

Il-karatteristiċi bijometriċi fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar se jintużaw biss biex tiġi vverifikata l-awtentiċità tad-dokument kif ukoll l-identità tad-detentur, li se jkollu d-dritt li jivverifika d-data personali inkluża fil-passaport jew fid-dokument tal-ivvjaġġar u, fejn ikun xieraq, jitlob rettifika jew tħassir. Il-ġbir u l-ħażna tad-data bijometrika se jkunu esklussivament għall-iskop li jinħarġu passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar.

Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz ta’ ħażna b’sigurtà għolja (ċipp) biex tiġi mmemorizzata data diġitali u jkollhom biżżejjed kapaċità biex jiggarantixxu l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità ta’ dik id-data. Il-mezz ta’ ħażna jinkludi immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’ meħudin ċatti (pjuttost milli swaba’ individwali li jirrumblaw, difer ma’ difer). Din id-data, li għandha tkun f’formati interoperabbli, għandha tkun protetta.

Il-pajjiżi tal-UE jaħtru l-awtoritajiet u l-korpi awtorizzati biex ikollhom aċċess għad-data inkluża fil-mezz ta’ ħażna tad-dokumenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, soġġetti għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jew ftehimiet internazzjonali. Biex jiġi żgurat li l-informazzjoni kklassifikata dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà u d-dettalji tal-produzzjoni ma jsirux disponibbli għal aktar partijiet minn dak meħtieġ, kull pajjiż tal-UE jaħtar korp wieħed biex ikun responsabbli għall-produzzjoni ta’ passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar. Il-pajjiżi tal-UE jibqgħu liberi li jibdlu dak il-korp, jekk ikun meħtieġ. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, kull pajjiż tal-UE jikkomunika l-isem tal-korp kompetenti lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi l-oħra tal-UE.

L-istandards minimi ta’ sigurtà li l-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-pajjiżi tal-UE għandhom jikkonformaw magħhom huma stabbiliti fl-anness tar-regolament. Dawn huma speċifikazzjonijiet li mhumiex sigrieti. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet huma ssupplimentati bi speċifikazzjonijiet li jistgħu jibqgħu sigrieti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontrafazzjoni u falsifikazzjonijiet. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, huma skont l-istandards nazzjonali, u huma relatati ma’:

  • karatteristiċi oħra ta’ sigurtà;
  • il-mezz ta’ ħażna u s-sigurtà tiegħu;
  • rekwiżiti ta’ kwalità komuni għall-immaġni tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’.

Fl-2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometrija f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar li ħassret u ssostitwiet deċiżjonijiet preċedenti simili.

Skont ir-Regolament emendatorju (KE) Nru 444/2009, it-tfal li għandhom anqas minn 12-il sena (il-limitu provviżorju tal-età) u l-persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli, huma eżentati mit-teħid tal-marki tas-swaba’. Persunal ikkwalifikat u awtorizzat kif xieraq biss tal-awtoritajiet nazzjonali li huma responsabbli għall-ħruġ ta’ passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar jista’ jieħu identifikaturi bijometriċi. Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinħarġu bħala dokumenti individwali skont ir-rekwiżiti internazzjonali.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-korp tal-liġi ta’ Schengen (acquis), id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma ħadux sehem f’dan ir-regolament u għalhekk ma kinux marbuta bih. Madankollu, id-Danimarka ddeċidiet li timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha. L-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, għalkemm ma jagħmlux parti mill-UE, se jkunu involuti fl-implimentazzjoni tar-regolament.

Ir-Regolament ma japplikax għall-karti tal-identità li jinħarġu mill-pajjiżi tal-UE għaċ-ċittadini tagħhom jew għal passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar temporanji li jkunu validi għal 12-il xahar jew anqas.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Il-pajjiżi tal-UE kellhom japplikaw dan ir-regolament:

  • fir-rigward tal-immaġni tal-wiċċ sat-28 ta’ Awwissu 2006;
  • fir-rigward tal-marki tas-swaba’ sat-28 ta’ Ġunju 2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Identifikaturi bijometriċi: data personali li tirriżulta minn ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, psikoloġiċi jew tal-imġiba ta’ individwu, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna, bħal immaġnijiet tal-wiċċ jew data tal-marki tas-swaba’.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 385, 29.12.2004, pp. 1–6).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2252/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri u li tħassar id-Deċiżjonijiet C(2006) 2909 u C(2008) 8657 (C(2018) 7774 final, 30.11.2018).

l-aħħar aġġornament 08.01.2020

Fuq