Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1222

    Data dwar id-dejn trimestrali tal-gvern

    Data dwar id-dejn trimestrali tal-gvern

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (KE) Nru 1222/2004 dwar il-kompilazzjoni u t-trażmissjoni ta’ data dwar id-dejn trimestrali tal-gvern

    X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

    Huwa jitlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex jikkompilaw u jibagħtu lill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) data dwar id-dejn trimestrali tal-gvern*. Qabel, id-data kienet tkopri biss dejn annwali tal-gvern.

    PUNTI EWLENIN

    Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jibagħtu lill-Kummissjoni Ewropea data dwar id-dejn trimestrali tal-gvern tal-anqas tliet xhur minn tmiem it-trimestru.

    Id-data tkopri l-obbligazzjonijiet ġenerali tal-gvern li ġejjin:

    • muniti u depożiti,
    • titoli, għajr għal ishma, minbarra derivattivi finanzjarji u self.

    Ir-regoli speċifiċi japplikaw għall-obbligazzjonijiet, skont jekk ikunux marbuta mal-indiċi jew denominati f’munita barranija jew nazzjonali.

    L-iskadenza għat-trażmissjoni tal-ewwel data, inkluż id-data retrodatata mill-1 ta’ Jannar 2000, kienet il-31 ta’ Diċembru 2004.

    Il-Kroazja ntalbet tibgħat data għall-ewwel trimestru tal-2012 sal-1 ta’ Ottubru 2013 u data retrodatata għall-1 ta’ Jannar 2002 għall-31 ta’ Diċembru 2011 sal-aħħar ta’ Diċembru 2015.

    Il-Kummissjoni tista’ tagħti lil pajjiż tal-UE sa sena biex jibgħat l-ewwel data jekk ikun hemm bżonn ta’ bidliet prinċipali fis-sistema statistika nazzjonali tiegħu.

    Il-gvernijiet tal-UE jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni data trimestrali dwar dawn li ġejjin:

    MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Dan ilu japplika mit-22 ta’ Lulju 2004.

    SFOND

    Data tal-gvern trimestrali aġġornata hija essenzjali sabiex jiġu segwiti u analizzati xejriet ekonomiċi u monetarji b’mod preċiż. Id-dejn ġenerali tal-gvern huwa wieħed mill-kriterji ta’ konverġenza tat-Trattat ta’ Maastricht użati biex jissorveljaw is-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiż.

    Taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-pajjiżi tal-euro jeħtiġilhom juru finanzi pubbliċi b’saħħithom u jissodisfaw 2 kriterji. Wieħed minn dawn huwa li d-dejn pubbliku ma jridx jaqbeż is-60 % tal-prodott domestiku gross.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll iddefinixxa d-dejn tal-gvern pendenti fi tmiem is-sena. Huwa stabbilixxa wkoll l-iskeda ta’ żmien għall-għoti tad-data annwali lill-Kummissjoni. Huwa ġie revokat u sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009. Dan kien jitlob lill-pajjiżi tal-UE jirrappurtaw id-defiċits u d-djun tal-gvern attwali u ppjanati tagħhom lill-Kummissjoni darbtejn f’sena (sal-1 ta’ April u l-1 ta’ Ottubru).

    TERMINI EWLENIN

    Dejn trimestrali tal-gvern: dejn totali gross f’valur nominali pendenti fi tmiem kull trimestru. It-terminu “gvern” jirreferi għall-gvern ċentrali, statali u lokali u l-fondi ta’ sigurtà soċjali.
    Statistika dwar il-finanzi pubbliċi ta’ terminu qasir: statistika ta’ terminu qasir dwar ir-riżorsi u l-użi ġenerali tal-gvern, li tkopri:
    • mil-lat ta’ riżorsi:
      • taxxi dwar il-produzzjoni u l-importazzjonijiet, u
      • kontribuzzjonjiet soċjali attwali;
    • mil-lat ta’ użi:
      • benefiċċji soċjali minbarra trasferimenti soċjali in natura.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1222/2004 tat-28 ta’ Ġunju 2004 dwar il-kompilazzjoni u t-trażmissjoni ta’ data dwar id-dejn trimestrali tal-gvern (ĠU L 233, 2.7.2004, pp. 1-2)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1222/2004 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 145, 10.6.2009, pp. 1-9)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament (KE) Nru 501/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar kontijiet finanzjarji ta’ kull kwart tas-sena għal gvern ġenerali (ĠU L 81, 19.3.2004, pp. 1-5)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar kontijiet mhux finanzjarji ta’ kull tliet xhur tal-amministrazzjoni pubblika (ĠU L 179, 9.7.2002, pp. 1-5)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 264/2000 tat-3 ta’ Frar 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 rigward statistiċi ta’ finanzi pubbliċi fuq żmien qasir (ĠU L 29, 4.2.2000, pp. 4-6)

    l-aħħar aġġornament 29.06.2018

    Fuq