Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R0450

    L-istatistika dwar l-ispiża tax-xogħol komparabbli madwar l-UE

    L-istatistika dwar l-ispiża tax-xogħol komparabbli madwar l-UE

     

    SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

    Regolament (KE) Nru 450/2003 dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Dan għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni għall-produzzjoni, it-trasmissjoni u l-evalwazzjoni ta’ indiċijiet komparabbli tal-ispiża* tax-xogħol (LCIs) fl-Unjoni Ewropea (UE).
    • LCIs ikejlu l-ispiża tax-xogħol bħala fattur fil-produzzjoni.

    PUNTI EWLENIN

    Kopertura

    • LCIs ikopru n-negozji kollha, ikun xi jkun in-numru tal-impjegati u l-attivitajiet ekonomiċi kollha koperti mill-klassifikazzjoni statistika tal-UE ta’ attivitajiet ekonomiċi, NACE*, minbarra l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd, id-djar privati u l-organizzazzjonijiet extra-Ewropej.
    • L-ewwel kompilazzjoni tad-data għal-LCI hija kompilata skont in-NACE Rev. 2 (jiġifieri l-aktar verżjoni riċenti tal-klassifikazzjoni NACE) kienet għall-ewwel kwart tal-2009. Wara, din bdiet tinġabar għal kull kwart ta’ kull sena.

    Sorsi ta' data

    • Fuq bażi ta’ kull tliet xhur, l-istituzzjonijiet tal-istatistika tal-pajjiżi tal-UE jiġbru data minn diversi kampjuni li huma jwettqu, kif ukoll minn rekords amministrattivi miżmuma dwar in-negozji. Huma għandhom jittrażmettu din id-data lill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) fi żmien 70 ġurnata mit-tmiem tat-tliet xhur ikkonċernati.
    • LCIs għandhom jiġu pprovduti b’mod separat għat-tliet kategoriji tal-ispiża tax-xogħol li ġejjin:
      • l-ispejjeż totali tax-xogħol;
      • il-pagi u s-salarji;
      • il-kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegaturi u t-taxxi mħallsa mill-impjegatur, mingħajr is-sussidji rċevuti mill-impjegatur.

    Garanzija tal-kwalità:

    Il-Eurostat tivverifika d-data tal-LCI kollha li l-pajjiżi tal-UE jittrażmettu għall-kompletezza u l-konsistenza.

    Kumitat

    Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika magħmul minn esperti nazzjonali jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni, inkluż dwar abbozz ta’ leġiżlazzjoni.

    Rapport

    Kull sentejn, il-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolmanet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jevalwa l-kwalità tad-data tas-serje tal-LCI trasmessa u l-kwalità tad-data b’lura trasmessa (jiġifieri d-data għall-perjodu li jibda mill-ewwel trimestru tal-2000 sar-raba’ kwart tal-2008).

    META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ilu japplika mit-2 ta’ April 2003.

    SFOND

    L-indiċi tal-ispiża tax-xogħol juri l-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien qasir tal-ispiża tax-xogħol u l-ispejjeż totali abbażi ta’ kull siegħa tal-ħaddiema impjegati għall-ekonomija kollha jew diversi subsetturi.

    Għal aktar tagħrif, ara:

    * TERMINI EWLENIN

    Spejjeż tax-xogħol: l-ispejjeż prinċipali għall-impjegaturi li jimpjegaw il-persunal. Dawn jinkludu l-pagi u s-salarji, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi u t-taxxi tax-xogħol. Dawn ma jinkludux l-ispejjeż ta’ taħriġ vokazzjonali jew in-nefqa għar-reklutaġġ.
    NACE: mill-Franċiż Nomenclature statistique des activités économiques dans la Communauté européenne (il-Klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea). Ġew żviluppati diversi verżjonijiet mill-1970.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2003 dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (ĠU L 69, 13.3.2003, pp. 1-5)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 450/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (LCI) (COM(2015) 42 final tat-3.2.2015)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (ĠU L 169, 8.7.2003, pp. 37-43).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 17.10.2016

    Fuq