Kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2002/77/KE dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Din tagħti lil kull kumpanija d-dritt li tipprovdi jew topera servizzi u networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr ebda restrizzjoni.
PUNTI EWLENIN
- Id-Direttiva tkopri “s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika” u “n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”. Dawn jissostitwixxu t-termini preċedenti “servizzi ta’ telekomunikazzjoni” u “networks tat-telekomunikazzjoni”. Il-bidla tiżgura definizzjoni ġenerali waħda għas-servizzi u n-networks kollha, kemm jekk bil-fili, bir-radio, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħra, u tkopri networks fissi, bla fili, ta’ cable television u tas-satellita.
- Din ma tkoprix servizzi li jipprovdu jew li jeżerċitaw kontroll editorjali fuq il-kontenut trażmess.
- Id-Direttiva tneħħi l-kapaċità tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jagħtu jew iżommu drittijiet esklużivi jew speċjali lil kumpanija biex tipprovdi networks tal-komunikazzjoni elettronika jew servizzi disponibbli għall-pubbliku.
- Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li:
- kwalunkwe kumpanija tista’ tipprovdi servizzi jew networks elettroniċi mingħajr restrizzjonijiet;
- awtorizzazzjoni ġenerali biex jiġu pprovduti servizzi jew networks hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti;
- impriżi pubbliċi integrati vertikalment* il-forniment ta’ networks elettroniċi u f’pożizzjoni dominanti ma jiddiskriminawx favur l-attivitajiet tagħhom stess;
- kwalunkwe rifjut ta’ talba biex jiġu pprovduti servizzi jew networks huwa spjegat bis-sħiħ u l-kumpanija għandha d-dritt li tikkontesta d-deċiżjoni quddiem korp indipendenti, qorti jew tribunal.
Id-Direttiva tneħħi d-drittijiet esklużivi jew speċjali għal:
- l-użu tal-frekwenzi tar-radju (dawn iridu jiġu assenjati abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati);
- servizzi ta’ direttorju u ta’ konsultazzjoni;
- networks tat-televiżjoni bis-satellita awtorizzati.
Ir-regoli dwar il-cable television jiddikjaraw li kumpanija li tipprovdi networks elettroniċi pubbliċi ma tistax tuża l-istess isem legali jekk:
- tkun ikkontrollata mill-gvern jew ikollha drittijiet speċjali;
- ikollha rwol dominanti fis-suq;
- topera network ta’ cable television bi drittijiet speċjali jew esklużivi.
Id-Direttiva ħassret id-Direttivi tal-Kummissjoni 90/388/KEE u 94/46/KE.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Ilha tapplika mis-7 ta’ Ottubru 2002 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-24 ta’ Lulju 2003.
SFOND
Il-politika tal-UE dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi ttejjeb il-kompetizzjoni, tixpruna l-innovazzjoni u ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur fi ħdan is-suq uniku Ewropew.
Id-Direttiva hija parti mill-qafas regolatorju li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Lulju 2003. Il-komponenti l-oħra huma:
- Id-Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-aċċess), imħassra u riformulata aktar tard mid-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (sommarju)
- Id-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti (Direttiva Servizz Universali), imħassra u riformulata aktar tard mid-Direttiva (UE) 2018/1972 imsemmija hawn fuq (sommarju);
- Id-Direttiva 2002/58/KE dwar il-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (sommarju);
- Id-Deċiżjoni 2002/676/KE dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (sommarju).
TERMINI PRINĊIPALI
Impriża integrata vertikalment. Impriża fejn l-istess persuna jew persuni jeżerċitaw kontroll, direttament jew indirettament.
DOKUMENT EWLIENI
Id-direttiva tal-kummissjoni 2002/77/KE tas- 16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 249, 17.9.2002, pp. 21–26).
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, pp. 36-214).
Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2018/1972 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea – It-Tielet Parti – Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni – Titolu VII – Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet – Kapitolu 1 – Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi – Artikolu 106 (ex Artikolu 86 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 90–91).
Id-Deċiżjoni u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (ĠU L 108, 24.4.2002, pp. 1-6).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, pp. 37–47).
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 10.02.2022