Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996L0016

Stħarriġ statistiku tal-prodotti tal-ħalib

Stħarriġ statistiku tal-prodotti tal-ħalib

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 96/16/KE — stħarriġ statistiku tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Tistabbilixxi regoli għall-ġbir ta’ statistika dwar il-ħalib* u l-prodotti tal-ħalib madwar l-UE kollha. Hija mfassla biex tippermetti monitoraġġ tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib tal-UE fuq medda ta’ żmien qasir u medju – dan jirrikjedi informazzjoni affidabbli u f’waqtha dwar il-produzzjoni u l-użu tal-ħalib mhux maħdum u l-komponenti tiegħu (inklużi l-konsenja ta’ ħalib għat-trattament jew l-ipproċessar u l-produzzjoni sussegwenti ta’ prodotti tal-ħalib).

Tirrevoka l-leġiżlazzjoni preċedenti (id-Direttiva 72/280/KEE), li kienet ġiet emendata f’diversi okkażjonijiet.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-ġbir tad-data u għall-organizzazzjoni tal-istħarriġ. L-istħarriġ ikopri l-azjendi agrikoli li jipproduċu l-ħalib u żewġ grupp ta’ intrapriżi:

  • 1.

    impriżi u azjendi agrikoli li jixtru ħalib sħiħ (jew, f’ċerti każi, prodotti tal-ħalib) mill-azjendi agrikoli jew mit-tieni grupp (ta’ hawn taħt) bil-għan li jittrasformawh fi prodotti tal-ħalib;

  • 2.

    impriżi li jiġbru l-ħalib u l-krema, iżda ma jipproċessawhomx, u mbagħad jittrasferuhom lill-ewwel grupp (ta’ hawn fuq) għat-trasformazzjoni.

Skont l-informazzjoni li trid tinġabar, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom iwettqu l-istħarriġ fuq bażi ta’ kull xahar, annwali jew triennali. Id-direttiva tistipula l-iskadenzi sa meta jenħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jibagħtu r-riżultati tad-diversi stħarriġiet lill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat).

Fl-1997, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 97/80/KE, li tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/16/KE. Il-lista tal-prodotti tal-ħalib koperti mid-Direttiva 96/16/KE hija stipulata fl-Anness I tad-Deċiżjoni 97/80/KE. Dan l-anness jipprovdi wkoll definizzjoni għal kull wieħed mill-prodotti.

L-Anness II tad-deċiżjoni jipprovdi mudelli tat-tabelli li jridu jintużaw għat-trażmissjoni tad-data lill-Eurostat.

L-Anness III fih il-kwestjonarju għall-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-ħalib.

L-istħarriġ irid ikun eżawrjenti fil-każ ta’ mħaleb li jammontaw għal mhux inqas minn 95% tal-ħalib tal-baqar miġbur minn kull pajjiż tal-UE, bil-bilanċ jiġi stmat abbażi ta’ kampjuni rappreżentattivi jew sorsi oħra. Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli biex jiżguraw riżultati komprensivi u suffiċjentement preċiżi.

Ta’ kull sena, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jibagħtu lill-Eurostat rapport li jinkludi l-kwestjonarju tagħhom u li jkun akkumpanjat mill-metodoloġija tagħhom għat-traspożizzjoni tad-data għat-tabelli mibgħuta lill-Eurostat. Grupp ta’ esperti jirrevedi l-operat tad-Direttiva ta’ kull sena.

META BDIET TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 1997. Kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Jannar 1997.

TERMINI EWLENIN

Ħalib: ħalib tal-baqar, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-bufli.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE tad-19 ta’ Marzu 1996 fuq stħarriġ statistiku tal-ħalib u prodotti tal-ħalib (ĠU L 78, 28.3.1996, pp. 27-29)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 96/16/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il- verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 1166/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar stħarriġ ta’ strutturi tal-impriżi agrikoli u stħarriġ dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 571/88 (ĠU L 321, 1.12.2008, pp. 14-34)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Deċiżjoni tal-Kunsill 97/80/KE tat-18 ta’ Diċembru 1996 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE dwar surveys għall-ġbir ta’ statistika għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU L 24, 25.1.1997, pp. 26-49)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.04.2018

Fuq