Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02016A1021(01)-20191202

Ftehim ta' sħubija ekonomika Ghana-UE

Ftehim ta' sħubija ekonomika Ghana-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Ghana u l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1850 — l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Ghana u l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM?

L-objettivi tiegħu jinkludu:

  • li l-Ghana tingħata aċċess favorevoli kontinwu lis-suq tal-UE skont ftehim bilaterali li huma kompatibbli mar-regoli tad-WTO (Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ);
  • li jiġi provdut ftehim fuq terminu twil li jgħin sabiex tingħata spinta lill-kummerċ u lill-investiment bejn il-Ghana u l-akbar u l-uniku sieħeb kummerċjali tagħha, l-UE, u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ghana.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim jibda bi preambolu li jistabbilixxi r-raġunijiet sottostanti u l-għanijiet tiegħu. Dan huwa segwit b’7 titoli:

  • Titolu 1:

    Objettivi:

    • Li l-Ghana tingħata aċċess aħjar għas-suq tal-UE milli huwa permess mis-Sistema Ġenerali ta' Preferenzi tal-UE.
    • Li jiġi evitat tfixkil wara l-iskadenza tal-Ftehim ta' Cotonou.
    • Li l-Ghana tiġi megħjuna tilħaq l-objettivi usa' tagħha li tnaqqas il-faqar u li tippromwovi integrazzjoni reġjonali, kooperazzjoni ekonomika u governanza tajba fl-Afrika tal-Punent.
    • Li tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-Ghana fl-ekonomija globali.
    • Li jissaħħu r-rabtiet bejn il-Ghana u l-UE abbażi tas-solidarjetà u l-interess reċiproku.
    • Li jintlaħaq ftehim kompatibbli mar-regoli tal-WTO.
  • Titolu 2:

    Sħubija għall-iżvilupp:

    • Il-partijiet għall-ftehim jikkommettu ruħhom għal:
      • kooperazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja;
      • kooperazzjoni sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-Ghana;
      • jagħmlu l-klima kummerċjali favorevoli kemm jista' jkun;
      • jappoġġjaw lill-Ghana fl-implimentazzjoni ta' regoli relatati mal-kummerċ;
      • jaħdmu sabiex jagħmlu lill-Ghana kompetittiva fl-oqsma koperti mill-ftehim.
    • Iż-żewġ naħat jagħrfu li dazji doganali aktar baxxi jista' jkollhom impatt ta' xkiel u jaqblu li jikkooperaw biex itaffu kwalunkwe effett negattiv.
  • Titolu 3:

    Reġim kummerċjali għall-beni

    Dan it-titolu huwa maqsum f’4 kapitli.

    • Kapitolu 1:

      Dazji doganali* u miżuri nontariffarji

      Il-partijiet jaqblu li:

      • miżati u ħlasijiet oħra li jirriżultaw mill-obbligazzjonijet legali qabel l-iffirmar tal-ftehim ser japplikaw għal għaxar snin ulterjuri, bil-possibilità ta' estensjoni;
      • Importazzjonijiet fl-UE ta' prodotti li joriġinaw fil-Ghana mhu se jġarrbu l-ebda dazji doganali, ħlief għal armi u munizzjon, malli l-ftehim jidħol fis-seħħ;
      • għal ċerti tipi ta' beni, id-dazji doganali fuq l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ghana ser jinżammu, jew ser jiġu eliminati fuq medda ta' 15-il sena; u
      • r-regoli tal-oriġini ser jiġu nnegozjati.
    • Kapitolu 2:

      Miżuri għad-difiża tal-kummerċ

      • Kull parti tista' tinvoka miżuri antidumpingu kumpensatorji, f'konformità mar-regoli tad-WTO.
      • Bl-istess mod, kull naħa tista' tinvoka salvagwardji multilaterali. Dan irid isir f'konformità ma' GATT (il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ), il-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji u l-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura.
      • Kull parti tista' tapplika miżuri ta' salvagwardja skont ċirkostanzi speċifiċi. Xi salvagwardji japplikaw biss għall-Ghana (tfixkil tas-swieq jew protezzjoni għall-industriji li għadhom jibdew)
      • Iż-żewġ naħat jirrikonoxxu l-importanza ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-miżuri tad-difiża kummerċjali.
    • Kapitolu 3:

      Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali

      Il-Partijiet jaqblu li:

      • jiskambjaw informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri doganali;
      • jaħdmu flimkien fuq proċeduri ta' importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu;
      • jikkooperaw biex jawtomatizzaw il-proċeduri kummerċjali;
      • jieħdu approċċ komuni fir-rigward ta' organizzazzjonijiet internazzjonali inklużi d-WTO, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, in-Nazzjonijiet Uniti u l-UNCTAD, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp;
      • jippromwovu l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji relatati kollha;
      • jistabbilixxu regoli ta' valutazzjoni doganali dwar il-kummerċ reċiproku skont ir-regoli GATT.
    • Kapitolu 4:

      Ostakli tekniċi għall-kummerċ u miżuri sanitarji u fitosanitarji

      • Il-Ghana u l-UE jżommu d-drittijiet tagħhom skont obbligi multilaterali bħal: il-ftehimiet tad-WTO dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) u dwar ostakli tekniċi għall-kummerċ; il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti; il-CODEX Alimentarius; l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.
      • Kull naħa tista' tipproponi u tidentifika żoni ta' status sanitarju jew fitosanitarju definit skont il-ftehim SPS tad-WTO (eż. reġjuni li jkunu ħielsa mill-mard jew li għandhom livelli baxxi ta' prevalenza ta' pesti jew mard).
      • Kull naħa ser tinnotifika lill-oħra bi kwalunkwe bidla fir-rekwiżiti tekniċi ta' importazzjoni għall-prodotti li jinkludu annimali u pjanti ħajjin. Ser iwissu wkoll lin-naħa l-oħra dwar kwalunkwe regola ġdida li tipprojbixxi l-importazzjonijiet ta' ċerti oġġetti.
      • Iż-żewġ naħat jaqblu li jikkooperaw f'korpi li jistabbilixxu standards internazzjonali.
  • Titolu 4:

    Servizzi, investiment u regoli relatati mal-kummerċ

    Il-partijiet jaqblu li jgħinu sabiex jintlaħaq ftehim ta' sħubija ekonomika bejn l-Afrika tal-Punent u l-UE fl-oqsma li ġejjin:

    • Il-kummerċ fis-servizzi u l-kummerċ elettroniku
    • Investimenti
    • Kompetizzjoni
    • Proprjetà intellettwali.
  • Titolu 5:

    Evitar u soluzzjoni ta' tilwim

    Il-ftehim jistabbilixxi mekkaniżmi biex

    • jiġi evitat kwalunkwe tilwim kummerċjali;
    • kwalunkwe tilwim bħal dan jiġi solvut permezz ta' bord tal-arbitraġġ;
    • tiġi żgurata l-konformità mad-deċiżjoni tal-bord.
  • Titolu 6:

    Eċċezzjonijiet ġenerali

    • Klawsola ta' eċċezzjoni ġenerali: tiżgura li l-ftehim ma jistax jintuża biex jimpedixxi lil kull naħa milli tieħu passi għall-protezzjoni tal-ħajja jew għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali pereżempju.
    • Eċċezzjonijiet ta' sigurtà: il-partijiet iridu jinfurmaw lil xulxin bi kwalunkwe azzjoni li jieħdu biex jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà u jżommu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u dwar kwalunkwe deċiżjoni biex iwaqqfu inizjattivi bħal dawn.
    • Tassazzjoni: il-ftehim ma jistax jintuża, pereżempju, biex jiġġustifika kwalunkwe diskriminazzjoni tat-taxxa abbażi ta' fejn jgħixu n-nies jew fejn għandhom l-investimenti tagħhom, jew biex jillimitaw id-drittijiet jew l-obbligi ta' kull parti skont kwalunkwe konvenzjoni dwar it-taxxa.
  • Titolu 7:

    elementi istituzzjonali, ġenerali u finali tal-ftehim

    Dan it-titolu jinkludi aspetti bħal dawn li ġejjin:

    • iż-żewġ naħat ser ikomplu n-negozjati bl-istess mod bħal dawk użati sabiex intlaħaq dan il-ftehim;
    • ser jiġi stabbilit Kumitat ta' Ftehim ta' Sħubija Ekonomika biex jimmaniġġja l-ftehim;
    • b'mod awtomatiku, il-ftehim ser japplika għal kwalunkwe pajjiż kandidat malli dan jissieħeb fl-UE.
    • il-ftehim jipprovdi rabtiet mal-Ftehim ta' Cotonou.

META JAPPLIKA L-FTEHIM?

Il-ftehim ġie ffirmat fit-28 ta' Lulju 2016, bil-fehim li jiġi konkluż f'data aktar tard. Ġie applikat b'mod provviżorju mill-15 ta' Diċembru 2016 iżda għadu ma daħalx fis-seħħ.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Dazji doganali: kwalunkwe dazju jew ħlas ta' kwalunkwe xorta, inkluża kwalunkwe forma ta' soprataxxa jew ta' ħlas addizzjonali, impost fuq jew b'konnessjoni mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' beni.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim ta' Sħubija Ekonomika interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 287, 21.10.2016, pp. 3-319)

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1850 tal-21 ta' Novembru 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika interim bejn il-Gana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 287, 21.10.2016, pp. 1-2)

l-aħħar aġġornament 15.08.2017

Fuq