EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-immigrazzjoni illegali — pieni għal min iħaddem

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem ċittadini mhux tal-UE b'residenza illegali — Direttiva 2009/52/KE

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Biex tiġġieled l-immigrazzjoni illegali, din teħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jipprojbixxu l-impjieg ta’ ċittadini mhux tal-UE li jirresjedu illegalment fl-UE.

Din tistabbilixxi regoli minimi madwar l-UE dwar il-pieni u miżuri oħra li jistgħu jiġu applikati kontra persuni li jħaddmu li jinstabu li kisru din il-projbizzjoni.

Din id-direttiva ma tapplikax għall-pajjiżi kollha tal-UE - id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit (1) għażlu li ma jipparteċipawx.

PUNTI EWLENIN

L-obbligi ta’ min iħaddem

Min iħaddem għandu:

  • jitlob lil ċittadini mhux tal-UE jipproduċu permess tar-residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta' residenza qabel jiġu impjegati;
  • iżomm kopji tal-permess jew l-awtorizzazzjoni għat-tul tal-impjieg, fil-każ ta’ spezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali;
  • jinnotifika lill-awtoritajiet fi ħdan il-perjodu stabbilit mill-pajjiż tal-UE meta jimpjega ċittadin mhux tal-UE.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll:

  • jużaw proċedura simplifikata ta’ notifika jekk min iħaddem huwa individwu li jimpjega ċittadin mhux tal-UE għal finijiet personali;
  • jiddeċiedu li ma jitolbux notifika meta l-ħaddiem ikun ingħatalu status ta’ residenza fit-tul.

Pieni

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li min iħaddem u jikser dawn ir-regoli jkun soġġett għal pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi, inkluż:

  • multi bbażati fuq kull ċittadin mhux tal-UE impjegat illegalment;
  • il-ħlas biex dawn iċ-ċittadini jiġu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom ukoll:

  • jiżguraw li min iħaddem ikun responsabbli għal ħlas b’lura dovut, bħal pagi mhux imħallsa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;
  • jimplimentaw sistemi biex jippermettu lil ċittadini mhux tal-UE impjegati illegalment jitolbu pagi mhux imħallsa minn min iħaddimhom;
  • jiżguraw li min iħaddem ikun ukoll – jekk ikun il-każ – soġġett għal pieni oħra, bħal:
    • it-telf tad-dritt għal xi wħud mill-benefiċċji pubbliċi jew kollha (inkluż il-finanzjament tal-UE) għal mhux aktar minn ħames snin,
    • ikollu jerġa’ jħallas kull benefiċċju li rċieva fit-12-il xahar qabel il-kxif tal-impjieg illegali,
    • ikun ipprojbit mill-parteċipazzjoni f’kuntratti pubbliċi għal mhux aktar minn ħames snin,
    • l-għeluq temporanju jew permanenti tan-negozju tagħhom.

Reati kriminali

Ksur intenzjonat jikkostitwixxi reat kriminali meta min iħaddem:

  • jippersisti fin-nuqqas ta' konformità ;
  • jimpjega numru sinifikanti ta’ ċittadini mhux tal-UE li jirresjedu illegalment;
  • jimpjega tali persuni f’kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abbużivi;
  • jimpjega vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;
  • jimpjega minorenni illegalment.

Ilmenti u spezzjonijiet

Ċittadini mhux tal-UE li huma impjegati illegalment għandhom ikunu jistgħu jressqu lmenti kontra min iħaddimhom, direttament jew permezz ta’ partijiet terzi. Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jwettqu spezzjonijiet ibbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskji regolari, biex jivverifikaw jekk min iħaddem huwiex qed jimpjega tali immigranti illegali.

Implimentazzjoni

Żewġ sejbiet ewlenin ta’ rapport tal-2014 dwar l-applikazzjoni tad-direttiva kienu li :

  • hemm differenzi fis-severità tal-kastig f’pajjiżi differenti tal-UE;
  • hemm lok għal titjib fl-oqsma kollha li joffru l-protezzjoni lill-immigranti irregolari.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din tapplika mill-20 ta’ Lulju 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-20 ta’ Lulju 2011.

SFOND

L-immigrazzjoni irregolari — politika tal-UE.

ATT

Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24–32)

Il-korrezzjonijiet għad-Direttiva 2009/52/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/52/KE tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali (COM(2014) 286 finali tat-22.5.2014)

l-aħħar aġġornament 21.03.2016



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top