EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0532

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/532 tal-1 ta’ April 2022 li tistabbilixxi lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jridu jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 1957)

C/2022/1957

OJ L 105, 4.4.2022, p. 57–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/532/oj

4.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/57


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/532

tal-1 ta’ April 2022

li tistabbilixxi lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jridu jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 1957)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (2) (“l-Att ta’ Ġinevra”) huwa ftehim internazzjonali li permezz tiegħu l-Partijiet Kontraenti jimplimentaw sistema ta’ protezzjoni reċiproka tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

(2)

Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 (3) dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra, l-Unjoni ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Att ta’ Ġinevra fis-26 ta’ Novembru 2019. L-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2020. Peress li l-Unjoni kienet il-ħames Parti Kontraenti li aderiet mal-Att ta’ Ġinevra, l-Att ta’ Ġinevra daħal fis-seħħ fl-istess data, f’konformità mal-Artikolu 29(2) tal-Att ta’ Ġinevra.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjosnali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jiddeċiedu jekk jipproteġux dik id-Denominazzjoni ta’ Oriġini jew l-Indikazzjoni Ġeografika fit-territorji tagħhom fl-aħħar u fid-dawl ta’ proċedura speċifika ta’ skrinjar.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, għall-fini ta’ dak ir-Regolament u tal-atti adottati skontu, it-terminu “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” jkopri d-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

F’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2019/1753, bħala l-Awtorità Kompetenti tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li, mal-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra u minn hemm ’il quddiem fuq bażi regolari, tirreġistra applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni mal-Bureau Internazzjonali.

(6)

Bejn Novembru u Diċembru 2021, l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, bagħtu 18-il talba lill-Kummissjoni biex jirreġistraw fir-Reġistru Internazzjonali Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti li joriġinaw fit-territorju tagħhom u li huma protetti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(7)

Jenħtieġ li l-ismijiet protetti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti (DOP) u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠP) jiġu ppreżentati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi rispettivament.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti (DOP) u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠP), ibbażata fuq dawk it-talbiet tal-Istati Membri lill-Kummissjoni biex jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi li joriġinaw fit-territorju tagħhom u li huma protetti fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni hija stabbilita lista ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 li jridu jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni internazzjonali mill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1.

(2)  ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).


ANNESS

Lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) għandhom jiġu ppreżentati bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753

Il-Ġermanja

Kölsch (IĠP)

Il-Greċja

Ελιά Καλαμάτας/Elia Kalamatas (DOP)

Γραβιέρα Νάξου/Graviera Naxou (DOP)

Κονσερβολιά Ροβίων/Konservolia Rovion (DOP)

Μαστίχα Χίου/Masticha Chiou (DOP)

Franza

Huile d’olive de Haute-Provence (DOP)

Morbier (DOP)

Piment d’Espelette/Piment d’Espelette - Ezpeletako Biperra (DOP)

Canard à foie gras du Sud-Ouest (Chalosse, Gascogne, Gers, Landes, Périgord, Quercy) (IĠP)

Emmental français est-central (IĠP)

Emmental de Savoie (IĠP)

Huîtres Marennes Oléron (IĠP)

Jambon de Bayonne (IĠP)

Pruneaux d’Agen (IĠP)

Tomme de Savoie (IĠP)

L-Italja

Finocchiona (IĠP)

Ir-Rumanija

Telemea de Ibăneşti (DOP)

Magiun de prune Topoloveni (IĠP)


Top