EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0085

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/85 tas-27 ta’ Jannar 2021 dwar l-ekwivalenza għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-qafas regolatorju tal-Istati Uniti tal-Amerika għal kontropartijiet ċentrali li huma awtorizzati u ssorveljati mill-Kummissjoni tat-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/379

OJ L 29, 28.1.2021, p. 27–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/04/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/85/oj

28.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/27


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/85

tas-27 ta’ Jannar 2021

dwar l-ekwivalenza għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-qafas regolatorju tal-Istati Uniti tal-Amerika għal kontropartijiet ċentrali li huma awtorizzati u ssorveljati mill-Kummissjoni tat-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta' kklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza previsti fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta’ CCPs, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta’ tali valutazzjoni tal-ekwivalenza huwa għalhekk li jiġi vverifikat jekk l-arranġamenti legali u superviżorji tal-pajjiż terz ikkonċernat jiżgurawx li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta’ riskju milli dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih mis-CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta’ riskju sistemiku fl-Unjoni.

(3)

Il-valutazzjoni dwar jekk l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Istati Uniti tal-Amerika humiex ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni għandha għalhekk mhux biss tkun ibbażata fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs fl-Istati Uniti tal-Amerika, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta’ dawk ir-rekwiżiti, u l-adegwatezza tagħhom biex jimmitigaw ir-riskji li l-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom.

(4)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet biex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

Il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti (is- “SEC”) hija l-awtorità kompetenti għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ CCPs fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet f’titoli u kuntratti derivattivi li huma bbażati fuq titolu wieħed, self jew grupp jew indiċi ta’ titoli b’bażi dejqa (“derivattivi bbażati fuq titoli”). Għaldaqstant, il-kuntratti tad-derivattivi li jaqgħu fil-kompetenza tas-CFTC jikkorrispondu għal parti mill-ġabra ta' kuntratti tad-derivattivi koperti mid-dispożizzjonijiet dwar is-CCPs stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Kuntratti derivattivi oħra jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni tan-Negozjar tal-Muturi tal-Komoditajiet tal-Istati Uniti (“is-CFTC”), li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni diġà adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/377 (2). Il-valutazzjoni attwali għalhekk hija relatata mal-ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-Istati Uniti għal CCPs sorveljati mis-SEC, u mhux mal-arranġamenti legali u superviżorji għas-CCPs li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-CFTC. Meta CCP tkun sorveljata kemm mis-SEC kif ukoll mis-CFTC, din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tikkonċerna biss dik is-CCP sa fejn tipprovdi servizzi tal-ikklerjar li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-SEC .

(7)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli fl-Istati Uniti għas-CCPs issorveljati mis-SEC huma stabbiliti fir-regoli applikabbli għall- “aġenziji tal-ikklerjar” li jinsabu fl-Att dwar il-Kambju tat-Titoli tal-1934 (3) (“l-Att dwar il-Kambju”), id-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act (4) (“l-Att Dodd-Frank”) u r-regolamenti adottati mis-SEC taħtu. Barra minn hekk, ir-regoli, il-politiki u l-proċeduri tas-CCPs li ġew irreġistrati mis-SEC huma legalment vinkolanti fuq is-CCP. Fl-1 ta’ Ottubru 2020, is-SEC ħarġet Rapport tal-Persunal li jiddeskrivi r-regoli applikabbli u kif dawn japplikaw għas-CCPs sorveljati mis-SEC (5).

(8)

Is-“CCPs” huma definiti mis-SEC bħala aġenziji tal-ikklerjar li jinterponu lilhom infushom bejn kontropartijiet, li jaġixxu bħala x-xerrej għal kull bejjiegħ u l-bejjiegħ għal kull xerrej. It-terminu “aġenzija ta’ kklerjar” huwa definit fit-Taqsima 23(A) tal-Att dwar il-Kambju tat-Titoli tal-1934 bħala kwalunkwe persuna li taġixxi bħala intermedjarju fit-twettiq ta’ pagamenti jew kunsinni jew it-tnejn b’rabta ma’ tranżazzjonijiet f’titoli jew li tipprovdi faċilitajiet għat-tqabbil ta’ data rigward it-termini ta’ saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli, biex tnaqqas in-numru ta’ saldi ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli, jew għall-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet ta’ saldu tat-titoli.

(9)

Is-SEC tista’ tagħżel aġenziji tal-ikklerjar bħala aġenziji tal-ikklerjar bi profil tar-riskju aktar kumpless. CCP li tikklerja swaps ibbażati fuq titoli dejjem titqies li għandha profil tar-riskju aktar kumpless. Barra minn hekk, il-Kunsill tas-Sorveljanza tal-Istabbiltà Finanzjarja jista’ jiddeżinja CCP bħala sistemikament importanti skont l-Att Dodd-Frank. CCPs bħal dawn bi profil tar-riskju aktar kumpless jew li huma sistemikament importanti jitqiesu bħala “aġenziji tal-ikklerjar koperti”. Il-qafas imsaħħaħ stabbilit fir-Regola tas-SEC 17Ad-22(d) u (e) japplika għal tali CCPs. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss l-ekwivalenza tar-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Istati Uniti applikabbli għas-CCPs li jridu jikkonformaw ma’ dawk ir-regoli msaħħa.

(10)

Skont l-Att dwar il-Kambju, id-Dodd-Frank Act u r-regolamenti tas-SEC, CCP li tikklerja titoli jew derivattivi bbażati fuq titoli, imsemmija f’dak l-att bħala swaps ibbażati fuq titoli, hija meħtieġa tirreġistra mas-SEC jew titlob eżenzjoni mir-reġistrazzjoni.

(11)

L-att dwar il-Kambju ma jippreskrivix għodod jew arranġamenti speċifiċi dwar kif għandhom jinkisbu r-rekwiżiti stabbiliti fih. Filwaqt li CCP tista’ tikkunsidra l-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi uniċi tagħha meta tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri tagħha, bħalma huma s-sjieda u l-istrutturi ta’ governanza tagħha, l-effetti fuq il-parteċipanti diretti u indiretti, il-bażi tas-sħubija tagħha, is-swieq moqdija u r-riskji inerenti fil-prodotti kklerjati, ir-regoli u l-proċeduri interni tagħha jridu jipprovdu dettall preskrittiv dwar il-mod li bih se tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Att dwar il-Kambju. Ladarba jiġu rreġistrati mis-SEC, ir-regoli, il-politiki u l-proċeduri approvati mis-SEC isiru legalment vinkolanti fuq is-CCP.

(12)

Mar-reġistrazzjoni mill-SEC, is-CCP issir “organizzazzjoni awtoregolatorja” skont it-Taqsima 3(a)26 tal-Att dwar il-Kambju u trid, bħala tali, tippreżenta kwalunkwe bidla fir-regola mas-SEC għall-approvazzjoni. Is-SEC se tivverifika li l-bidla fir-regola proposta hija konsistenti mal-istandards stabbiliti fl-Att dwar il-Kambju u fir-regolamenti tas-SEC.

(13)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti fl-Istati Uniti fir-rigward tas-CCPs ikkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti jinkludu struttura b’żewġ livelli. L-ewwel saff jikkonsisti fir-regoli u r-rekwiżiti primarji stabbiliti fit-Taqsima 3a(23) u 17A tal-Att dwar il-Kambju, it-Titoli VII u VIII tal-Att Dodd-Frank, u fir-regolamenti tas-SEC, b’mod partikolari r-Regola 17Ad-22 (“regoli primarji”). It-tieni livell jikkonsisti fir-regoli u l-proċeduri interni ta’ tali CCPs, li huma legalment vinkolanti fuq is-CCPs mar-reġistrazzjoni tagħhom mis-SEC u, għalhekk, jiffurmaw parti mir-regoli li l-konformità magħhom hija ssorveljata mis-SEC. Meta tivvaluta jekk is-CCPs ikkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti jikkonformawx ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-Kummissjoni trid tqis ir-rekwiżiti legalment vinkolanti stabbiliti fir-regoli u l-proċeduri interni ta’ dawk is-CCPs flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Att dwar il-Kambju u fl-Att Dodd-Frank u r-regolamenti tas-SEC.

(14)

Biex tiġi rreġistrata mill-SEC, CCP ikkwalifikata bħala aġenzija tal-ikklerjar koperta, u r-regoli interni tagħha, għandha tissodisfa l-istandards ta’ livell għoli stabbiliti fir-regoli primarji. Dawk ir-rekwiżiti, ikkumplimentati mir-regoli u l-proċeduri interni tas-CCP, jagħtu riżultati sostantivi ekwivalenti għall-effetti tar-regoli stabbiliti fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. B’mod partikolari, CCP ikkwalifikata bħala aġenzija tal-ikklerjar koperta trid tissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward tal-istruttura organizzattiva u r-regoli tagħha biex tiżgura l-ikklerjar u s-saldu fil-pront u preċiż, kif ukoll is-salvagwardja tat-titoli u l-fondi taħt il-kontroll tagħha, u biex tiżgura l-protezzjoni tal-investituri u l-interess pubbliku, inklużi rekwiżiti bħal dawk relatati mal-ġestjoni superjuri, il-ġestjoni tar-riskju u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern, iż-żamma tar-rekords, il-parteċipazzjonijiet kwalifikattivi, l-informazzjoni trażmessa lill-awtorità kompetenti, il-kontinwità tan-negozju, l-esternalizzazzjoni, it-twettiq tar-riskju tan-negozju u s-segregazzjoni, kif ukoll il-likwidità, il-politika dwar il-likwidità u s-segregazzjoni. Rekwiżiti oħra huma relatati mal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u t-tariffi, u r-regoli għad-dixxiplinar tal-ksur tar-regoli tas-CCP mill-parteċipanti.

(15)

Madankollu, ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs ikkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti jvarjaw f’xi aspetti mir-regoli fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(16)

L-ewwel nett, ir-regoli primarji fir-rigward tar-riskji ta’ likwidità ma jirrikjedux li s-CCPs kwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti jżommu riżorsi ta’ likwidità eliġibbli biex jissodisfaw il-“prinċipju ta’ kopertura 2” stabbilit fl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri, riżorsi likwidi biex tal-inqas ikopru l-inadempjenza taż-żewġ membri tal-ikklerjar li għalihom għandha l-akbar skoperturi. Fl-Istati Uniti, is-CCPs ikkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti huma madankollu meħtieġa jistabbilixxu proċeduri biex ikopru kwalunkwe nuqqas ta’ likwidità skopert, filwaqt li jiżguraw li r-riżorsi impenjati jkunu disponibbli meta t-telf jaqbeż l-inadempjenza tal-membru tal-ikklerjar li għalih ikollu l-akbar skopertura. Barra minn hekk, ir-regoli primarji jirrikjedu li s-CCPs kwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti japplikaw il-“prinċipju ta’ kopertura 2” meta jikklerjaw derivattivi bbażati fuq is-sigurtà. Għalkemm dan huwa approċċ differenti għall-“prinċipju ta’ kopertura 2” stabbilit f’42, 43 u 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ir-regoli primarji flimkien mar-regoli u l-proċeduri interni tas-CCPs jagħtu riżultati sostantivi ekwivalenti għall-effetti tal- “prinċipju ta’ kopertura 2” stabbilit fir-regoli tal-Unjoni.

(17)

It-tieni nett, ir-regoli primarji ma jipprevedux perjodu minimu ta’ likwidazzjoni. Madankollu, is-CCPs kollha kkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti japplikaw perjodi minimi ta’ likwidazzjoni ta’ jumejn sa ħamest ijiem skont ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom. Ir-regoli tal-Unjoni jistipulaw perjodi minimi ta' likwidazzjoni ta' jumejn għall-kuntratti tad-derivattivi mhux OTC u ħamest ijiem għall-kuntratti tad-derivattivi OTC, tipikament b'marġni li jinġabar fuq bażi netta. Għalhekk, ir-regoli u l-proċeduri interni tas-CCPs jagħtu riżultati sostantivi ekwivalenti għall-effetti tar-regoli tal-Unjoni dwar il-perjodi ta’ likwidazzjoni.

(18)

It-tielet nett, id-dritt tal-Unjoni jirrikjedi l-applikazzjoni ta’ mill-inqas waħda mit-tliet miżuri kontra l-proċikliċità biex jiġi żgurat li l-marġnijiet inizjali ma jonqsux wisq fi żminijiet ekonomiċi stabbli u ma jiżdidux b’mod preċipituż fi żminijiet ta’ stress. B’dan il-mod, miżuri bħal dawn jwasslu għal marġnijiet stabbli u konservattivi. Ir-regoli primarji ma fihom l-ebda rekwiżit speċifiku bħal dan. Madankollu, is-CCPs ikkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti għandhom fis-seħħ regoli u proċeduri interni b’effetti antiproċikliċi. Għalhekk, ir-regoli u l-proċeduri interni tas-CCPs jagħtu riżultati sostantivi ekwivalenti għall-effetti tar-regoli tal-Unjoni fuq l-antiproċikliċità.

(19)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-segregazzjoni u l-portabbiltà tal-pożizzjonijiet u l-kollateral tal-klijenti tal-membri tal-ikklerjar, ir-Regola 17Ad-22(e)(14) tirrikjedi li r-regoli, il-politiki u l-proċeduri tas-CCPs kwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti jippermettu s-segregazzjoni u l-portabbiltà tal-pożizzjonijiet ta’ klijent ta’ membru tal-ikklerjar u l-kollateral relatat, u li jipproteġu b’mod effettiv tali pożizzjonijiet u kollateral mill-inadempjenza jew l-insolvenza ta’ dak il-membru tal-ikklerjar fejn dawk is-CCPs jikklerjaw derivattivi bbażati fuq is-sigurtà jew ikollhom profil tar-riskju aktar kumpless u, għalhekk, isegwu approċċ simili għar-regoli li jinsabu fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għal titoli ta’ flus u opzjonijiet elenkati, madankollu, ir-regoli primarji jiddependu fuq ir-regoli applikabbli għall-membri tal-ikklerjar. F’dawk is-swieq, ir-regoli applikabbli għall-membri tal-ikklerjar diġà jiżguraw il-livell xieraq ta’ segregazzjoni u portabbiltà u, għalhekk, jipproteġu adegwatament il-pożizzjonijiet tal-klijenti u l-kollateral. Għalkemm isegwu approċċ differenti għas-segregazzjoni u l-portabbiltà fil-livell tal-membri tal-ikklerjar, u mhux dak tas-CCP, fir-rigward ta’ dawk is-swieq, iż-żewġ approċċi jirriżultaw f’eżiti simili fir-rigward tal-protezzjoni tal-klijenti.

(20)

L-arranġamenti legali u superviżorji tal-Istati Uniti tal-Amerka applikabbli għas-CCPs ikkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti jenħtieġ li għalhekk jitqiesu ekwivalenti, dment li r-regoli u l-proċeduri interni ta’ CCP li tapplika għar-rikonoxximent jissodisfaw ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju. B’mod partikolari, CCP għandha tapplika perjodu ta’ likwidazzjoni ta’ jumejn fir-rigward ta’ kuntratti tad-derivattivi mhux OTC u perjodu ta’ likwidazzjoni ta’ ħamest ijiem fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC, it-tnejn fuq bażi netta. Barra minn hekk, is-CCP għandha tapplika miżuri mfassla biex jillimitaw il-proċikliċità li huma ekwivalenti fl-għoti ta’ marġini stabbli u konservattivi għal kwalunkwe waħda mit-tliet miżuri stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(21)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tas-SEC li japplikaw għas-CCPs ikkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti u li jinkludu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Att dwar il-Kambju, id-Dodd-Frank Act u r-regolamenti tas-SEC, u fir-regoli u l-proċeduri interni tas-CCPs reġistrati kkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti, għandhom jitqiesu bħala rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, sal-punt li jissodisfaw l-istandards stabbiliti f’din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riskju.

(22)

Huma biss is-CCPs li jikkonformaw mar-regoli applikabbli għall-aġenziji tal-ikklerjar koperti u ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li jissodisfaw l-istandards tal-immaniġġjar tar-riskji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni li jistgħu jkunu eliġibbli għar-rikonoxximent mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). L-AETS għandha tivverifika, f’konformità mal-Artikolu 25(2(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li dawk l-istandards tal-ġestjoni tar-riskju huma parti mir-regoli u l-proċeduri interni ta’ kwalunkwe CCP li hija ssorveljata mis-SEC u li qed tapplika għal rikonoxximent fl-Unjoni. B’mod partikolari, l-AETS għandha tivverifika li s-CCP tapplika perjodu ta’ likwidazzjoni ta’ jumejn fir-rigward ta’ kuntratti tad-derivattivi mhux OTC u perjodu ta’ likwidazzjoni ta’ ħamest ijiem fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC, kemm fuq bażi netta, u li s-CCP tapplika miżuri mfassla biex jillimitaw il-proċikliċità li huma ekwivalenti fl-għoti ta’ marġnijiet stabbli u konservattivi għal kwalunkwe waħda mit-tliet miżuri stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(23)

Skont l-Artikolu 25(6), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward ta’ CCPs stabbiliti f’pajjiż terz iridu jipprevedu wkoll superviżjoni u infurzar effettivi tas-CCPs f’dik il-ġurisdizzjoni fuq bażi kontinwa.

(24)

Is-SEC twettaq monitoraġġ kontinwu tas-CCPs taħt is-superviżjoni tagħha. Minbarra s-setgħa tagħha li tirrieżamina u tapprova bidliet fir-regoli ppreżentati minn CCP irreġistrata, l-SEC għandha setgħat wiesgħa biex titlob kopji tal-kotba u r-rekords tas-CCPs u biex teżamina u twettaq spezzjonijiet fuq il-post biex tivvaluta r-riskji eżistenti u emerġenti, biex timmonitorja l-konformità mis-CCP mar-regoli applikabbli għaliha, kif ukoll is-sorveljanza tas-CCP tal-konformità mill-parteċipanti tagħha mar-regoli u l-proċeduri interni tagħha. Is-SEC għandha s-setgħa li titlob għal bidliet fir-regoli u l-proċeduri u tista’ tibda azzjonijiet ċivili li jfittxu rimedji ta’ inġunzjoni u rimedji oħra, jew proċedimenti amministrattivi f’każ ta’ ksur tar-regoli applikabbli. L-eżami tas-SEC jista’ jirriżulta fir-revoka tar-reġistrazzjoni fejn in-nuqqasijiet ma jiġux indirizzati. Dawk is-setgħat japplikaw ukoll għas-CCPs ikkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti.

(25)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward tas-CCPs, inklużi dawk li huma kkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti, jipprevedu superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(26)

Skont l-Artikolu 25(6), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward ta’ CCPs stabbiliti f’pajjiż terz iridu jipprevedu wkoll superviżjoni u infurzar effettivi tas-CCPs f’dik il-ġurisdizzjoni fuq bażi kontinwa.

(27)

CCPs mhux tal-Istati Uniti jistgħu japplikaw mas-SEC għar-reġistrazzjoni bħala “aġenzija tal-ikklerjar”. S’issa, is-SEC talbet tali reġistrazzjoni, jew eżenzjoni mir-reġistrazzjoni, għal servizzi ta’ kklerjar fir-rigward ta’ titoli tal-Istati Uniti pprovduti lil persuni tal-Istati Uniti jew fir-rigward ta’ swaps ibbażati fuq titoli.

(28)

CCPs mhux tal-Istati Uniti rreġistrati mas-SEC iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-Istati Uniti, inklużi r-regolamenti SEC applikabbli għall-aġenziji tal-ikklerjar irreġistrati kkwalifikati bħala aġenziji tal-ikklerjar koperti. Madankollu, l-Att dwar il-Kambju jagħti lis-SEC awtorità wiesgħa ta’ eżenzjoni. Skont it-Taqsima 17A(b)(1) tal-Att dwar il-Kambju, l-SEC tista’ tipprovdi eżenzjoni eżentata mir-rekwiżiti regolatorji jekk tkun konsistenti mal-interess pubbliku, mal-protezzjoni tal-investituri, u mal-għanijiet tat-Taqsima 17A tal-Att dwar il-Kambju, inkluż l-ikklerjar u s-saldu fil-pront u preċiż tat-tranżazzjonijiet tat-titoli u s-salvagwardja tat-titoli u l-fondi. Skont it-Taqsima 36 ta’ dak l-Att, is-SEC tista’, kondizzjonalment jew inkondizzjonalment, teżenta kwalunkwe persuna, titolu, jew tranżazzjoni, jew kwalunkwe klassi jew klassijiet ta’ persuni, titoli jew tranżazzjonijiet, mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kambju jew mir-regoli jew ir-regolamenti tiegħu, sa fejn tali eżenzjoni tkun meħtieġa jew xierqa fl-interess pubbliku u tkun konsistenti mal-protezzjoni tal-investituri. Barra minn hekk, skont it-Taqsima 17A(k) tal-Att dwar il-Kambju, is-SEC tista’ tagħti eżenzjoni, kondizzjonalment jew inkondizzjonalment, mir-reġistrazzjoni tal-aġenzija tal-ikklerjar għall-ikklerjar ta’ swaps ibbażati fuq titoli jekk is-SEC tiddetermina li l-aġenzija tal-ikklerjar hija soġġetta għal superviżjoni u regolamentazzjoni komprensivi u komparabbli mill-awtoritajiet governattivi xierqa fil-pajjiż tad-domiċilju tal-aġenzija tal-ikklerjar.

(29)

Is-SEC ħarġet dikjarazzjoni ta’ politika u gwida (6) indirizzati lis-CCPs awtorizzati fl-Unjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ politika tipprovdi sommarju ta’ livell għoli tal-qafas legali li japplika għas-CCPs irreġistrati ma’ SEC u tispjega l-proċess għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-eżenzjonijiet. Hija tipprovdi wkoll eżempji ta’ kif l-SEC applikat is-setgħat ta’ eżenzjoni tagħha biex tevita li timponi rekwiżiti li mhumiex meħtieġa, duplikati, jew inkonsistenti fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għal CCP f’ġurisdizzjoni tad-domiċilju, fejn il-qafas ta’ dik il-ġurisdizzjoni huwa ġeneralment konsistenti mal-Prinċipji tal-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (PFMIs) maħruġa mill-Kumitat dwar il-Pagamenti u l-Infrastrutturi tas-Suq u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ politika u l-gwida jistabbilixxu l-fatturi li s-SEC se tikkunsidra meta tivvaluta t-talbiet għal eżenzjonijiet u tispjega li s-SEC se tikkunsidra l-punt sa fejn CCP hija soġġetta għal superviżjoni u infurzar xierqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti li tissorvelja s-CCP jew awtoritajiet rilevanti oħra fil-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tagħha. Fuq dik il-bażi, u soġġett għall-valutazzjoni u d-determinazzjoni tas-SEC li l-eżenzjoni hija konsistenti mal-Att dwar il-Kambju, is-SEC tista’ tagħti lil CCP stabbilita barra mill-Istati Uniti eżenzjoni biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ rekwiżit SEC li mhuwiex meħtieġ, duplikattiv, jew inkonsistenti meta mqabbel mar-rekwiżiti stipulati fir-regoli u r-regolamenti applikabbli għas-CCP fil-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tagħha b’mod komparabbli mas-sistema ekwivalenti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(30)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tad-DIFC jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiż terz.

(31)

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma għalhekk ikkunsidrati bħala ssodisfati mill-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-Istati Uniti għal CCPs li jridu jikkonformaw mar-regoli applikabbli għall-aġenziji tal-ikklerjar koperti u li huma rreġistrati u ssorveljati mis-SEC, u dawk l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(32)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti fl-Istati Uniti relatati mas-CCPs li jridu jikkonformaw mar-regoli applikabbli għall-aġenziji tal-ikklerjar koperti fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-ESMA, jenħtieġ li timmonitorja fuq bażi regolari l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju applikabbli fl-Istati Uniti għal tali CCPs u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

(33)

Mill-inqas kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tar-raġunijiet li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni, inklużi l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-Istati Uniti għal CCPs li għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli għall-aġenziji tal-ikklerjar koperti u li huma rreġistrati u ssorveljati mis-SEC. Dawn ir-rieżamijiet regolari huma mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe mument kull meta xi żviluppi rilevanti jġiegħlu l-Kummissjoni biex tivvaluta mill-ġdid dak li ġie stabbilit b’din id-Deċiżjoni. Abbażi tas-sejbiet li jirriżultaw minn rieżami regolari jew speċifiku, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li temenda, jew tħassar din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin, b'mod partikolari meta l-iżviluppi jaffettwaw il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

(34)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs) li jridu jikkonformaw mar-regoli applikabbli għall-aġenziji tal-ikklerjar koperti stabbiliti fit-Taqsimiet 3(a)(23) u 17A tal-Att dwar il-Kambju tat-Titoli tal-1934, fit-Titoli VII u VIII tad-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act u fir-regolamenti adottati mill-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti skont dan, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 fejn ir-regoli interni u l-proċeduri ta’ tali CCP jinkludu miżuri speċifiċi ta’ ġestjoni tar-riskju li jiżguraw li l-marġnijiet inizjali jiġu kkalkulati u miġbura abbażi tal-parametri li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ kuntratti tad-derivattivi eżegwiti fi swieq regolati, perjodu ta’ likwidazzjoni ta’ jumejn ikkalkulat fuq bażi netta;

(b)

fil-każ ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC, perjodu ta’ likwidazzjoni ta’ ħamest ijiem ikkalkulat fuq bażi netta;

(c)

fil-każ tal-kuntratti kollha tad-derivattivi, miżuri mfassla sabiex jillimitaw il-proċikliċità ekwivalenti għal minn tal-inqas waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

miżuri li japplikaw buffer tal-marġni ugwali minn tal-inqas għal 25 % tal-marġnijiet ikkalkulati li l-kontroparti ċentrali tippermetti li jiġu temporanjament eżawriti f'perjodi li fihom ir-rekwiżiti tal-marġni kkalkulati jkunu qegħdin jiżdiedu b'mod sinifikanti;

(ii)

miżuri li jassenjaw piż ta' minn tal-inqas 25 % għall-osservazzjonijiet ta' stress fil-perjodu retrospettiv;

(iii)

miżuri li jiżguraw li r-rekwiżiti tal-marġni ma jkunux inqas minn dawk li jiġu kkalkulati bl-użu tal-volatilità stmata tul perjodu retrospettiv storiku ta’ 10 snin.

Artikolu 2

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, u mbagħad mhux aktar tard minn kull tliet snin wara kull rieżami preċedenti skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tar-raġunijiet li fuqhom tkun saret il-konstatazzjoni skont l-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/377 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju tal-Istati Uniti tal-Amerka għall-kontropartijiet ċentrali li huma awtorizzati u li ssirilhom superviżjoni mill-Commodity Futures Trading Commission mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 32).

(3)  It-Taqsima 3(a) (23) u 17A.

(4)  It-Titoli VII u VIII.

(5)  Rapport tal-Persunal dwar ir-Regolament tal-Aġenziji tal-Ikklerjar mid-Diviżjoni tal-Ispezzjonijiet u l-Eżamijiet tal-Kummerċ u s-Swieq tal-Uffiċċju tal-Ispezzjonijiet u l-Eżamijiet tal-Konformità, https://www.sec.gov/files/regulation-clearing-agencies-100120.pdf

(6)  Dikjarazzjoni dwar Kontropartijiet Ċentrali Awtorizzati skont ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej li Jfittxu li Jirreġistraw bħala Aġenzija tal-Ikklerjar jew li Jitlob Eżenzjonijiet minn Ċerti Rekwiżiti taħt l-Att dwar il-Kambju tat-Titoli tal-1934, [Release Nru 34–90492], maħruġa fit-30 ta’ Novembru 2020.


Top