EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020Q1113(01)

Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika tas-26 ta’ Marzu 2020 li tistabbilixxi regoli interni rigward restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Impriża Konġunta BBI

OJ L 379, 13.11.2020, p. 96–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1113(2)/oj

13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 379/96


DEĊIŻJONI TAL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA DWAR L-INDUSTRIJI B’BAŻI BIJOLOĠIKA

tas-26 ta’ Marzu 2020

li tistabbilixxi regoli interni rigward restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Impriża Konġunta BBI

IL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA DWAR L-INDUSTRIJI B’BAŻI BIJOLOĠIKA (minn hawn ’il quddiem, “l-Impriża Konġunta BBI”)

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament il-ġdid u r-regoli interni,

Wara li kkonsulta lill-EDPS, f’konformità mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725,

Billi:

(1)

L-Impriża Konġunta BBI twettaq l-attivitajiet tagħha f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 560/2014.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, ir-restrizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jikkorrispondu mad-drittijiet u mal-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22, jenħtieġ ikunu bbażati fuq ir-regoli interni li trid tadotta l-Impriża Konġunta BBI, meta dawn ma jkunux ibbażati fuq atti legali adottati abbażi tat-Trattati.

(3)

Dawn ir-regoli interni, inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, jenħtieġ ma jkunux japplikaw meta att legali adottat abbażi tat-Trattati jkun jipprevedi restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

(4)

Meta l-Impriża Konġunta BBI twettaq dmirijietha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, dan jenħtieġ tqis jekk tkunx tapplika xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(5)

Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, l-Impriża Konġunta BBI tista’ twettaq inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari, twettaq attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, tipproċessa każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, tipproċessa proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, tipproċessa lmenti interni u esterni, twettaq awditi interni, twettaq investigazzjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet interni tas-sigurtà (tal-IT).

(6)

L-Impriża Konġunta BBI tipproċessa bosta kategoriji ta’ data personali, fosthom hard data (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta mingħand sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u soft data (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta, u data relatata jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività) (3).

(7)

L-Impriża Konġunta BBI, rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, taġixxi bħala l-kontrollur tad-data irrispettivament minn aktar delegi tar-rwol tal-kontrollur fl-Impriża Konġunta BBI biex jiġu riflessi r-responsabbiltajiet operattivi għal operazzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar ta’ data personali.

(8)

Id-data personali tinħażen b’mod sigur f’ambjent elettroniku jew b’mod stampat, u jiġu evitati aċċessi illegali jew trasferimenti tad-data lil persuni li ma jkollhomx ħtieġa ta’ għarfien. Id-data personali pproċessata tinżamm għal mhux aktar milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata għall-perjodu speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, fl-istqarrijiet tal-privatezza jew fir-rekords tal-Impriża Konġunta BBI.

(9)

Ir-regoli interni jenħtieġ ikunu japplikaw għall-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar imwettqa mill-Impriża Konġunta BBI fit-twettiq tal-inkjesti amministrattivi, tal-proċedimenti dixxiplinari, tal-attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, il-proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, il-proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, l-awditi interni, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) trattati internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

(10)

Dawn jenħtieġ ikunu japplikaw għal operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, waqt dawn il-proċeduri u waqt il-monitoraġġ tas-segwitu tal-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Jenħtieġ jiġu inklużi wkoll l-assistenza u l-kooperazzjoni pprovduti mill-Impriża Konġunta BBI lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tagħha.

(11)

Meta jkunu japplikaw dawn ir-regoli interni, l-Impriża Konġunta BBI trid tipprovdi ġustifikazzjonijiet biex tispjega għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament neċessarji u proporzjonati f’soċjetà demokratika u kif jirrispettaw il-qofol tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

(12)

F’dan il-qafas, l-Impriża Konġunta hi marbuta li tirrispetta, sa fejn hu l-aktar possibbli, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data waqt il-proċeduri ta’ hawn fuq, b’mod partikolari, dawk relatati mad-dritt għall-għoti tal-informazzjoni, l-aċċess u r-rettifika, id-dritt għat-tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt għall-komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data jew għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.

(13)

Madankollu, l-Impriża Konġunta BBI tista’ tkun obbligata tirrestrinġi l-informazzjoni għas-suġġett tad-data u drittijiet oħra tas-suġġett tad-data biex tipproteġi, b’mod partikolari, l-investigazzjonijiet tagħha stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, u d-drittijiet ta’ persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet tagħha jew ma’ proċeduri oħra.

(14)

Għalhekk, l-Impriża Konġunta BBI tista’ tirrestrinġi l-informazzjoni biex tipproteġi l-investigazzjoni u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data.

(15)

L-Impriża Konġunta BBI jenħtieġ timmonitorja perjodikament li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni jkun għadhom qed japplikaw, u tneħħi r-restrizzjoni jekk dawn ma jibqgħux japplikaw.

(16)

Il-Kontrollur jenħtieġ jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fil-mument tad-differiment u waqt ir-reviżjonijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li skonthom, l-Impriża Konġunta BBI fil-qafas tal-proċeduri tagħha stabbiliti fil-paragrafu 2, tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet minquxa fl-Artikoli 14 sa 21, 35 u 36, kif ukoll fl-Artikolu 4 tagħha, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tal-Impriża Konġunta BBI, din id-Deċiżjoni tapplika għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Uffiċċju tal-Programm għall-finijiet tat-twettiq tal-inkjesti amministrattivi, il-proċedimenti dixxiplinari, l-attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, l-ipproċessar ta’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għall-prevenzjoni ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, it-twettiq ta’ awditi interni, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) trattati internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE)..

3.   Il-kategoriji tad-data kkonċernati huma hard data (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta mingħand sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u soft data (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

4.   Meta l-Impriża Konġunta BBI twettaq dmirijietha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, dan jenħtieġ tqis jekk tkunx tapplika xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

5.   Soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data, id-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir, restrizzjoni tal-ipproċessar, il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data, jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni.

Artikolu 2

Speċifikazzjoni tal-kontrollur

Il-kontrollur tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar hu l-Impriża Konġunta BBI, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li jista’ jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur delegat permezz tal-avviżi jew ir-rekords tal-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web u/jew l-intranet tal-Impriża Konġunta BBI.

Artikolu 3

Speċifikazzjoni tas-salvagwardji

1.   L-Impriża Konġunta BBI għandha ddaħħal fis-seħħ is-salvagwardji li ġejjin biex ikun evitat abbuż, jew aċċess jew trasferiment illegali ta’ data personali (4):

(a)

Dokumenti stampati għandhom jinżammu f’armarji siguri u jkunu aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat;

(b)

Id-data elettronika kollha għandha tinħażen f’applikazzjoni sigura tal-IT skont l-istandards tas-sigurtà tal-Impriża Konġunta BBI, kif ukoll f’folders elettroniċi speċifiċi aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat. Għandhom jingħataw livelli ta’ aċċess xierqa b’mod individwali;

(c)

Il-bażi tad-data għandha tkun protetta b’password f’sistema ta’ sign-on uniku u għandha tkun konnessa awtomatikament mal-ID u l-password tal-utent. Is-sostituzzjoni tal-utenti hi strettament ipprojbita. Ir-rekords elettroniċi għandhom jinżammu b’mod sigur biex ikunu salvagwardjati l-kunfidenzjalità u l-privatezza tad-data li dawn jinkludu;

(d)

Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità.

2.   Il-perjodu taż-żamma tad-data personali msemmija fl-Artikolu 1(3) ma għandux ikun itwal milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data. Fi kwalunkwe każ, dan ma għandux ikun itwal mill-perjodu taż-żamma speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, fl-istqarrijiet tal-privatezza jew fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 6.

3.   Meta l-Impriża Konġunta BBI tikkunsidra li tapplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandu jintiżen, b’mod partikolari, kontra r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data u r-riskju ta’ kanċellazzjoni tal-effett tal-investigazzjonijiet jew tal-proċeduri tal-Impriża Konġunta BBI, pereżempju billi tinqered l-evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament, iżda mhumiex limitati għal, riskji ta’ reputazzjoni u riskji għad-dritt ta’ difiża u d-dritt ta’ smigħ.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet

1.   Kull restrizzjoni għandha tiġi applikata biss mill-Impriża Konġunta BBI biex tissalvagwardja:

(a)

is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istati Membri;

(b)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

(c)

objettivi importanti oħra ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, jew interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

(d)

is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, inkluż in-networks tal-komunikazzjoni elettronika tagħhom;

(e)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur tal-etika għal professjonijiet regolati;

(f)

funzjoni ta’ monitoraġġ, ta’ spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, anke jekk okkażjonalment, mal-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c);

(g)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn;

(h)

l-infurzar ta’ dikjarazzjonijiet tad-dritt ċivili.

2.   Bħala applikazzjoni speċifika tal-finijiet deskritti fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, l-Impriża Konġunta BBI tista’ tapplika restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

b’rabta mad-data personali skambjata mas-servizzi tal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

meta dan is-servizz tal-Kummissjoni, istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni, ikun intitolat li jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-drittijiet elenkati abbażi ta’ atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew f’konformità mal-Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament jew mal-atti kostituttivi ta’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

meta l-fini ta’ din ir-restrizzjoni minn dak is-servizz tal-Kummissjoni, istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni jkun ipperikolat jekk l-Impriża Konġunta BBI ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali.

(b)

b’rabta mad-data personali skambjata mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

meta dawn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu intitolati li jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet elenkati abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

meta l-fini ta’ din ir-restrizzjoni minn dik l-awtorità kompetenti jkun ipperikolat jekk l-Impriża Konġunta BBI ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali.

(c)

b’rabta mad-data personali skambjata ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, meta jkun hemm evidenza ċara li l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi aktarx jipperikola l-kooperazzjoni tal-Impriża Konġunta BBI ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

Qabel ma tapplika restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Impriża Konġunta BBI għandha tikkonsulta lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji, l-uffiċċji tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Impriża Konġunta BBI li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f’dawk il-punti.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data

1.   F’każijiet debitament ġustifikati u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-drittijiet li ġejjin jistgħu jiġu ristretti mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar elenkati fil-paragrafu 2 hawn taħt meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat:

(a)

Id-dritt ta’ informazzjoni;

(b)

Id-dritt ta’ aċċess;

(c)

Id-dritt ta’ rettifika, tħassir u restrizzjoni ta’ pproċessar;

(d)

Id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data;

(e)

Id-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

2.   F’konformità mal-Artikolu 25(2)(a) tar-Regolament (UE) 2018//1725, f’każijiet ġustifikati u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin:

(a)

twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju (7);

(e)

ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet tas-sigurtà (tal-IT) trattati internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE);

(i)

fil-qafas tal-ġestjoni tal-għotjiet jew il-proċedura tal-akkwist, wara d-data tal-għeluq tal-preżentazzjoni tas-sejħiet għal proposti jew l-applikazzjoni tal-offerti (8).

Ir-restrizzjoni għandha tkompli tapplika diment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawha.

3.   Meta l-Impriża Konġunta BBI tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, l-applikazzjoni tad-drittijiet fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, din għandha tieħu l-passi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Meta s-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta’ każ speċifiku wieħed jew aktar, jew għal operazzjoni tal-ipproċessar partikolari, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Impriża Konġunta BBI għandha tillimita l-valutazzjoni tagħha tat-talba għal din id-data personali biss.

Artikolu 6

Neċessità u proporzjonalità tar-restrizzjonijiet

1.   Kull restrizzjoni deskritta fl-Artikolu 5 għandha tkun neċessarja u proporzjonata, filwaqt li jitqiesu r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u li jiġi rispettat il-qofol tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika.

2.   Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jsir test tan-neċessità u tal-proporzjonalità abbażi tar-regoli preżenti. It-test għandu jsir ukoll fil-qafas tar-rieżami perjodiku, wara li ssir valutazzjoni dwar jekk ir-raġunijiet fattwali u legali għal restrizzjoni għadhomx japplikaw. Għandha tiġi dokumentata permezz ta’ nota ta’ valutazzjoni interna għal finijiet ta’ kontabbiltà, abbażi ta’ każ b’każ.

3.   Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu temporanji u jridu jitneħħew malli ma jkunx għadhom japplikaw iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom. B’mod partikolari, meta jitqies li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jibqax jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa ħażin id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħrajn.

L-Impriża Konġunta BBI għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-inkjesta, tal-proċedura jew tal-investigazzjoni rilevanti. Imbagħad, kull sitt xhur, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni.

4.   Meta l-Impriża Konġunta BBI tapplika, b’mod sħiħ jew parzjali, ir-restrizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni, din għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi legali skont il-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, inkluż valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Għandhom jiġu rreġistrati r-rekord u, meta applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, meta jintalbu.

Artikolu 7

Obbligu li tingħata informazzjoni

1.   L-Impriża Konġunta BBI għandha tinkludi, fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, fl-istqarrijiet tal-privatezza jew fir-rekords skont it-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ippubblikati fuq is-sit web tagħha u/jew fuq l-intranet biex tinforma lis-suġġetti tad-data bid-drittijiet tagħhom fil-qafas ta’ proċedura partikolari, informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali ta’ dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u t-tul taż-żmien potenzjali.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4), l-Impriża Konġunta BBI, meta proporzjonat, għandha tinforma wkoll individwalment lis-suġġetti kollha tad-data, li huma kkunsidrati bħala persuni kkonċernati fl-operazzjoni speċifika tal-ipproċessar, bid-drittijiet tagħhom b’rabta mar-restrizzjonijiet preżenti jew futuri mingħajr dewmien bla bżonn u bil-miktub.

2.   Meta l-Impriża Konġunta BBI tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, id-drittijiet stipulati fl-Artikolu 5, din għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet ewlenin għaliha, u bil-possibbiltà li jista’ jressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

L-għoti tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 hawn fuq jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud, jekk dan ikun jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 8

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-Impriża Konġunta BBI għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (“UPD”) tal-Impriża Konġunta BBI kull meta l-kontrollur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, skont din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi aċċess lill-UPD għar-rekord li jinkludi l-valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni, u jiddokumenta fir-rekord id-data meta jinforma lill-UPD.

2.   Il-UPD jista’ jitlob lill-kontrollur bil-miktub biex jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   Il-UPD għandu jiġi involut tul il-proċedura kollha. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2020.

Għall-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta BBI

Mat QUAEDVILIEG

Il-President


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130.

(3)  F’każijiet ta’ kontrollur konġunt, id-data jenħtieġ tiġi pproċessata b’mod konformi mal-mezzi u l-finijiet stabbiliti fil-ftehim rilevanti fost il-kontrolluri konġunti kif definit fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(4)  Din il-lista mhix eżawrjenti.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(7)  Din l-operazzjoni tal-pproċessar ma għandhiex tapplika għall-Artikolu 5(1)(d).

(8)  Din l-operazzjoni tal-ipproċessar għandha tapplika biss għall-Artikolu 5(1)(c).


Top